- 2 għall-Kunsilli Lokali
- Tiziana Borg Busuttl
- May 23, 2019
- 2 min read
Fadal biss jumejn għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-ħidma tiegħi bdiet fi Frar. Ma kinitx faċli għal kollox meta tqis illi ddeċidejt li nikkontesta għall-elezzjoni għall-ħabta ta’ Jannar ta’ din l-istess sena. Minn dakinhar li rċevejt il-‘go ahead’ mill-Partit, ipprovajt naħdem kemm nista’. Dan għamiltu billi pprovajt nintegra kemm nista’ mas-soċjeta’ Mġarrija, li issa saret parti minn ħajti. Li nagħżel l-Imġarr ma kienx faċli lanqas, u dan għaliex, ilni biss sentejn residenti hawn. Stajt għażilt lil raħal twelidi, diffiċli, imma iktar viabbli mill-Imġarr. Madankollu, ma xtaqtx nagħmel hekk. Jien nixtieq naħdem issa fil-post li qed ngħix, fil-lokalita’ fejn sibt il-kenn biex nibni lill-familti.
Kull jum, ridt nidra iktar in-nies, ridt nipprova nakkwista l-fiduċja tagħhom. Mhix faċli tippreżenta ruħek, f’post fejn ma jafek ħadd. Mhux faċli, meta tqis li ħafna nies huma ta’ twemmin differenti minn tiegħek. Mhux faċli, meta jgħidulek minn ta’ min int, imma ma tista’ tirrelata ma’ ħadd. Dawn kienu mumenti ta’ sfida, kienu mumenti fejn kienu ser jaqtgħuli qalbi, imma s-sens ta’ determinzazzjoni kienu bil-ferm akbar. Issa l-Imġarr sar il-benniena tiegħi u nixtieq inkun hemm għar-residenti. Nixtieq li nkun preżenti sabiex nara l-proċess ta’ evoluzzjoni, f’soċjeta’ tant rikka u ħelwa.
Parti mill-ħidma tiegħi kienet li ndur bieb, bieb. Li tmur għan-nies u tkellimhom, tagħtni sodisfazzjon kbir. Il-post drajtu aktar u huma n-nies stess li jgħallmuk. Dort kemm stajt, u ma kien hemm xi rkejjen li ma lħaqthomx kif xtaqt. Ħallejt noti għal min irid jikkuntattjani, ħallejt il-fuljett tiegħi, żort postijiet publiċi, sibt ħbieb ġodda. Jekk ikolli nkun fil-kunsill, ma jfissirx li għandi nieqaf nżur in-nies u anzi, nitlobkom tkellmuni dejjem.
Nirringrazzja lil dawk il-persuni li ltqajt magħhom mmatul dan il-perkors, talli emmintu fija, talli sibtkom meta ridtkom. Nirringrazzja wkoll anke lil min forsi wera ċertu xettiċiżmu għax dan tani aktar enerġija biex naħdem aktar u nistinka. Ma nistax ninsa lill-familja tiegħi, li mxew warajja f’kull pass importanti ta’ ħajti.

Infakkarkom sabiex tmorru ivvotaw. Li tastjeni ma ser iwassal għal imkien. Qed tħalli biss lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik. Intom iż-żgħażagħ, ivvotaw ukoll. Ħossukom ixxurtjati li intom parti mit-tieni pajjiż fl-Ewropa li għandkom din il-possibilita’. Forsi illum ma tarawx il-vot bħala element importanti, imma nassigurakom li jumejn oħra ikollkom prijporitajiet ġodda u dan ifisser li tridu tevalwaw x’inhu joffrilkom pajjiżkom.
Min-naħa tiegħi, li nista’ ngħid hu, li żgur ser nagħmel ħilti kollha jekk ikolli nkun preżenti fil-kunsill. Li nkun ta’ servizz għal xi ħadd, hija xi ħaġa wisq għal qalbi. Naf żgur li nixtieq naħdem b'mod kollettiv favur ambjent aktar nadif. Irridu nħarsu aktar l-ambjent ġenerali u niddixxiplinaw aktar ruħna. Nixtieq li jinħolqu aktar opportunitajiet aktar edukattivi għal uliedna. Irrid li l-anzjani tagħna jkunu inklużi u li d-dimensjoni tas-saħħa tingħata prijorita' fir-raħal tagħna stess.
Nirringrazzja mill-ġdid lil kulħadd li kien hemm u laqgħani u anke li semgħani anke jekk forsi mhux tal-istess twemmin tiegħu. Ivvutaw għall-bidla u sabiex ikollna Mġarr aqwa magħmul minn tim imħallat.
Tiziana

Comentários