Il-qalb li tnixxi
- Tiziana Borg Busuttil
- Oct 17, 2022
- 1 min read
Ma ninsa qatt
il-jum mistenni minnek
fejn int ġejt ħdejja
ferħan se ttir
biex taqsam aħbarek miegħi.
U jien tbissimt,
kif inhu xieraq
waqt li bla ma naf kif
ħassejt id-dmugħ invisibbli
jċarcar għal nofs sidri
tant li laħaq it-tiċrita
li għamiltli int stess
int u xxerred l-eċċitament.
It-tiċrita tal-bieraħ
hija ġerħa kbira u fonda
li nġorrha miegħi kuljum
qisha xi premju konsolazzjoni
għal dak kollu li nixtieq
imma li qatt ma jista’ jkolli.
U hekk kif inkun waħdi
biex insib il-kenn
lil hinn mill-ġenn u s-saram tad-dinja
ninżel għal irkoppti nitlob quddiem Alla
u nistaqsih għaliex.
Għaliex?
Għaliex Mulej?
Moħħi wisq ċkejken biex jifhem
xi pjan mistur għandek għalija.
U allura nqum
Kull filgħodu
Bit-tama li l-ferita
xi darba tfiq
u tieqaf tnixxi demm karg
miġmugħ bl-uġigħ
Comments