In-nifs tal-poeżija
- Tiziana Borg Busuttil
- Oct 18, 2022
- 1 min read
B’urġenza kbira
naqbad il-pinna fejn inkun
u l-ewwel karta li tiġi f’idi
b’ wisa’ bajdani
naħtafha.
Il-leblieba kbira li jkolli
biex inżewweġ il-pinna mal-karta
tkun qawwija tant
li qabel ma niġbed in-nifs
u nonfħu ’l barra
bħad-duħħan ta’ sigarett
jien -
ma noqgħodx.
Le, ma noqgħodx
Ma nistriehx
Jekk dak it-tkarwit ta’ ġo fija
Ma jiħux il-forma
f’ġabra ta’ kliem u kitba
li jinqaleb dritt għal poeżija
Le, ma noqgħodx.
Għaliex bil-poeżija
il-qalb u r-ruħ jieħdu s-serħan
Għaliex bil-poeżija
Il-piż tal-ħajja jittaffa
U kapaċi jieħu dimensjoni oħra.
Għaliex bil- poeżija
Il-mistoqsijiet retoriċi jagħmlu iktar sens
Għaliex bil- poeżija
Jien nista nkun jien.
Comments