Lejn Kunsilli Lokali aħjar
- Tiziana Borg Busuttil
- May 21, 2019
- 3 min read
Il-25 ta’ Mejju magħna u allura waslu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u dawk Ewropej. Mhux fatt ġdid li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jiġu meqjusa, b’mod ġenerali, bħala inqas importanti. Wisq probabbli, li kieku ma jaħbtux ma’ elezzjonjiet ta’ livell aqwa, bħal dawk tal-Ewropa, kieku it-‘turn out’ tkun ħafna iktar baxxa.
Madanakollu, dan m’għandux ikun il-każ. Minn barra li l-Kunsilli jservu ta’ pont għall-Gvern ċentrali, ir-riformi marbuta mal-Kunsilli u li ser jidħlu fis-seħħ, ser jagħtu rwol ta’ xeħta oħra lill-Kunsill Lokali. Hemm diversi bidliet pożittivi fejn tidħol it-tmexxija tal-Kunsilli Lokali. Dan għaliex, il-Gvern ser ikun qed jagħti aktar saħħa lil-lokalitajiet. Permezz tar-riformi, ser jintlaqtu aspetti differenti.
Tajjeb li nfakkru qabel kollox, li l-faxxa tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini twessgħet. Dan għaliex bl-inklużjoni tal-Vot 16, żgħażagħ ta’ sittax-il sena jistgħu jivvutaw. Li sa minn eta’ żgħira, żgħażagħ bħal dawn ikollhom dritt jeżerċitaw id-dritt tal-vot, huwa fattur importanti. Ma ninsewx, li ħafna minn dawn l-adoloxxenti jkunu diġa’ jaħdmu u jistudjaw fl-istess ħin. Allura, naħseb li huwa ġust li jkunu inklużi huma wkoll bħala ċittadini li jkunu għadhom kif jibdew jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjeta’. Il-fatt li għandek ġenerazzjoni iżgħar u li tkun parteċipi, toffri perspettiva u ideat friski fil-lokalita’. Għalhekk, tajjeb li nħeġġu lil dawn iż-żgħażagħ jesprimu ħsibijiethom ukoll.
Aktar importanti minn hekk, ser ikun mitlub mis-sindku sabiex mill-ewwel laqgħat tal-Kunsill, kull kunsillier ikollu settur partikolari taħt idejh. B’hekk, l-irwoli jkunu maqsuma. Dan iwassal biex ikun hemm aktar sens ta’ responsabilita’ bejn il-partijiet kollha u allura d-determinazzjoni ta’ ħdima tikber. Kull kunsillier ser ikollu ċ-ċans jiffoka fuq il-qasam tiegħu. Fost dawn l-oqsma insibu: l-indafa, l-ambjent, l-edukazzjoni, l-anzjani u ħafna oħrajn. Pass importanti li ser tkun qed timbotta din ir-riforma hija l-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-lokalita’. Dan, mhux biss ser ikun qed jaċċerta li l-poplu jagħti l-kontribut tiegħu, imma jkun qed jassigura li l-Kunsill jkun qed jitmexxa b’governanza tajba u taħt l-iskrutinju tal-poplu stess. Is-sindku u l-Kunsilliera eletti għandhom jagħtu ċ-ċans lir-residenti sabiex ikunu parteċipi waqt laqgħa pubblika li sseħħ fil-bidu nett. B’dan il-mod, ir-residenti jkunu preżenti għat-tfassil tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill Lokali. Ħadd aħjar mir-resident ma jkun jaf xi jkun għaddej jew aħjar jispjega d-diffikultajiet li jkun għaddej minnu.
Mill-banda l-oħra, iċ-ċittadin ukoll irid jagħti sehmu. Għal xejn ingergru u nilmentaw, jekk imbagħad xħin inkunu mħeġġa nieħdu sehem, nitilqu ‘l hemm jew l-anqas biss nagħtu kas. Ma ninsewx huwa iktar faċli li tikkritika milli tqiegħed fis-seħħ. Bħalissa wkoll, il-laqgħat qed jiġu irrekordjati ‘live’ imma min hawn u ftit ieħor ser ikun hemm ħidma biex il-laqgħat jibdew ikunu anke disponibbli permezz tal-funzjoni tal-‘on demand’. Li hemm pożittiv ukoll, li ħafna mit-toroq li għandhom bżonn ristrutturar ser jaqgħu direttament taħt il-Gvern u hekk, il-Kunsill ser ikollu aktar ċans jiffoka fuq aspetti oħra fir-raħal. Ser ikun hemm ukoll ħidma biex il-Kunsilli jkollhom aktar awtonomija sabiex jimpjegaw n-nies. B’dan il-mod, hemm cans li l-Kunsilli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu b’mod aktar effettiv u effiċjenti.
Wara 25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, kien wasal iż-żmien li jsir xi ftit jew wisq tisħiħ u rinnovar fejn tidħol is-sistema u l-irwol tal-Kunsilli nnifshom. Dan mhux biex ngħidu għamilna xi ħaga, imma biex tassew inkomplu nemmnu, li anke fiċ-ċokon ta’ kull lokalita’, hemm ir-rieda u s-saħħa, biex jekk verament nixtiequ inwettqu l-aħjar affarijiet, ikun possibbli bis-sapport ta’ din l-istutuzzjoni u bl-għaqda tagħna lkoll flimkien.
Minn hawn nixtieq inwassal il-messaġġ konklussiv tiegħi liċ-ċittadini tal-irħula u l-ibliet. Oħorġu u agħtu sehemkom fil-Kunsilli Lokali. Esprimu l-vuċi tagħkom, emmnu fil-kandidati u agħtu cans lil kull min hu ta’ rieda tajba. Emmnu fiż-żgħażagħ u agħtu vuċi lin-nisa u żommu f’moħħkom ukoll lil min għandu l-esperjenza. Fejn ikun hemm bżonn tiġbdu l-attenzjoni fuq affarijiet li tixtiequ taraw aħjar, toqgħodux lura. Bis-saħħa tagħkom biss jista’ jkollna pajjiż aħjar.
Comments