Telaq
- Tiziana Borg Busuttil
- Aug 29, 2018
- 3 min read
Carly inxteħtet għal tulha fuq is-sufan. Fl-appartament tagħha kien hemm skiet li taqtgħu b’sikkina. Għal min ilu jaf lil Carly tul ta’ żmien, żgur li ma kienx jagħrafha minn elf ruħ li kieku kellu jaraha f’dak l-istat.
Carly dejjem kienet iżżomha. Taraha għaddejja, mingħajr ma trid, tħarsilha darba darbtejn. Il-fwieħa tagħha, tidħollok f’imnifsejk u ġġiegħelek tfittex b’ewforija is-sors ta’ dik il-fragranza ħelwa. Imbagħad tara lilha, mara sabiħa, mara mhux tas-soltu. Ħwejjiġha u persunita kienu partikolari. Kellha stil għaliha. Qatt ma ħasset in-neċessita’ li biex tħossha attraenti, għandha tkun bħan-norma. Ħwejjiġha kienet tagħżilhom bir-reqqa u l-uniċita’ tagħha kienet tispikka.
Dan l-aħħar xahar, Carly mhix tħossha normali. Il-karattru tagħha, kien bħal mera mtappna, ma tara xejn ċar minnha. Fil-veru sens tal-kelma, kienet qisha maqbuda ġo xi kapsula, tgħix ġo dinja għaliha. Peter kien sparixxa mix-xena ta’ ħajjitha. Kienet ilha miegħu, imma lejn l-aħħar, kollox kien ħa xeħta oħra. Kienet l-istess attenzjoni u kariżma li kellu u li ressquha lejha li wasslu wkoll biex tbegħdu minn xulxin.
Peter kien qed ikun wisq megħdi fuq ix-xogħol. Donnu kien jieħu gost biss bil-kumpanija tiegħu stess. F’dawn l-aħħar xhur, lanqas biss kien jinnotaha. Tirranġa xagħarha…għalxejn ; biddlet il-fwieħa…l-ebda kumment; tivvinta u ssajjarlu platti ġodda u li jħobb hu, l-anqas grazzi jew proset! Insiet l-aħħar darba li mqar għannaqha u biesha għal xejn b’xejn. Qabel, dan kollu kien jagħti kasu jew aħjar, lanqas kienet taħrablu virgola minn dak li kienet tagħmel hi. Imma issa, dawn l-affarijiet qishom kienu saru kapriċċ.
Carly bdiet tħoss li l-imħabba m’għandhiex tintwera b’affarijiet kbar. Qatt ma kienet tistenna xejn mingħand ħadd. Anzi, minn dejjem kienet il-qatla tagħha titlob xi ħaġa lil xi ħadd. Kienet tal-fehma li min japprezzak u min iħobbok, jurik b’mod spontaneju. Vera li kull bniedem hu differenti, imma bil-mod tiegħu, bniedem jista’ jurik kemm japprezzak skont in-natura tiegħu. Għall-bidu bdiet tieħu paċenzja u tagħdru. Kulħadd ikollu il-mumenti tiegħu…ħadd ma jkun dejjem l-istess. Imma aktar ma bdew jgħaddu l-jiem, is-sabar bdiet titilfu. Bdiet tħossha li kienet hemm għalih għall-isem. Kien qed jasal tard mix-xogħol, u lanqas platt ma kien għadu jneħħi minn quddiemu! Jiekol, iqalleb ftit il-mowbajl u t-televixin, jaħsel snienu u jidħol jorqod. Hi ukoll kienet tkun għajjiena wara ġurnata xogħol u tkompli tagħmel il-faċendi fid-dar.
Kienu jorqdu u l-għada filgħodu terġa’ tibda l-istess rutina…Jum minnhom splodiet! Wasal mix-xogħol u l-platt tal-ikel sabtitulu. Lanqas biss ħares lejha! Sabtet il-flixkun tal-ilma u mat-tieni tisbita, Peter qam furjuż. It-tieni tisbita kienet ix-xrara li qabbdet ġigġifogu sħiħ… Minn hemm beda titjir kkulurit, mhux tad-dawl, imma ta’ tagħjir reċiproku. Carly bdiet titriegħed, qisha qiegħda fuq art għaddejja minn theżiż ikrah waqt terremot. Fi tlett snin li kien ilhom flimkien, qatt ma kellhom ġlieda ta’ din ix-xorta. Peter, lilha, qatt ma kien kellimha hekk jew għolla leħnu magħha. Fid-dagħdieha u s-saħna tal-mument, Carly qaltlu, “Jekk ma jogħġbokx, taf x’għandek tagħmel…ippakkja ħwejjeġek u itlaq.”
“Tinkwieta xejn… ser nagħmel hekk issa stess. Hekk, ma jkollokx għaliex titbaqbaq,” wieġeb hu, bl-leħen biered għal kollox.
Carly issummat. Poġġiet bilqiegħda għax donnha ħasset li ser taqa’ mal-art bħall-kastell tar-ramel waqt buffura qalila. Għamlet l-isbaħ siegħa ċċassatha bilqiegħda b’idejha t-tnejn ma’ moħħha u minkbejha fuq il-mejda. Il-mistoqsijiet li bdew jiġuha f’moħħha dak il-ħin kienu bħal daqqa ta’ ħarta wara l-oħra. “Fhiex inqastu? Tajtu kollox, ħaqqni hekk? Għandi nibqa’ ngħix waqt gwerra bierda? Qatt ma qalli xejn… x’għamilt? Fuq kollox sploda għax sabbatt fuq il-mejda. Fuqi innfisi b’mod partikolari ma semma xejn. Qal li ma jridx jisma’ qrid minn fuq… Irid jgħix fil-paċi, qal. U issa, wara dan iż-żmien kollu?”
Sakemm qed taħseb hekk, Peter ħareġ bil-bagalja. Poġġa ċ-ċavetta tal-appartament fuq il-mejda u qalilha, “Din tiegħek.” Baqgħet hemm…ċassa. Fejn kien sejjer? Ma kellu mkien fejn imur. Lil ommu ma jkellimhiex u l-‘flat' li kellu hu kien għall-kiri. Aħjar jikkalma ftit il-baħar u tara jum ġdid x’seta’ joffri. Ma setgħetx tagħlaq għajn m’għajn… Minn dak il-lejl għadda xahar. B’aħbar Peter qatt ma semgħet u lanqas qatt ratu b’nemes. Qisha d-dinja xorbitu. Ċemplitlu kemm-il darba imma dejjem ħadet l-istess risposta: "Il-persuna li qed iċċempel, ma tistax tiġi milħuqha bħalissa.”

Comments