top of page
Search

LaNdInGs - eżibizzjoni ta' Kevin Mallan

  • Tiziana Borg Busuttil
  • Aug 17, 2018
  • 3 min read

Ammiratur kbir tal-arti, attent għad-dettalji ta' madwaru u mimli entużjażmu għal dak kollu li hu partikolari u oriġinali. Hekk jista' jiġi deskritt Kevin Mallan, li bħalissa qiegħed jistudja sabiex jakkwista l-‘Masters’ fil-Fotografija permezz tal-Universita’ Ingliża ta’ Falmouth.

Parti mix-xogħol mitlub mill-istudenti tal-kors ta’ Kevin huwa, l-organizazzjoni ta’ eżibizzjoni tal-fotografija meħudha mill-istudenti nnifishom. L-eżibizzjoni ser issir f’Xatt iċ-ċangatura l-Floriana ġewwa ċ-ċentru Friends of the Earth Malta u ser tkun miftuħa għall-pubbliku mis-17 ta’ Awwissu sal-24 tax-xahar. (Aktar dettalji dwar l-attivita’ hawn)


Allura, Kev….Ser immur mill-ewwel għall-punt. ‘Landings’ – x’għandu jistenna minn din l-eżibizzjoni l-bniedem li ser jattendi?


Bażikament, ‘Landings’ huwa proġett imtella’ mill-istudenti tal-Universita’ li nagħmel parti minnha jiena. Kull student ġie mitlub jaqsam parti mix-xogħlijiet li għamel u li dan, fl-aħħar mill-aħħar ser ikun parti mill-proġett finali ta’ kull individwu. M’għandniex xi ngħidu, peress li tmiem il-kors huwa fl-2019, il-proġett finali ta’ kull student jista’ dejjem jinbidel xi ftit.

Issa, fil-każ tiegħi, l-eżibizzjoni titratta temi ta’ natura soċjo-ekonomiċi li huma marbuta max-xena lokali. It-titlu formali tal-ħidma tiegħi huwa: ANTHROPOCENE – A DYSTOPIAN LEGACY / (PATRIA).


Sewwa wisq Kev. Issa f’termini iktar komuni, tista’ tfehmni ftit aktar dan xi jfisser?


Fi ftit kliem, dan it-titlu qiegħed juri li qed issir analiżi dwar kif il-mod li bih qed jgħixu n-nies tal-lum qiegħed jaffettwa l-ambjent. Meta ngħid ambjent, ma rridx infisser biss l-ambjent fiżiku imma anke l-ambjent b’mod ġenerali/anke mill-aspett soċjali. Nixtieq li min isegwi x-xogħlijiet jistaqsi jekk hux tassew konxju tal-effetti li qed inħallu warajna permezz tal-prattiċita’ tagħna ta’ kuljum.

Nemmen li fil-verita’, ftit hawn min qed jirrealizza fhiex qed issarraf il-kilba għall-flus. Huwa veru, li bħala soċjeta’ qegħdin nimxu ‘l quddiem ekonomikament, imma qed nagħtu kas x’effett dan kollu qed iħalli warajh?


Tgħidli xi ħaġa dwar l-oriġni ta’ meta u kif wasalt biex taħdem fuq dan kollu?


Biex ngħid kollox, l-ideat tal-bidu kienu differenti, iżda mbagħad waqt li kont qed naħdem wasalt biex nagħżel dan il-ħsieb. Bdejt l-istudji tiegħi f’Settembru tal-2017. Rigward l-eżibizzjoni nnifisha, ħdimt iktar b’mod intensiv għal dawn l-aħħar tlett xhur.


Ma nistax ma nistaqsikx kif beda l-interess tiegħek fil-fotografija. Minn dejjem kienet tinteressak?


Aktar milli l-fotografija, minn dejjem kelli x-xewqa li nesprimi dak li nħoss u qabel, dan kont nipprova nagħmlu b’forom differenti tal-arti. L-arti minn dejjem kienet element li napprezza. Biss maż-żmien, bdejt ninduna li l-fotografija bdiet tqanqal fija ċertu sens ta’ kurżita’. Ridt inkun naf aktar dwarha u minn dak il-mument l-interess beda jikber.


Kevin, jien li nafek ftit aktar mill-qrib, naf kemm inti persuna li ma tħobbx ħafna d-daqq tat-trombi, speċjament fuq dak li tkun qed tagħmel inti, imma għidli, nimmaġina li dan kollu li qed tagħmel m’intix tagħmlu esklussivament biss għall-interess personali tiegħek biex tesprimi ruħek?


Filwaqt li nistqarr li kollox kellu l-bidu mix-xewqa li jkolli iktar approfondiment fuq il-fotografija biex inkun nista’ niżviluppa l-espressjoni tal-arti li hemm fija, huwa naturali li waqt li tkun qed ittella’ eżibizzjoni, tispera li kull min jattendi jiġih f’moħħu għadd ta’ mistoqsijiet li jġagħluh jaħseb b’mod oġġettiv jekk dak kollu li qed iseħħ madwarna u li b’xi mod qed iħalli effett fuq l-ambjent. Jiġifieri, iva, nixtieq ukoll li dan il-messaġġ b’xi mod jasal…


X’tip ta’ xogħol ser inkunu nistgħu naraw f’din l-eżibizzjoni?


Ser ikun hemm imtella’ taħlita ta’ xogħol. Il-maġġor parti tar-ritratti huma meħudha lokalment. Hemm fotografija li ser tkun ta’ natura dokumentattiva, oħrajn aktar sperimentali u uħud b’inklużjoni ta’ kitba.


Għal min hi mmirata din l-eżibizzjoni?


Bażikament, kulħadd huwa mistieden li jattendi. Nemmen li s-suġġett huwa wieħed demokratiku u allura l-eżibizzjoni hija miftuħa għall-udjenza wiesgħa.


X’inhuma t-tamiet tiegħek għall-futur? Fuq liema livell tixtieq li tieħu l-livell tal-fotografija?


Nistqarr li nixtieq li l-fotografija tkun parti integranti tal-futur tiegħi. Pero’ lest li nieħu ż-żmien meħtieġ biex naħdem kif suppost u li l-livell tiegħi jitjieb b’mod serju. Irrid li l-fotografija toffrili orizzonti ġodda u mezz li biha nista’ noħloq rilessjoni.


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page