kont qed nirrifletti
- Tiziana Borg Busuttil
- Jul 9, 2018
- 2 min read
Int u tikber, timmaġina ħafna affarijiet. Taħseb, toħlom, tqis u tirrifletti. Tasal f’punt fejn tistaqsi lilek innifsek fejn tixtieq tasal, kif tixtieq tgħix… Tippjana, tfassal, u tipproġetta. Ikun hemm xi affarijiet li titlaqhom mal-mogħdija taż-żmien. Ikun hemm oħrajn li tbiddilhom jew anke iżżid fuqhom. Jaf tinbidel anke int stess. Il-fatturi jistgħu jkunu varji…
L-esperjenzi li toffri l-ħajja, in-nies li tiltaqa’ magħhom, l-okkażjonijiet li jippreżentaw ruħhom. U l-istejjer…l-istejjer li tisma’. Ġieli tisma’ fatti li jħalluk imbellah. Tispiċċa tistaqsi: “Kif? Jiġru fatti bħal dawn?” Tasal biex tgħid u taħseb, imnalla ma ġarax hekk lili. Mill-banda l-oħra, tifhem ukoll li qiegħed fid-dinja bħal ħaddieħor u allura ma tantx trid tistgħaġeb wisq.
Is-soċjeta’ tal-lum fiha wisq tgerfix, taħwid u tentazzjonijiet. Niftaħru kemm sirna ħielsa, li s-soċjeta’ saret aktar liberali. Imma aħna, ħielsa tassew? Jew sirna skjavi aktar minn qatt qabel? L-awtonomija, jew ir-rieda ħielsa, sejħula kif tridu, hija reali? Jew fil-verita’, inqbadna bil-manetti trasparenti ta’ din il-liberta’?
Mhux lok li bniedem jintilef fi ħsibijiet negattivi… Imma vera, li aktar ma jkollok, aktar trid? Li m’aħna kuntenti b’xejn? Vera li l-ħin kollu nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor mingħajr ma nagħrfu x’ġid għandna taħt imneħirna stess? Il-kitba – assassina tagħna l-bnedmin. Assassina għax kapaċi tagħma lil kulħadd.
Naħdmu qagħtih għal xi ħaġa u nakkwistawha. Imbagħad? X’jiġri? Induru għal xi ħaġa oħra. Wara, insibuha wisq faċli nabbandunaw kollox u lil min ikun qribna biex immorru għal xi ħaġa oħra li tagħtina gratifikazzjoni aktar immedjata. Dejjem irridu.
Il-bużillis hu, li meta forsi jasal dak il-jum, li nsibu sekonda u naħsbu ftit fuq kif aħna, mhux l-ewwel darba li nsibu d-deżert: il-vojt qoxqox, il-baħħ. U hemm, iċ-ċiklu vizzjuż tar-regħba jerġa’ jibda. Imbagħad tara xi tifel Afrikan, li forsi għax toffrilu tazza ilma jew inkella xi ftit attenzjoni, joffrilek tbissima l-ġmiel tagħha jew taralu għajnejh jixegħlu bil-ferħ. Dan kollu meta Ewropew ikun ħass ftit qalbu u jiddeċiedi li jagħtih qatra mill-oċean ta’ ġid li għandu hu.
U hemm tibda d-dilemma. Għandek il-ferħ pur f’qalbek, bħalma għandu dan it-tifel? Int għandek kollox u hu m’għandu xejn. Hu għandu l-istoffa li jitbissem u joħloq barka mill-farka li jirċievi, mentri int għandek kollox u mhux l-ewwel darba li tmur tħares lejn il-mera u tarak indannat.
Hekk saret il-ħajja. Ġid li donnu ma baqax ġid imma progress li ġab xejn inqas ħlief rigress!
TMIEM

Comments