Mitluf
- Tiziana BORG Busuttil
- Jun 25, 2018
- 4 min read
Ma felaħx aktar. Ħassu ser jisplodi. Ried jaqta’ mqar għal ftit jiem. Jekk ser jibqa’ sejjer hekk, żgur ser imur għall-agħar. Meta bniedem jintilef b’ruħu u ġismu fuq xi ħaġa, faċli ħafna li lanqas biss jinduna bid-dwal il-ħomor li jkunu qed jixegħlu sabiex jiġbdulu l-attenzjoni. Sam kien wasal f’din l-estremita’. Bilkemm kien jaf li qed jgħix. Nadine qaltlu daqshekk u issa kellu dubji serji kemm seta’ jerġa’ jiġbidha lura lejh. Kif jgħidu, il-ġarra ġejja u sejra, fl-aħħar tinkiser!
Tilef. Tilef lilu nnifsu. Kellu jagħmel xi ħaġa imma... Induna li ried jibda minnu nnifsu l-ewwel. Ix-xogħol avża li kien ser jieħu ħamest ijiem frank. Naħseb dawn kienu l-ewwel jiem tiegħu, wara ma nafx kemm-il sena. Litteralment, beda jħoss il-ħtieġa li jbattal lilu nnifsu minn kull negattivita’ li ġemma', minn kull ħsieb, mill-ġenn tad-dinja, li dan l-aħħar, donnha hekk biss saret toffri. Madanakollu, jaf ukoll li dak li kien qed iħoss ġewwa fih, ġabu kollu b’idejh. Siker għal kollox fuq ix-xogħol u ma kien jara xejn ħliefu. Għalih kien jeżisti hekk biss. Sam ħass il-bżonn li jemariġina ruħu minn kollox. Ma kien hemm xejn aqwa mill-baħar u l-kampanja kull meta jkolli bżonn iserraħ il-menti. Qabad basket mill-gwardarobba, dar dawra fil-kamra tiegħu u ġol-kċina, ħa dak kollu li kellu bżonn u mar ħdejn ommu.

“Ma, jien ser inkun bil-frank. Għandi jumejn mhux ser nersaq id-dar. Mowbajl mhux ser nieħu miegħi. Tinkwetax għalija. Għandi bżonn brejk u rrid noqgħod ftit waħdi. Bezzjoni, ma.” Bies lil ommu fuq ġbinha u ħareġ. Ġabar ċavetta żgħira mill-garaxx, daħal fil-karozza u erħielha lejn il-Ġnejna. Sieħbu kellu daqsxejn ta’ kmajra fl-imwarrab u kien tah kopja taċ-ċavetta. Kien ilhom ħbieb u kien ħallielu din iċ-ċavetta biex meta jfettillu, jmur jittawwal ftit u jekk dejjem kien ikun irid, seta’ jmur fiha wkoll. Sieħbu, dawn l-aħħar snin kien qed jgħix il-Polonja u lil Sam kien jafdah b’għajnejh magħluqa. Kull meta jmur, forsi darba kull erba’ xhur, Sam kien jittawwal kemm kemm, jiftaħ kullimkien, joqgħod kwarta kollox u jaħrab ’l hemm. Dejjem kien ikun mgħaġġel biex imur ikompli jaħdem. Illum imma, mhux beħsiebu jagħmel hekk. Il-jumejn frank li kellu, kien ser iqattagħhom bħall-eremit ġo dik il-kmajra.
It-teknoloġija u l-modernita’ derriet ’ill-bniedem għażżien u bħalma ma jgħidu, meta titlef oġġett tkun taf tassew xi jsarraf. Il-Ġnejna ma kellux dawl, ħlief il-lampa li kien ħa miegħu. Ħa saqqu u kutri rqaq u tefa’ miegħu il-malja wkoll. Vera li kien għadu Mejju, imma kien jemmen li l-baħar għandu effett terapewtiku. Tefa’ wkoll ktieb tal-awtur preferit tiegħu. Dan il-ktieb tagħtuhulu Nadine sentejn ilu imma lanqas qatt ma kien fetħu. Il-qari għall-gost kien passatemp li ilu li tilfu. Wasal quddiem il-kmajra, fetaħ il-bieb żdingat u ħalla l-affarijiet fuq barra mal-ġenb. Poġġa fuq l-għatba sabiex iħalli l-arja tiċċirkola. Intefa’ bilqiegħda mal-art iħares fil-vojt. Kien għadu ma bediex jifli ġmiel in-natura, imma kien qed jisma’ l-ħsejjes ħlejju tal-mewġ mal-blat. Kien mitluf, imma l-ħoss kajman tal-baħar kien diġa’ beda jsabbru.
Għamel ftit kafe’ bl-apparat tal-gass li ħa mid-dar. Hekk kif kellu belgħa kafe’ sewda f’idu, qabbad sigarett. Ħa nifs u ħareġ id-duħħan minn imniffsejh. Għal ftit minuti ħassu vojt. Pero’, is-sigarett biss kien l-uniku ħabib tiegħu... Kien iqatta’ l-ħin miegħu ta’ spiss, jisimgħu bla ma jitkellem u jisimgħu ukoll bla ma jiġġudikah. Ġiet quddiem għajnejh ommu. Dalgħodu raha tassew differenti! Possibli kienet xjieħet hekk ommu? Jista’ jkun… Dawn l-aħħar snin tant kien aljenat li lil ommu, li kienet tgħix taħt l-istess saqaf miegħu, kien bħal donnu jaraha parti mill-għamara, ma ndunax bit-tibdil tagħha. Nadine... Nadine l-istess. Dejjem tiġri warajh, iċċempillu, tissaporti l-burdati mnervża tiegħu. Imma issa xebgħet, iddejqet. L-uniċi mumenti li kienu jiftħu ħalqhom, kien biss biex jiġġieldu. “Sam, nibqa’ miegħek u mingħajrek saret l-istess ħaġa. Ħin bil-kwiet għalina m’għandek qatt. Kumplimenti u żegħil m’għadhomx jeżistu...Xejn!”
Xtaq jagħmel eżami tal-kuxjenza miegħu nnifsu. Jekk kellu jkun sinċier għal kollox, jaf li Nadine kellha raġun. Kien iħobbha, imma kien qed jeħodha wisq ‘for granted’. Kien jaf kemm kienet tfajla kooperattiva, ħelwa u li dejjem lesta għal kollox għalih. Ġibed l-aħħar nifs u mad-duħħan tas-sigarett donnu ħareġ ukoll element ta’ biża’. Qalbu kienet qed tħebbru ħażin u li Nadine mhux ser terġa’ lura.
Kien il-Ġimgħa u biex jipprova jaljina, beda jara fhiex kien ser jehda. Bla mowbajl u bla internet kien kollox diffiċli. Minn banda, tant kellu rasu mifqugħa, li fl-istess ħin, il-piż ta’ mingħajr mowbajl ma rritahx daqshekk. Ħin minnhom imtedd ftit, u bla ma ma kien jaf kif, marret għajnu bih. Kien tard wara nofsinhar u minn dik in-ngħasa ħelwa, raqad raqda papali. L-għejja mġemma’ ta’ żmien twil, għamlet bih tant, li kien qisu taħt xi effett ta’ maġija. Dawn il-ġimgħat bilkemm kien qed jorqod sew.
It-tpespis tal-għasafar u r-raxx tal-baħar server ta’ żveljarin għall-għodwa ta’ wara. Fetaħ għajnejh u għal sekonda, kien nesa fejn qiegħed u għaliex. Ħareġ barra jittawwal lejn il-baħar u quddiemu ra orizzont li jagħti għall-infinit. Ħassu mitluf u fl-istess waqt, kien donnu sab lilu nnifsu. Kif tgħid... donnu kien reġa’ sab il-kontroll tiegħu stess. Ra gawwi għaddej jofroq is-sema. Xi ġmiel! X’hemm isbaħ milli tkun ħieles, int u tgawdi l-veduta ta’ madwarek?? Ara hu, hu ma kienx bħall-gawwi. Hu kien spiċċa skjav tiegħu nnifsu, tal-imejls, tax-xogħol... Imma ħajtu għandha tkun hekk biss?
Kompla jħares lejn is-sema, jistenna bħal-leħen Divin jigwidah. Kien baqgħalu ftit sigħat f’dik il-kmajra qalb il-ħemda tan-natura biex jara x’ser jagħmel f’ħajtu minn dakinhar ‘l hemm...
Comments