Riflessjoni - il-Milied
- Tiziana BORG Busuttil
- Dec 18, 2017
- 2 min read
“Kulħadd b’dik it-tbissima, hekk kif jasal żmien il-Milied” – Żgur li ġieli smajtu b’dawn il-versi tant popolari xi darba jew oħra. Bħal dan iż-żmien, Tini Tini żmien il-Milied tindaqq spiss, imma mhux vera li kulħadd ikun qed jistennih dan il-mument. Jeżistu viżjonijiet differenti dwar il-Milied: min iħobbu ħafna u min le ; min ma jemminx bih, imma jipparteċipa bis-sħiħ fl-attivitajiet ; min inissillu fih sens ta’ niket. Insomma, sentimenti u xenarji, jeżistu ħafna dwar dan iż-żmien.
Nammetti, li għalkemm inħobbha l-festa, mhix waħda mill-preferiti tiegħi. Naħseb raġuni minnhom hija li naraha li s-soċjeta’ ġabitha wisq tidher artifiċjali. Ilbieraħ smajt quddiesa, u nistqarr li l-qassis impressjonani bl-omelija li għamel. Bħas-soltu, dan il-qassis ħassejt li wassal messaġġ relevanti u mhux wieħed falz jew artifiċjali. Naturalment, wieħed mill-punti li tkellem dwaru huwa dak tat- tifsira tal-Milied. Il-mod kif tkellem laqatni u nimmaġina li jista’ jolqot lil ħafna nies, anke lil dawk li ma jseqgwu l-ebda tip ta’ reliġjon. Li qal jagħmel sens, għaliex nemmen li jagħti tifsira ġdida lejn il-mod kif aħna, bħala individwi, inħarsu lejn il-ħajja.
Milied. Kelma jew aħjar nom li ġej minn nom ieħor... twelid. Twelid, aktar milli dak ta’ Gesu tarbija, twelid mill-ġdid tagħna nfusna. Kemm aħna bħala persuni, lesti li nitwieldu mill-ġdid, kull jum? Lesti li nħallu t-toqol tal-għemejjel tal-passat, biex nibnu futur aħjar? Meta ngħidu futur aħjar mhux qed nirreferi għal xi proġetti kbar jew xi akkwisti ġodda, imma għall-affarijiet żgħar li nwettqu kuljum. Affarijiet żgħar li jekk nibdew nagħmluhom, jagħmlu differenza kbira fina, u awtomatikament inħossuna aħjar.
Il-bniedem, mingħajr ma jrid huwa egoist. Qatt mhu kuntent b’li għandu u kemm jaħseb fih nnfisu direttament u anke indirettament. Fil-verita’, jara li għemil,ħsieb jew inkella ġest jaffettwa tajjeb lilu, mingħajr ma jagħti wisq kas jekk dak li hu pożittiv għalih hux negattiv għal ħaddieħor. Imma kif jgħidu, fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama. U l-fatt li nqumu fil-għodu, huwa diġa’ biżżejjed biex nqisu lilna nfusna ffortunati. Li nqumu u nkunu b’saħħitna, mhix xi ħaġa naturali, mhux xi dritt divin li kull wieħed jaħseb li għandu.
U huwa proprju għalhekk, li għandna nistaqsu lilna nfusna serje ta’ mistoqsiiet. Jien, l-ewwel waħda, nixtieq nibda nistaqsi lili nnifsi:
Għaliex l-iżball tal-bieraħ għandu jkissirini?
Illum li qomt u għadni ħajja, għaliex m’għandix nitwieled mill-ġdid? Għandi ċans ieħor biex intejjeb lili nnifsi. Għandi narmih?
Għandi nibqa’ nweġġa’ lil min iħobbni għax rajt l-ewwel l-interessi tiegħi?
Għandi nkompli nkun siekta quddiem l-inġustizzja?
Għandi inkompli ngħaddas lil xi ħadd li qiegħed ‘l isfel, meta b’kelma nista’ ngħinu?
Temmen jew ma temminix f’Alla, kulħadd huwa mistieden biex jgħix ħajja tajba, fis-sens, nieqsa mill-mibgħeda u mimlija sodisfazzjon u ferħ. Għandna nużaw kull ġurnata bħala ċans ieħor ġdid. Ma ninsewx kemm hawn min tilef dan iċ-ċans anke ta' eta' żgħira.
L-omelija tal-bieraħ ispiratni ħafna u għalhekk xtaqt nikteb din ir-riflessjoni, biex min forsi bħalissa jħossu xi ftit imnikket għaliex is-soċjeta' tpinġi li dan iż-żmien li għandu jkun perfett, jiftakar li l-ħajja għandek tagħmilha INT u KULJUM.
Il-Milied it-tajjeb!
Comments