top of page
Search

Waqt jiem il-ħarifa (poeżija)

  • Tiziana BORG Busuttil
  • Oct 30, 2017
  • 1 min read

Issa li l-ħarifa bdiet sewwa sew

l-ambjent jieħu xeħta differenti:

is-siġar jibdew ibiddlu surithom

il-weraq tagħhom ikanġu l-lewn

u bil-mod jaqgħu minn fuqhom.

Bħalma s-siġar jinżgħu gradwalment

u jneħħu l-weraq tagħhom,

hekk ukoll irrid nagħmel jien:

Ninża mid-drawwiet il-ħżiena,

mill-ħsibijiet negattivi,

li ħafna mid-drabi,

jibdew hekk kif jibda

ibexbex il-jum.

Irrid,

inħalli ż-żiffa tmellisni

biex b’xi mod

issabbarni, tinkuraġġini

u tgħini nagħraf

li l-bidla iebsa

imma meħtieġa

biex iċ-ċiklu tal-ħajja,

jibqa’ għaddej.

U hekk kif tibda riesqa x-xitwa

bħal ħlejqiet li jgħixu fil-kesħa

nidħol f’qoxorti, fil-post li nħoss sigur

biex inħares b’saħħti kollha

il-biddla,

li tant inkun ħdimt għaliha

fil-jiem qliel tal-ħarifa.

Bil-mod,

naħżen it-tajjeb,

inrawwem lili nnifsi

biex nibża’ għal dak

li nkun ħdimt għalih;

biex hekk kif tibda r-rebbiegħa

niżboq minni kuluri ġodda

u friski.

TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page