top of page
Search

Il-Lukandiera ġewwa Ħal Tarxien

  • Tiziana BORG Busuttil
  • Oct 24, 2017
  • 2 min read

Il-Lukandiera ta’ Carlo Goldoni, sabet ruħha Ħal Tarxien, proprju s-Sibt u l-Ħadd li għadda. Mhux qed niġġennen, vera dak li qed ngħid! Dilettanti tal-opri Taljani u anke dawk li mhumhiex, imma li għandhom għal qalbhom it-teatru, fi tmiem il-ġimgħa li għadda kienu mistiedna sabiex jaraw ir-rappreżentazzjoni tal-kummiedja ‘La Locandiera’. Din l-opra ġiet maqluba għall-Malti minn Albert Marshall. Is-serata ġiet imtella’ taħt id-direzzjoni artistika ta’ Anthony Ellul bil-parteċipazzjoni ta’ artisti, pjuttost stabbiliti fix-xena lokali.


Ir-rappreżentazzjoni tal-kummiedja, li għalkemm ġiet miktuba fis-seklu 18 ġewwa r-reġjun tal-Veneto, fiha ħafna x’tomgħod u dan isir waqt li l-ispettatur jitbissem ukoll. F’din l-opra Goldoniana, tispikka l-figura ta’ Mirandolina, il-protagonista. Il-mara, li barra li kienet mara sabiħa, kienet mara intelliġenti u ta’ stoffa biżżejjed, li tmexxi wkoll il-lukanda li wirtet. U li mara bħal Mirandolina, tkun protagonista simili, ma kinitx viżjoni daqshekk komuni għas-seklu 18. Ma ninsenwx li fis-seklu 18, żmien fejn l-Illuminiżmu kien qiegħed jiddomina s-soċjeta’, ir-razzjonalita’ kienet qed tingħata l-importanza tagħha.


Goldoni qabad karattri pjuttost realistiċi, li jirreflettu l-ħajja ta’ kuljum, u ta ħajja lil temi importanti, fosthom temi li jagħtu aktar wisa’ lill-ħsieb aktar milli s-sentimenti. Hekk tagħmel fil-fatt Mirandolina. Tmexxi l-lukanda bi bżulija imma wkoll billi ddawwar fuq subajha, is-sentimenti li jibdew juru lejha l-Marchese di Forlipopoli, il-Conte d’AlbaFiorita u anke l-Marchese di Ripafratta. Tuża moħħha biex tieħu minnhom l-aqwa qligħ possibli. Madanokollu, Mirandolina turi wkoll biċ-ċar li mhix in-nobilta’ l-kwalita’ importanti li tfittex f’ħajjitha. Fil-fatt, fi tmiem il-opra tagħżel lil Fabrizio, il-qaddej tagħha, li fl-aħħar mill-aħħar huwa bniedem bil-għaqal, bieżel u li kien irrikmandat minn missierha wkoll. Mirandolina titkellem anke mal-ispettaturi u tavżahom, li kienet ser tisfida lil Conte ta’ Ripafratta u ġġiegħlu jdawwar ħsiebu. Hekk għamlet u rnexxielha.


4Teenth Productions, li ħadet ħsieb ittella’ din is-serata, għamlet biċċa xogħol ta’ vera. L-atturi interpretaw l-irwoli tagħhom perfettament. Nistqarr pero’, li l-aktar persunaġġi preferiti tiegħi kienu Mirandolina (Lisa Farrugia) u l-Marchese di Forlipopoli (Sandro Vella). It-tim ħa ħsieb li jiġu ntużati kostumi mill-aqwa li jirriflettu l-epoka u s-sett kien sempliċi imma adatt ħafna għall-kummiedja. Il-lingwaġġ kien ċar anke jekk xorta waħda l-fedelta’ lejn is-silta oriġinali nżammet. Laqatni l-fatt, illi l-kittieb ħalla xi kliem Taljani fejn hemm bżonn biss, u dan għamlu għas-sempliċi skop biex jeżalta l-element nobbli tal-personaġġi. Dan jidher sew meta jitkellem il-Conte ta’ Ripafratta.

Fejn kien hemm bżonn imma, anke biex jinħoloq l-effet satiriku, intużaw espressjonijet ekwivalenti bil-Malti li xorta laħqu l-effett mixtieq mil-lingwa oriġinali. Il-Marchese di Forlipopoli kien wieħed mill-preferiti tiegħi u kien l-iktar persunaġġ li fl-opinjoni tiegħi rnexxielu joħloq tbissima fuq wiċċ l-ispettaturi preżenti. L-attendenza għal dan l-ispettaklu ma kinitx waħda ħażina u t-tim tal-produzzjoni ppromwova kemm seta’ dan l-avveniment.


Nemmen li din il-biċċa tax-xogħol kienet interessanti, ta’ pjaċir kif ukoll edukattiva. Innutajt li kien hemm anke xi studenti preżenti li bħalissa qed jistudjaw it-Taljan fuq livell avvanzat. Attivitajiet bħal dawn, żgur li ser jgħinuhom fl-istudji tagħhom u jgħinuhom japprezzaw aktar l-opra nnifisha. Nixtieq ngħid proset mill-ġdid lit-tim tal-4Teenth Productions li ħadet inizzjattiva simili u li fuq kollox ħolqot xogħol ta’ livell tajjeb.

Għalkemm jiena persuna li meta mmur xi attivitajiet bħal dawn, ikunu ġeneralment prodott lokali mill-bidu sal-aħħar, nemmen li sar xogħol siewi fejn ħareġ il-valur tal-lingwa u tat-talent Malti, anke jekk tradott minn lingwa barranija. J’Alla produzzjonijiet bħal dawn jibqgħu isiru u l-interess fost il-poplu jkompli jitkattar!


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page