L-edukazzjoni f'Malta fl-2017?
- Tiziana BORG Busuttil
- Oct 16, 2017
- 3 min read

‘L-edukazzjoni f’Malta’: il-kliem ċavetta li bħalissa qed jisirqu x-xena lokali. Suġġett li joħloq furja sħiħa, imma mbagħad donnu nerġgħu naqgħu koppi... Malta...art twelidi..inħobbha daqs il-mimmi t’għajnejja imma jiddispjaċini ngħid, ċertu affarijiet f’dan il-pajjiż donnhom ma jinbidlu qatt, speċjalment fejn jidħol is-settur tal-edukazzjoni.
Bl-ebda mod ma rrid inkun negattiva jew pessimista, imma dan is-settur, li tant hu għal qalbi, huwa wkoll l-istess suġġett, li lili jifnini minn ġewwa. Ħafna d-drabi, il-poplu ġenerali, jieħu l-edukazzjoni ‘for granted.’ Kulħadd mingħalih li hu espert... Barra minn hekk, bħalma ħafna jafu, l-edukazzjoni tintuża bħala arma jew inkella bħala ballun politiku. Madanakollu, dak li suppost jinbidel, jibqa’ kif inhu...
Ejjew ngħidu kollox, f’dawn l-aħħar snin, progress u investimenti fl-edukazzjoni, fit-tagħlim u fl-iskejjel saru... Saru diversi ħidmiet, qed naraw ukoll kemm it-tfal qed jiġu involuti f’inizzjattivi differenti, jidher li l-problemi ta’ ċertu studenti li jispiċċaw l-iskola obbligatorja mingħajr ċertu ħiliet u ċertifikazzjoni qegħdin jiġu ndirizzati. Imma l-ikbar investiment importanti, kruċjali u vitali fl-aktar riżorsa bżonnjuża, għadu qatt ma sar. Dan l-investiment irid isir fir-riżorsi umani, jiġifieri fl-għalliema u l-persuni kollha li jaħdmu magħhom.
Dan il-kunċett donnu jiġi mwarrab minn kulħadd. Huwa ferm importanti li pajjiż ikollu inizzjattivi ġodda, skejjel moderni, uniformijiet komdi, promozzjonijiet fuq stili ta’ ħajja b’saħħita, teknoloġija mill-aqwa u x’naf jien. Imma mingħajr għalliema, ma jsir XEJN! Ta’ xejn li tivvinta affarijiet ġodda, jekk l-għalliema ma jimplimentawhomx. Ta’ xejn ikollok it-‘tablet’ jekk l-għalliema tal-klassi issib xi diffikulta’ biex tużah. Ejjew naraw li jekk l-għalliema ma jeħdux azzjoni, jekk ma jinteressawx ruħhom huma, l-edukazzjoni tbati. Kollox huwa importanti, imma l-għalliema huma l-mutur ta’ kollox: il-punt ta’ riferiment għat-tfal, is-sors ta’ motivazzjoni, il-gwida għal meta t-tfal jiżbaljaw...
Issa li f’din is-sena hawn allarm kbir minħabba n-nuqqas tal-għalliema, xorta waħda ħadd mhu qed jagħmel xejn. Kulħadd isemmi l-kriżi... L-għalliem baqa’ l-uniku professjonist mhux stmat. L-uniku wieħed li xogħlu jidher sabiħ għax ikollu erbat ijiem vaganzi fis-sajf. X’ħolma... Ħadd ma jaf xi preparamenti jridu jsiru biex il-ġurnata tgħaddi b’wiċċ il-ġid. Hemm nies li jemmnu li tkun xortik tajba li int għalliema... Mela għaliex hawn il-kriżi?
Indunjana dan l-aħħar, li l-paga tal-għalliema hi baxxa... Progress!! Assistent kap jew Kap, li għandu dik ir-responsabilita’ kbira fuq spalltu, kap serju li jikkomprometti ħajtu u dik ta’ familtu, jibqa’ b’paga ta’ skala 7. Għad hawn ukoll l-idea, fil-Ministeri, li s-‘supply teachers’ huma dawk il-persuni li għandhom biss xi A-level... Ma jafux in-nies li jaħdmu f’dan il-qasam, kemm hawn ‘supply teachers’ gradwati, bil-PGCE, li jaħdmu daqs ħaddieħor? Li dawn l-istess nies, għandhom l-esperjenza li għallmithom ħafna iktar mill-aqwa kors imma jibqgħu jiġu stmati bħala għalliema tat-tieni klassi? Huwa sewwa li l-meritokrazija tkun imħarsa. Imma sewwa li “nimpjegaw” studenti li għadhom ma laħqux? Dan meta hawn min hu ggradwat fis-suġġett u hu meqjus xorta bħala ‘supply’?
Tajjeb li ngħidu, li kull għalliem stabbilit u anke dawk li mhumhiex, f’xi ħin jew ieħor matul is-sena akkademika, jiġu “osservati”, eżaminati, “ikkritikati”. Jekk hemm bżonn tinġibed l-attenzjoni ta’ xi ħadd, żgur li kull għalliem ġieh iċ-ċans li x-xogħol tiegħu jiġi mwieżen. Għaliex mela, persuna ma tiġix iġġudikata fuq xogħolha u la l-bżonn żdied, jekk ikun hemm ‘supply teacher’ iggradwat u bl-esperjenza, ma jiġix tal-post?
Wisq probabbli għad nerġgħu naqgħu fiż-żmien, fejn bħala għalliema jibda jidħol ċikku l-poplu. Dawn l-istess għalliema li semmejt hawn fuq, irridu nagħtuhom korsijiet twal universitarji fuq tagħlim li b’xi mod jew ieħor missewh bil-PGCE. X’ sens fiha? Jekk stess għandhom isiru korsijiet, għandhom jiġu pprovduti mill-Gvern stess, b’ħinijiet flessibli. Ma nafux, li t-taħriġ tal-għalliema huwa kontinwu, matul is-sena, qabel is-sajf etc.. ? Ma nafux, kemm hawn għalliema li jieħdu xogħolhom bis-serjeta’ u kemm il-korsijiet imorru b’mod volontarju u ma jistennew lil ħadd lil min jibgħathom??
Nixtieq, li dan il-pajjiż jieħu dan is-settur bis-serjeta’. L-awtoritajiet iridu jibdew billi jinkulkaw sens ta’ rispett lejn l-għalliema. Nemmen li dan huwa l-ewwel pass. Mhux it-tobba u l-avukati biss huma importanti. Mhix ċajta li uliedna ma jkollhomx min jiggwidhom, min imexxiehom... It-tfal u l-ġenituri, igergru kemm igergru għall-għalliema, mingħajrhom ma jħossuhomx tajjeb, u jkunu jriduhom dejjem preżenti għalihom.
Din is-sitwazzjoni ta’ allarm, ilha minn tal-anqas għaddejja żgur mill-2011...
Ser jinbidel xi ħaġa?
Comments