Il-Pinna u jien
- Tiziana BORG Busuttil
- Aug 18, 2017
- 2 min read
Jum bħall-oħrajn. Normali. Jum ieħor – bla isem, bla leħma għall-ewwel nofs ta’ nhar. U jien...hawn, bilqiegħda, għajnejja tqal bin-ngħas.
Il-kompjuter qed jurini faċċata bajda u vojta. Jien wieqfa, iċċassata inħares lejha. F’ daqqa waħda, idi bdiet tikolni biex sabiex naqbad il-pinna. Il-pinna bħal donnu fiha ċertu seħer, speċjalment f’dan is-seklu, fejn wieħed mill-aktar ħtiġijiet importanti sar dak li jkollok xi ‘tablet’ jew xi kompjuter. Il-kitba bil-pinna, mingħajr ma wieħed jinduna, toħloq effett speċjali. Ngħid għalija, il-kitba tiġi ppreżentata b’kalligrafija partikolari, fejn din tal-aħħar ikollha valur bla qies, valur eċċezzjonali. Anke meta wieħed jaqra, awtomatikament, moħħu jmur fuq il-kittieb, fuq is-sentimenti tiegħu hu u jikteb.
Il-pinna għalija hija għodda importanti. Sa minn mindu kont ċkejkna kienet tiġbidni, sa minn mindu kont żgħira kont infittex pinna u ngħid lili nnifsi: “Nixtieq għandi x’nikteb, x’nirrakkonta, ħalli b’hekk, inkun qed nagħmel użu mill-għodda preferita tiegħi.” Illum il-ġurnata, wara ftit minuti, ngħejja... Għażż, forsi? Għax issa mid-dehra, kulħadd imdorri jtektek u jagħfas fuq it-tastiera. Min jaf?
Qabel, meta kont tfal, ma kienx ikolli x’nikteb. Allura, kont inpinġi jew aħjar, inħażżeż xi grafika żgħira u bla ebda tifsira. Illum iżda, f’ġurnata bħal din, nirringrazzja ‘l Alla li għandi l-pinna f’idi. Dan għaliex grazzi għaliha, nista’ nitkellem, nista’ nesprimi ruħi u għalhekk ingawdi dan il-mument solitarju – jien u lili nnifsi, lili nnifsi u jien.
Il-paġna l-bajda issa mtliet u wasalt biex nimla wkoll it-tieni faċċatta. Iż-żewġ faċċati issa, mimlija bil-frazzjonijiet ta’ sentimenti temporanji u konfużi li qed inħoss. Wisq probabbli jgħaddu jumejn oħra u nistaqsi lili nnifsi, “Hawn xi ktibt?” Imma x’jimporta? Li jgħodd huwa l-preżent – BĦALISSA!! Il-kitba qed tagħtini ċertu serħan u liberta’. It-tieni faċċata, waslet fi tmiemha wkoll.
Għalhekk issa ser nikkonkludi. Ser inwarrab il-pinna biex nerfgħaha. Għal darb’oħra, meta jkolli istint qawwi biex nikteb, hi tkun ħdejja, lesta biex nużaha!

Commenti