Dejjem kont inħobbok
- Tiziana Borġ
- Jul 19, 2017
- 3 min read
Daħal fis-Salsa Bar li kienu mdorrijin imorru fih ta’ spiss flimkien meta kienu għadhom għarejjes. Hemm kien Diego, jiżżegleg mar-ritmu ta’ Vente Pa' Ca, miegħu. Leandro bdiet iddur rasu bih. Ħass saqajh jitregħdu u f’daqqa waħda, qalbu bdiet tferfer. Żamm mal-ħajt għax ħassu li kien se jaqa’ mal-art... F’dik il-minuta, Leandro beda jaħseb jekk dak li kien qed jara kienx tassew Diego. F’daqqa waħda Diego lemħu, bjad karti u beda riesaq lejh. Leandro kif rah ġej, ħareġ ’il barra, kif seta’, hu jżomm mal-ħajt filwaqt li jmiss sidru.
********
Diego u Leandro kien ilhom jafu lil xulxin. Kienu jattendu l-istess skola u barra minn hekk, kienu joqgħodu fl-istess blokka ta’ appartamenti. Diego minn dejjem kien tfajjel estrovert, xagħru qastni u għajnejh ħodor. Leandro kien samrani, għajnejn kbar u iqsar minn Diego. Għalkemm kien mistħi, kull min isir jafu jiġġennen fuqu, għax kellu karattru ħelu ħafna.
Meta kienu żgħar ħafna kienu jiltaqgħu għall-‘private’. Dejjem kienu jpoġġu fejn xulxin bilqiegħda. Anke jekk kienu għadhom żgħar biex jifhmu, kienu jaraw kemm kien hemm ċertu affinita’ bejniethom. Din l-għaqda ta’ bejniethom ikkonfermawha fis-sekondarja, meta intebħu li bejniethom ma kienx hemm biss qbil fil-personalita’ u l-karattru tagħhom, imma ndunaw li fir-realta’ huma kienu attratti lejn xulxin.
Iż-żmien beda jgħaddi u dejjem żammew ħafna lura milli juru s-sentimenti tagħhom lejn xulxin quddiem in-nies. L-imsejknin Leandro u Diego, kienu ġejjin it-tnejn li huma minn familji b’ideat kemmxejn konservattivi. Kienu jafu, li diġa’ diffiċli tħabbat wiċċek mal-istigmi li timponi s-soċjeta’ imma kienu jafu li hija bil-ħafna aktar iebsa, jekk id-diffikultajiet jibdew mill-familja tagħhom stess. Riedu joqgħodu attenti, biex kemm jista’ jkun isibu l-mument opportun sabiex jagħtu bl-aħjar mod l-aħbar lil familthom. Dan l-aħħar żmien, is-soċjeta’ bdiet tbiddel il-mentalita’ u ma għadhiex tqis nies bħalhom qishom xi aljeni. Madanakollu, xorta kienu jafu, li min kien bħalhom, mhux dejjem isibu min jagħmlilhom ħajjithom faċli. Imma issa kienu qatgħuha. Huma għandhom dritt iħobbu u jgawdu lil xulxin, bħal kull koppja oħra wara kollox.
Għeluq il-21 sena, Diego u Leandro kienu ħadu deċiżjoni importanti, dik li jixtru post flimkien. It-tnejn kienu qablu li ma kellhomx għaġġla biex ilestuh sew. Setgħu jaħdmu fih pass, pass, biex fi żmien sentejn, imorru jgħixu flimkien. Xi sitt xhur qabel is-sentejn, iddeċidew li jagħtu l-aħbar lill-familji rispettivi tagħhom. Sfortunatament, il-familji tagħhom ħadu l-aħbar b’mod ħażin ħafna. Missier Leandro, saħansitra talbu biex jitlaq mid-dar mill-għada. Imnalla kienu preprarati t-tnejn, għax spiċċaw kellhom imorru jgħixu fl-appartament, qabel iż-żmien maħsub.
Minn dakinhar, għaddew sentejn. Kienu qabdu ċertu ritmu fil-ħajja tagħhom, u issa kienu draw aktar lil xulxin. Fi żmien xahar kienu waslu għall-pass li jmiss: iż-żwieġ ċivili. It-tnejn kienu eċitati, imma minn banda, kienu t-tnejn qalbhom sewda, li l-għeżież tagħhom ma riedux ikunu preżenti magħhom biex jiċċelebraw dak il-mument sabiħ magħhom. Din għalihom kienet diffiċli, imma dejjem fehmu, li sakemm għandhom lil xulxin, ma kien jonqoshom xejn.
****************
Dan l-aħħar Leandro kien qed jara lil Diego b’mod kemmxejn differenti. Kien naqqas mill-attenzjoni li kien qed jagħtih u qisu kien qed jarah kemmxejn biered. Leandro ma tkellem xejn miegħu fuq il-biċċa, imma kien diġa’ lest li jżomm għajnejh iktar miftuħa fuq il-biċċa. Jgħasses ‘l hemm u jgħasses ‘l hawn, Leandro skopra li Diego kien qed ikun ta’ spiss fil-kumpanija ta’ ċertu wieħed Xavier. Dan sakemm ikkonferma dak il-mument li daħal fis-salsa bar. Rah jiżfen miegħu u dak il-ħin Leandro ħass li demmu kien sarlu velenu.
***************
Diego ġera warajh. Leandro baqa’ miexi bi tbatija.
“Leandro, ieqaf naqra jekk jogħġbok...”
“Għaliex għandi nieqaf? Qas niflaħ inħares lejk,” wieġbu Leandro. “Li kieku kellhom jittorturawni, naħseb lanqas biss inħoss l-uġigħ kollu li qed inħoss bħalissa ma’ ġismi kollu. Missek tistħi...”
“Ikkalma naqra, mhux hekk,” wieġeb Diego.
“Mela kif? Kif? Wara dak kollu li għamilna flimkien. Qattajna ħajjitna flimkien, iġġilidna flimkien biex naslu fejn qegħdin, għandna l-post u ż’żewwiġna u konna qed naħsbu fuq l-adozzjoni wkoll. U int ġejt ma’ dak il-pulċinell li kien hemm hemm ġew...”
“Iva bil-mod Leandro,” qal Diego. Kien dak il-ħin fejn Leandro, ħaġa li qatt ma kien għamel qabel, għaqqad il-ponn u tah daqqa b’kemm kellu saħħa, dritt għal ġo wiċċu.
Mifxul Leandro qasam it-triq, mingħajr ma kien jaf fejn hu sejjer. Dak il-mument, tfajjel fis-sakra kien għaddej u tgħajjar lil Leandro. Għollih sew mill-art u spiċċa minxur mal-art. Diego qam jiġri u jżomm imnieħru jqattar id-demm.
“Leo, Leo... qum, qum,” qal Diego, hu u jagħtih fuq wiċċu b’mod ħafif sabiex iqajmu, “Qum, Leo, please, qum.”
Imma kollu għalxejn. Leandro kien ħa daqqa sew. Dak il-ħin Diego għaddewlu salt ħsibijiet minn quddiem għajnejh. Ma’ Leandro kien qatta’ l-isbaħ żmien ta’ ħajtu. Ta’ żball iblah issa, kien qed iħoss li ser ipatti għalih qares.
“Kellimni Leo, kellimni,” kompla Diego. “Ċemplu l-ambulanza, malajr,” beda jgħajjat.
“Die.. jien dejjem kont inħ-inħ-o-bbok,” qal Leandro bl-aħħar sifja nifs li kien fadallu.
Ma’ dawk il-kelmiet, Leandro miet u Diego infexx jibki u jwerżaq. X’għamel b’idu? Kien tilef l-uniku vera mħabba ta’ ħajtu. L-uniku li kien għamel kollox għalih!

TMIEM
Comments