top of page
Search

Ma tridx tifhem

  • Tiziana Borġ
  • Jul 18, 2017
  • 5 min read

Kienu jsejħulha Maggie fil-qasir għax hi kien jisimha Margaret. Din Maggie tarmi l-enerġija minn kull por ta’ ġisimha. Ħafna nies kienu jħobbuha. Kellha qalbha tad-deheb, taf tinżel għal-livell ta’ kulħadd u kapaċi tagħmel ħbieb jew aħjar taqbad konversazzjoni f’temp ta’ sekondi. Minn barra li ħafna nies kienu jiddeskrivuha bħala persuna b’karattru tal-ġenn, ta’ min jgħid li ma kinitx tifla kerha u li tiddejjaq tħarsilha għal darba, darbtejn.

Maggie kienet taħdem ġewwa “call centre”. Ilha għal dawn l-aħħar erba’ snin taħdem hemm. Hi u l-kollegi tagħha pjuttost kienu tim magħqud u kienu jgħadduha tajjeb bejniethom. Minħabba n-natura tax-xogħol, ma tantx hemm lok ta’ konversazzjoni fit-tul bejniethom, imma kienu jiftehmu sew u meta kien ikollhom il-brejk, kienu jinqasmu fi gruppi, u jinġabru fil-kċina. Minn dik in-nofsiegħa li jkollhom flimkien, jipprovaw jagħmluha teżor. Jiddiskutu, jiftehmu biex jagħmli xi ħarġa, jippjanaw xi attivatijiet, jgħinu lil xulxin fuq livell professjonali u ħafna affarijiet oħrajn. Minħabba f’hekk, dik in-nofsiegħa kienet ittir. U għalkemm tletin minuta mhumhiex ħafna, jum wara l-ieħor, il-konoxxenza tagħhom kienet dejjem qed tikber gradwalment.

Maggie kellha 23 sena. Minn dejjem kienet tifla bil-għaqal, imma fuq livell sentimentali, kienet għadha bħal waħda adolexxenti. Kienet għadha temmen fil-ħrejjef t’imħabba, taħseb li kull min ikellmek għandu intenzjonijiet tajba. Għaldaqstant, mhux l-ewwel darba li ħadet xi falza stikka, u dejjem tispiċċa tħossha mfarrka u mweġġa’ emozzjonalment. Bħalissa kienet waħedha, imma qalbha kienet tħabbat sitta, sitta għal Deyan. Lill-aqwa ħabib tal-qalb tagħha, Sandro, kienet tixroblu moħħu tgħidlu dwaru. Sandro sar jafha minn fuq ix-xogħol, imma kienu saru ħbieb sew. Kważi kull week-end kienu joħorġu flimkien mal-klikka tal-ħbieb ta’ Maggie għax wara ċertu żmien, dawn kienu saru ħbieb tiegħu ukoll.


Fiżikament, Maggie qatt ma kienet attratta lejn Sandro. Ma kinitx tqisu bħala raġel ikrah, imma dejjem kienet tgħid li mhux it-tip tagħha. Madanakollu, bħala karattru kien jiġbidha. Kien jieħu paċenzja biha, jismagħha, ġieli marru jixtru xi ħwejjeġ flimkien, hi dejjem tagħtih il-pariri, u hu dejjem kien jisma’ minnha. Qatt ma kien qallha, qatt, li fil-verita’, hu kien iħobbha. Ma kellux il-kuraġġ jgħidilha kemm hi kienet togħġbu, kemm-il darba kien jimmaġina lilu nnifsu id f’id magħha u li l-istonku tiegħu kien jinqeleb ta’ taħt fuq xħin jaralha għajneja jixegħlu hekk kif issemmi lil Deyan. Ma kienx jaf x’kienet taralu. Vera, kien ħafna isbaħ minnu. Tarah, tistħajlu li ħareġ minn xi reklam tad-‘Dolce e Gabbana’. Kien bniedem mibni, b’għajnejh żoroq, xagħru dejjem f’postu u l-gosti tal-istil tiegħu, ma kienx hemm xi tgħid, kienu faqa’ sew. Hu min-naħa tieghħu kien jipprova jintrama, imma ċeru mumenti għal xejn. Għalih l-importanti kien li jkun liebes sew u li jkun pulit u nadif. Dak kollox!


Biex tgħaxxaq, Sandro qatt ma kellu stima kbira tiegħu nnifsu, u xħin kien jara lil Maggie, iddub hekk kif tara lil Deyan, iktar kien jaqa’ ħażin. Kien jidħol f’qoxortu u jaqta’ qalbu. Kif qatt seta’ jitħajjar itarfilha li hi togħġbu? Dik żgur kienet ser tirrifjutah u disa’ u disgħin fil-mija, il-ħbiberija tagħhom kienet tasal fi tmiemha, u dan, hu, ma ridux. Kien jippreferi jsofri għalih waħdu imma jibqa’ bl-opportunita’ li jgawdiha mill-qrib, imma fl-istess ħin ’il-bogħod u fis-skiet.


Jum minnhom, daħlet għax-xogħol u kienet tidher minn mitt mil-il bogħod li kellha xi ħaġa. L-imwejjed tagħhom kienu qrib xulxin, imma hi bil-kemm ħarsitlu. Għajnejja kienu mtapnin, bid-dmugħ. Kienet tidher li qiegħda ħażin. “Xi ġralha illum?” qal bejnu u bejn ruħu. “Is-soltu dejjem tkellimni, x’ġara? Kellha, x’kellha, dejjem qaltli... Dik anke ġieli xi problemi li jinqalgħu fil-familja, tiġi tiftaħ qalbi miegħi... x’ġaralha differenti? Jien jidhirli li m’għamiltilha xejn...” Ipprova jkellimha, imma dakinhar ma riditx taf...Peress li issa kien draha mhux ħażin, iddeċieda li aħjar iħallieha tikkalma ftit. Jista’ jkun, li f’xi ħin kienet tmur tkellmu hi stess...



Il-ġurnata donnha kienet itwal mis-soltu. Ma riedet tgħaddi b’xejn. Mingħajr il-karattru ferrieħi ta’ Maggie, xejn ma kellu l-istess xgħira. Fl-aħħar, Maggie bħal donnha erħiet naqra. Kif kienu fil-board room, flimkien, lil Sandro qaltlu, “Illum ninsab ħażin ħafna. Ilek tistaqsini x’għandi... Għandek ċans niltaqgħu llejla, għall-kwiet, għax għandi bżonn nitkellem ma’ xi ħadd?”




“Ma tafx li għalik dejjem inkun nista’,” qalilha Sandro u għannaqha miegħu. Bil-fixla ma ndunatx, imma fl-istess ħin Maggie ratha stramba. Kienet taf kemm Sandro kien bniedem riservat u li fuq kollox qatt ma kien juri l-emozzjonijiet tiegħu.



“Narak il-ġnien mela, għal xis-sebgħa,” qaltlu, bid-dmugħ fuq ċnut għajnejha.



Marru lura f’posthom, imma Sandro donnu kellu l-molol. Ma qagħadx minuta bilqiegħda sew. Beda jipprova jimmaġina kull tip ta’ xenarju ta’ x’seta’ nqalgħalha Maggie. Tgħid kellha xi ħaġa serja?


Is-sebgħa daqqu, u Maggie ġiet. Iltaqgħu l-ġnien fejn is-soltu jmorru għaliex ikunu jridu joqgħodu jpaċpċu għall-kwiet. Maggie ma kinitx bħas-soltu. Donnha kienet imqanfda. Mhux soltu tagħha għax hi dejjem iffisita li jkollox f’postu. Raha differenti, litteralment qisha mhux l-istess persuna bħala dehra, imma għalih tkun kif tkun, Maggie dejjem sabiħa, ħelwa u ‘sexy’. Illum kellha xeħta oħra, imma ggustaha l-qagħqa mqanfda ta’ xagħarha, l-eyeliner iswed ftit imżelleġ mad-dawra t’isfel t’għajnejha u l-flokk wiesa’ li kien id-doppju tagħha.


Malli staqsieha x’kellha, Maggie nfaqgħet tibki. Sandro beda jħokk rasu. Ma kienx jaf x’ser jaqbad jagħmel kif raha hekk. “Ma kontx ser ngħidlek, għax naf li ma tieħux gost...” qaltlu Maggie. “Deyan,” kompliet.

“Deyan? X’għamel Deyan?” qal Sandro. “Fhiex daħal fil-kredu?”

“M’għedtlekx, imma lbieraħ ħriġt nieħu drink miegħu u ...”

“E, u x’ġara?”

“Tibdiex San. Għalhekk ma nkunx ħa ngħidlek. Dejjem issir dimonju meta nsemmieh miegħek. Ma nafx kif ma taħmlux daqshekk??”


“Insomma, x’ġara?” kompla Sandro.


“Ħriġna, imma kisirni kisra proprjament. Qal li dak il-lejl ħareġ miegħi għax kien waħdu u li kien induna li hu jogħġobni. Qalli wkoll li ried jiltaqa’ miegħi privatament sempliċement biex nieqaf nipponta lejh għaliex jien ma kellix ċans għal miegħu,” bdiet tolfoq Maggie. “Qalli San, li jien mhux it-tip tiegħu, li jien ma nogħġbux biżżejjed u qalli wkoll li ma jaħsibx li jaqbel mal-karattru tiegħi. Iva jien... kollox ikrah għandi?”


“Dak int qed tgħidu...” qalilha Sandro.

“U inti... aħjar, ħalli tinsieh. M’għandekx xi tridu.”

“Imma għaliex qed tgħidli hekk San, jien inħobbu u hu ma jridnix?”

“Għalhekk ma tistax tibqa’ tinħela fuqu, għax lanqas biss irid jipprova jsir jafek, aħseb u ara..”

“Imma jien lilu nixtieq...Għaliex qed tkompli tweġġani? Għaliex ma tridx tifhem?”

“Jien naħseb int ma tridx tifhem,” qal hi b’għajnejh mimlija dmugħ.

“X’nifhem Sandro? X’nifhem?”

Kien dak il-ħin li ħasadha, qabadha minn qaddha u ressaqha lejh. U biesha, biesha b’intensita’. Telaqha u hi baqgħet ċassa, ma kinitx taf x’qed jiġri...

“Fl-aħħar taf xi jfisser li tkun tħobb lil xi ħadd u ma jagħtix kasek.”

“Jiġifieri..”

“Jiġifieri jien dejjem miegħek, dejjem ħdejk, nagħmel kollox għalik, nisimgħek, l-ewwel ċans li jkolli noqgħod ħdejk, ninsa d-dinja għalik, forsi ma tafx, imma jien inħobbok!”



Wiċċu kien vampa nar u ħassu qisu nemla. Ħass li kien umilja ruħu biżżejjed. Issa ma riedx li jaqbiżlu d-dmugħ quddiemha wkoll. Sandro għaddas rasu ‘l isfel u telaq. Telaq lura d-dar.

TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page