top of page
Search

Biddili naqra l-kulur!

  • TIZIANA BORĠ
  • Jul 17, 2017
  • 3 min read

Illum Lisa ħalfet li tagħmilielha! Ilha taħsibha, imma issa dejqitha sal-ponta ta’ mneħirha. Ħasbet fuq kull konsegwenza pero’ meta titlef is-sabar, Lisa ma tibqax tara u biex tgħaqqad, mhix bniedma li tħobb tissaporti. Għalhekk, iddeċidiet li twettaq il-pjan tagħha, anke jekk kienet taf li ser jinqgħalalha għagħa kbir.



Fetħet il-ħanut bis-sliem u l-ewwel klijenta għal dakinhar, bħas-soltu, kienet Stella. Stella klijenta regolari u tmur tagħmel xagħarha għand Lisa kull nhar ta’ Tlieta. Normalment, fost il-ġimgħa, il-ħinijiet ta’ filgħodu jkunu ddedikati għal dawk li jmorru kull ġimgħa. Iktar iva milli le, dawn ikunu jew xi nisa tad-dar jew xi pensjonanti. Imma l-qatla ta’ Lisa kienet tkun kull nhar ta’ Tlieta, hekk kif għall-ħabta tal-ħdax, tidħol Dolores. Li kieku tista’, lanqas xkupa wara l-bieb ta’ darha ma tkun tridha, wisq inqas fil-ħanut. Ilha dawn l-aħħar sentejn imqanna biha, imma llum kienet ser taqtgħalha ż-żarta. Jiġri li jrid! Din Dolores tiġi fl-aqwa ħin tan-nies u biex tgħaxxaq, illum imissha ż-żebgħa. Dan ifisser li ma kinitx ser titlaq malajr.



Lil Lisa, Dolores kienet iddejjaqha wisq. Vera, iltaqgħet u għadha tiltaqgħa ma’ kull tip ta’ nies fil-ħanut, imma agħar minn din qatt ma rat. ‘L hena tagħha ittaqtaq fuq in-nies, tistaqsi mistoqsijiet b’mod sfaċċat lil KULL min jiġi, anke jekk jiġi l-Priministru, taqla’ polemiki għal tal-apposta, speċjalment ma’ min kienet taf li ser ikollha konfront. F’kelma waħda, kienet fitta u antipatka. Biex żgur Lisa tkompli taraha kerha, il-kampanja elettorali ġewwa l-imbierka gżira tagħhom kienet ilha għaddeja xi xahar issa. L-isfortuna hi, li din il-kampanja kien għad baqgħalha xi xahar ieħor biex timtemm għal kollox. U sa xahar ieħor, mur żommha bi kwieta! Dolores kienet iżomm mal-Partit Roża. Il-partit li f’kull ‘mass-meeting’ il-kulur roża jixgħel u jispikka. Tant hu hekk, li jekk ikollok tħalli l-maktur tal-partit fuq il-kommodina, m’ għandekx bżonn bozza biex tara.


Imbagħad hemm il-Partit tal-Vjola. Il-Partit li kienet iżomm miegħu Jessie. Jessie ma kinitx mill-ħelwin, ma titkellimx, ma tipprovokax, imma jekk taqbdilha u tizzikaha fuq il-politika, m’hemmx ċans li tħallihielek għall-melħa. Jessie kienet hemm bilqiegħda, tistenna fuq il-bank sakemm iż-żebgħa tieħu l-ħin tagħha. Fil-pront daħlet Dolores, qisha serduk għami. Lisa laqgħetha, “Bonġu Dolores. Poġġi hi ħalli nibdew.”



“Kemm int mgħaġġla Lis dalgħodu,” qalet Dolores.


“Ee ħija, inkella ma nlestux. Isma’...inti kulur hux ser tagħmel? L-aħħar darba għedtli li xtaqt tbiddlu... Kif ser tagħmlu?” staqsiet Lisa.


“Irridu differenti Lis. Agħżilli kulur li jixraqli, imma li hu kemm, kemm differenti minn dan li għandi bħalissa,” wieġbet Dolores.


“F’idi mela. Ħa nħallatlek ta’,” qalet Lisa.


U minn hemm bdiet tagħmel iż-żebgħa. Ħassitha mregħda u għal minuta kienet diġa’ birdet. Imma malajr marrilha kull dispjaċir, hekk kif indunat li Dolores qabdet izzekzek. Bdiet tgħid fuq tar-Roża u li l-kap tal-Vjola ma kienx fih ħobż. Waqt dik il-minuta, Lisa stordietu l-pinzell li kellha f’idha u f’qalbha qalet, “Illum, il-qżież kollu l-għandek ser nipprova nneħihulek.” Ħalltet il-kimika li kien hemm bżonn u bdiet idelkilha rasha biż-żebgħa li kienet ħejjitilha...


Lestietha u Dolores marret poġġiet bilqiegħda ħdejn Jessie. Kien dak il-mument, fejn reġgħet bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija. U din il-gwerra tant bdiet f’leħħa, li jekk kellek tistaqsi lil Lisa kif qabdu u evolva l-battibekk, ma kinitx tkun kapaċi tgħidlek. Tant bdew jaqilgħu l-ħama bla heda lil xulxin, li f’minuta, għal naqra ma ġewx fl-idejn. Imnalla kienet pronta waqfithom Lisa billi sejħet lil Jessie biex tiċċekjalha rasha... Li kieku kelli nurikhom kif kien wiċċ Lisa, żgur jaqbadkom id-daħk. Wiċċha beda jbiddel il-kuluri, nervi kbir fl-istonku u bdiet teqleb għajnejha.


Xagħar Jessie lestietu, u ħasset li neħħiet balla minn fuq l-istonku hekk kif telqet, anke jekk kienet taf li mhux Jessie bdiet kollox. Ma setgħetx ma tħossx serħan hekk kif waħda mit-‘troublemakers’ tal-ġurnata kienet telqet. Issa kien jonqos il-fonqla l-oħra. Resqitha lejn is-sink, biex tibda tlaħalħilha xagħarha. X’sodisfazzjon bdiet tħoss... “Illum Dolores, nixtieq nagħtik sorpriża... Ħa nagħmillek xagħrek fuq dan is-siġġu, biex nħallik tara xagħrek fl-aħħar, trid?” staqsietha b’mod Makjavelliku Lisa.


“Tajjeb, Lis. Fittex eħlisni ara, għax jien, nies bħal Jessie jġibuli demmi ilma,” qalet b’wiċċ tost Dolores.


Nixfitilha fuq, fuq xagħarha u bdiet il-'blowdry'. Kif kienet lesta, Lisa qalet, “Ejja Dilor, ħalli tara xagħrek kif ġie.”


Dolores qamet bil-qabża, bil-kemm mhux eċitata. Damet eċitata imma, sakemm rat xagħarha fil-mera!


“AAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAAA! Hemm x’għamiltli mbierka???” bdiet twerżaq Dolores. “Dawn x’affarijiet huma? Għamiltli xagħri roża???”


“Ilek nofs ta’ nahar tiġġieled dalgħodu fuq il-partit. Int mhux ma’ tar-Roża? U jien roża għamiltulek,” wieġbet Lisa bi tbissima sarkastika.


“Tpattieha din Lis, tpattieha,” qalet Dolores b’ton aċiduż.


Lisa ratha lil Dolores taqbad il-basket bis-suppervja u tlebbet ‘il barra qisha xi għafrid.


Fl-aħħar! Hekk kif ħarġet, Lisa nfaqgħet togħxa u tidħaq fuq is-siġġu li kellha ħdejha. “Kos, ġieha tajjeb xagħarha Dolores... proprja waħda minn tat-Trolls!” u kompliet żżomm żaqqha hi u tidħaq.


TMIEM



 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page