Ġanni telaq
- TIZIANA BORĠ
- Jun 12, 2017
- 5 min read
“Kien iz-ziju t’ommi imma għalija kien qisu n-nannu. Qatt ma kelli x-xorti li ngawdi n-nanniet proprja tiegħi imma, Ġanni, Ġanni kien bniedem speċjali, uniku u raġel tad-deheb. Illum , mar jingħaqad mal-Mulej u fl-aħħar ser isib is-serħan li tant kien jistħoqqlu,” tennet tgħid Diandra, b’leħen miksur hi u tipprova iżżomm lura d-dmugħ li kellu ġenn biex joħroġ u jiżvoga d-dwejjaq li kellha f’qalbha.

Wara li qalet dawk il-kelmiet quddiem il-miġemgħa nies li kien hemm fil-knisja, iċ-ċerimonja kienet waslet fi tmiemha, u bħal qatta’ pellegrini, it-tebut tal-qastan ħejja triqtu għaċ-ċimiterju, segwit minn serbut ta’ nies, ħiereġ bil-lajma mill-knisja ta’ San Pawl. Santa Margerita wkoll kien mimli u Diandra kompliet tirrealizza kemm il-ħajja kapaċi tkun sabiħa imma kiefra fl-istess ħin, għaliex meta tasal fi tmiemha, bħal donnu kollox jispiċċa u l-bniedem li int tant kont tħobb, ma tarahx iktar imma jiġi ssiġġillat taħt l-art, għal dejjem ta’ dejjem. Fortunatament, hemm il-fidi, jibqgħu l-memorji u l-frott li jkun żera’ bniedem tul ħajtu. Memorji li jibqgħu jitgawdew mill-qraba u mill-ħbieb ta’ min ikun ħalliena.
Issa għaddiet ġimgħa mill-funeral ta’ Ġanni ta’ Lonz, madanakollu, il-ferita f’qalb Diandra kienet għadha friska. Illum il-Ġimgħa u Diandra xtaqet li teħodha frank mix-xogħol, biex tal-anqas, dawn it-tlett ijiem tqattgħahom waħedha għall-kwiet, qabel ma tkompli tirranka bir-rutina normali ta’ ħajjitha. Id-dar ħassitha donnha kienet ser taqa’ fuq rasha. Ma felħitx toqgħod iktar hemm imqar għal minuta oħra. Ħarġet barra bil-mixi, ta’ fuqha senduqha, kemm ġabret biss il-mazz ta-ċwievet tad-dar. Bdiet iddur mat-toroq tar-Rabat, mingħajr ma taf eżatt fejn kienet sejra. Kienet aljenata għaliex moħħha ma waqafx jhewden anke jekk ma kinitx taf eżatt fuq hiex kienet qed taħseb. Moħħha kien qabad elf tarf imma l-ebda ħsieb ma kienet żvilluppatu sew.
Fid-daqqa u l-ħin, b’mod awtomatiku, sabet ruħha bilqiegħda fuq il-bank ta’ ħdejn taċ-Ċagħki, l-istess bank li kienet tintefgħa fuqu ma’ Ġanni meta kienet iżgħar fiż-żmien... F’sekonda għaddewlha minn moħħha partita tifkiriet li ġiegħluha tħoss ċertu toqol f’sidirha. Mingħajr ma riedet, serrħet daharha mal-bank, ħarset ’il fuq lejn is-sema bħal donnha riedet tfittex lil Ġanni u fl-istess waqt, tipprova treġġa’ lura d-demgħat li kienu diġa’ spuntawlha fuq ċnut għajnejha. Minn banda kienet ferħana li Ġanni kien qiegħed mistrieħ, għaliex dan l-aħħar is-sitwazzjoni tiegħu kienet saret diffiċli. Min-naħa oħra, kellha wkoll ċertu sens ta’ rimors anke jekk dan l-aħħar kienet għamlet li setgħet sabiex għenitu.
Ġanni kien joqgħod qrib tagħhom, żewġ bibien ’l isfel minnhom. Ommha kienet tħobbu lil Ġanni. Meta Diandra kienet għadha żgħira, kienet tiftakar lil ommha tittawwallu u kienet tinnota ukoll kemm kellha ċertu rispett lejh. Omm Diandra kienet tilfet lill-ġenituri ta’ eta’ ċkejkna, u għalkemm Ġanni kien għażeb u ma jafx x’jiġifieri jkollok il-piż tal-familja tiegħek fuq spallejk, kien jagħmel ħiltu biex lil Angela jara li ma jonqosha xejn. Ta’ dan Angela kienet tafulu liz-ziju Ġanni. Diandra imma lil Ġanni kienet tarah wisq bħala persuna speċjali. Meta kienet tfal kien idaħħaqha xħin kienet tarah idaħħan il-pipa. Stramba, imma vera, il-pipa kienet tarah tixraqlu u r-riħa tagħha kienet bħal donnha togħġobha. Għada sal-ġurnata mqaddsa tal-lum, li kif ixxomm riħa ta’ pipa, jiġi quddiem għajnejha hu.
Kienet tqatta’ in-nofs ta’ nhari ħdejh. Anke jekk kienet tħobb tilgħab, biex toqgħod ħdejh kellha s-sabar tad-dinja. Minn jaf kemm-il darba kienet tmur ħdejh fuq dak il-bank, fis-sajf, tpoġġi hemm u tiftaħ par għajnejn u widnejn biex tisma’ dak li kellu xi jgħid? Kien jgħidilha stejjer mill-passat tiegħu, xi farsa li forsi ġieli għamlet ommha, jgħidilha dwar in-nanniet tagħha u kemm kien beka meta l-unika tfajla li kien iħobb u li kien beħsiebu jiżżewweġ, mietet ħabta u sabta b’inċident ikrah! Minn dakinhar ‘l hawn ma ħares qatt iktar lejn mara oħra, ried jibqa’ waħdu, kien jgħid. L-ewwel imħabba li kellu kienet spiċċat fi traġedja u kien ħalef li għall-ebda raġuni ma ried jerġa’ jbati...
Lil Diandra kien iħobbha u kien jitpaxxa jaraha titbissem. Kien jimpressjonah kemm kienet tifla attenta għad-dettalji u kemm moħħha kien qisu sponża, jixrob dak kollu li jiġi ppreżentat lilha. Barra minnhekk, Diandra kienet tħobb tisimgħu lil Ġanni, mhux biss għax kienu jogħġbuha l-istejjer tiegħu u l-mod kif jirrakkuntahom, imma kienet tara li jgħallimha ħafna affarijiet. Ta’ skola ma kienx, imma ma kienx ikun hemm xi xitla li ma jafx fuqha... Kellu għarfien ġenerali jbellhek u ħafna mid-drabi kien jitgħallem minn dak li kien jisma’ mir-radju jew mill-esperjenzi li tagħtu l-ħajja.
Diandra bdiet tikber u r-responsabbilitajiet bdew jikbru magħha wkoll. Bdiet titgħallem l-iskola u l-istudju kienet tieħdu bis-serjeta’. Riedet tiggradwa, kienet tgħid, riedet li ’ quddiem tkun involuta f’ xi qasam soċjali jew politiku li kien seta’ jżommha f’kuntatt man-nies. Lil Ġanni ġieli kienet qaltlu bil-ħolm tagħha u hu min-naħa tiegħu kien jieħu gost jismgħaha. Kien jinnota kemm kellha sens ta’ ambizzjoni ġenwin, realistiku u fuq kollox anke altruist. Hi ġieli qatgħet qalbha u kienet tgħidlu, “Zi, naħseb kultant noħlom xi ftit jew wisq iżżejjed.”
“B’daqshekk ma fiha xejn,” kien iweġibha Ġanni, “li toħlom huwa importanti. Huwa l-ħolm li jżomm il-bniedem ħaj. Huwa l-ħolm li jagħti tama ġdida lil bniedem f’waqtiet fejn jaħseb li d-dinja saret biss ta’ lewn iswed. L-aktar ħaġa li tgħodd hija li tal-anqas nipprovaw niġġieldu biex il-ħolm tagħna nipprovaw inwettquh, anke jekk ma jirnexxilniex.”
Ġanni kien għallem lil Diandra, li fil-ħajja, jiġri x’jiġri, l-iktar importanti hu li tistinka u taħdem għal dak li trid, anke jekk ma jirnexxilekx. Kien derrieha tifhem, li aħjar tipprova u ma jirnexxilekx, milli tibqa’ bil-piena li qatt ma ppruvajt tagħmel dak li tista’... Imma dan l-aħħar kienet qed tħossha ħażin. Dan l-aħħar tant intilfet fuq l-istudju u tant ma għarrfitx tqassam ħinha sew, li ma sabitx mumenti xierqa biex tmur tara liz-ziju Ġann. Iz-ziju Ġann issa kellu żmien u dawn l-aħħar ftit jiem, ħakmitu l-marda kerha tad-dimensja. Kien qiegħed jinsa, ħafna wkoll. Saħansitra, anke xi affarijiet bażiċi kien qed isibha diffiċli li jwettaq.
Darba minnhom anke għal Diandra kien ser jagħmel. It-tabib tal-familja iżda kien avżaha biex tikkumpatih, għaliex meta ndividwu jbati minn marda simili, jinsa min ikunu n-nies ta’ quddiemu u allura l-unika mod biex ma nħossux mhedded huwa li jattakka. B’miraklu u b’ħafna sforzi lil Diandra kien jidhra wara xi ftit ħin tkellmu u tieħdu bil-ħlewwa kull darba. Ġieli kienet tmur fil-kamra tal-banju, tibki bikja waħedha, tixxotta wiċċha u titlaq ‘il barra ħdejh. Ma kinitx tista’ tniżżel il-fatt kif Ġanni, li kienet waqgħetilha żokritha miegħu, kien jirnexxielu jinsa dak kollu!
Imma issa Ġanni telaq, issa Ġanni miet. Għat-telfa tiegħu ddeispjaċiha wisq, imma iktar kienet qed tħoss dwejjaq u toqol għax kienet irrabbjata magħha nnifisha. Kemm xtaqet li qassmet il-ħin aħjar. B’hekk kienet tmur iktar ta’ spiss ħdejh. Min jaf, forsi kienet tgħinu iktar? Kellha sens ta’ rimors qawwi. F’dak il-waqt li kienet qed tħares ‘il fuq, għadda eżatt minn fuq rasha gawwi. Kemm kienu jitkellmu fuq hekk hi u Ġanni. Dak il-gawwi kien bħal donnu sinjal. Kienet konvinta li biex għadda dak il-ħin minn quddiem għajnejha waqt li kienet qed taħseb fiz-ziju, kien sinjal ċar li kien Ġanni stess li bagħtu. Dak il-gawwi ried donnu jfakkarha li Ġanni ma kienx iktar magħha fiżikament, imma żgur li kien magħha f’qalba. B’dak il-ħsieb ħassitha aħjar. Qamet minn fuq il-bank b’sens aktar ta’ paċi f’qalbha.
Madanakollu, minn dakinhar iddeċidiet li kull persuna importanti u preżenti f’ħajjitha għandha tingħata porzjon tajjeb minn tal-ħin tagħha. Dan għaliex meta imbagħad bniedem jitlaq, inutli toqgħod tibkih...
TMIEM!
Kommentare