top of page
Search

Illum differenti

  • Tiziana Borġ
  • Jun 5, 2017
  • 5 min read

Qed idoqq il-mowbajl. Sar il-ħin biex inqum. Dan infisser li saru is-sitta neqes kwart. Mid-dehra irqadt raqda waħda. Ilbieraħ kont imkissra u għalhekk dħalt norqod fid-disgħa u nofs. Mhux soltu tiegħi għax ġeneralment dejjem inġebbida sal-ħdax. Ftaħt għajnejja u sturduta bdejt infittex biex nitfi dak l-imbierek mowbajl forsi jirnexxieli ma nismax iktar dik id-daqqa tedjanti li xogħolha huwa li tfakkarni li għandi inqum biex immur lejn l-iskola.


Ġurnata oħra. Imma llum ninsab partikolarment ħażin. Naf, ġieli jiġu ġranet fejn ma nkunx daqshekk tajjeb u pożittiva, imma llum le, illum mhux bħas-soltu. Illum mkissra, daħna ta’ vera. Irqadt sew madwar seba’ sigħat imma qed inħossni bħallikieku rqadt sagħtejn biss. Donni qomt għajjiena iktar milli kont

qabel ma rqadt. X’ġurnata hi llum? L-Erbgħa... Is-soltu ngħid li nofs il-ġimgħa barra. Imma baqa’ jumejn sabiex din l-infern ta’ ġimgħa tgħaddi. Il-jumejn li għaddew diġa’ ħassejthom daqs li kieku kienu eternita’, ma riedu jgħaddu b’xejn... Imma għaliex irrid ngħaddi minn dan kollu? X’qatt għamilt ħażin jien biex qed jiġrili hekk?


Jien ġellieda, u mill-kbar ukoll. M’iniex il-ġellieda storbjuża li taqla’ l-inkwiet tafux. Ġellieda kwieta, niġġieled fis-skiet. Din l-għodwa imma mhux qed inħossni ġellieda. Din l-għodwa qisni nagħġa. Anke l-ġellieda kultant jgħaddu minn fażi t’għejja. U llum la għandi motivazzjoni, la saħħa u lanqas aptit li nixref sieqi barra mis-sodda, aħseb u ara niġġieled biex imqar naffaċċja l-jum li għandi quddiemi. Qed nitnikker fis-sodda u ommi donnha ġejja fil-kamra. Xegħlet d-dawl tal-kamra, ġiet u kixfitni u b’leħen qawwi qaltli, “Lea, dan x’kien għadek hawn hi? Qum, ejja, sar il-ħin. Is-soltu tkun diġa’ ilek xi kwarta mqajma. Mhux ser tilħaqha l-‘private’ illum. Jekk ma tilħaqhiex, illum żgur li m’hawn ħadd min jista’ jwasslek”.


Qas niflaħ inkellimha. Id-dawl tal-kamra qed inħossu qisu xi ‘spotlight’ qawwija mitfuħha dirett f’għajnejja. M’jien nara xejn ħlief żlieġa. Għadni storduta. Kemm jien bla saħħa! Nista’ naqbiżha tgħid illum? Imma b’daqshekk x’se nsolvi? Uffff...kemm ma rridx immur! Ara f’hiex wasalt! Kemm ili sekondarja, li mmur l-iskola dejjem kien l-għors tiegħi. Inħossni bil-għatx għat-tagħlim. Inħobb wisq nitgħallem affarijiet ġodda, infittex fuq affarijiet li ma nafx dwarhom. It-tagħlim inħoss li jagħtini ċertu indipendenza. Xtaqt u dejjem ridt nitgħallem. Irrid immur l-Universita’. Irrid niggradwa. Irrid li nkun jien l-ewwel persuna fil-familja li tilħaq il-livell terzjarju t’edukazzjoni. U jien mara. Dan għandu valur ikbar għax s’issa n-nisa tal-familja tagħna, dejjem id-dar ħadmu.


Illum din il-ħolma tfajtha ġoż-żibel u jien inħossni ntfajt magħha wkoll. Mingħajr ma naf kif qed inħoss għajnejja jdemmgħu u rasi ddamdam. Illum, f’din l-għodwa, din il-ħolma qisha mhux tiegħi. U dan għaliex? Dan minħabba n-nies li jien imdawra bihom. Minħabba erbat iħqab li jieħdu gost jitfgħu l-velenu fl-irjus tan-nies. U dawn tal-aħħar intamati, pappagalli, jisimgħu u jemmnu mingħajr ma jistaqsu. Jitmexxew minn imneħirhom għax iktar faċli hekk milli toqgħod tinvestiga u tara x’inhi r-realta’. Forsi l-karatteristika tipika tal-adoloxxenti. Forsi għax għandna erbatax-il sena. Imma jien mhux ukoll għandi erbatax-il sena? Ma nagħmilx bħalhom.. Illum imma qed inħossni li qed inċedi. Għandi aptit inċedi. Jekk inċedi, kollox ikun iktar faċli. Jirbħu huma, imma forsi l-affarijiet jieħdu xgħira oħra...


Issa naraw... Ġesu’, għinni int inġorr dan il-piż. Ma niflaħhomx iktar. Ma niflaħx ngħix ġurnata oħra b’dan il-mod. Ilbist l-uniformi, b’mod mekkaniku tista’tgħid. Imnalla kapaċi nilbisha bl-amment għaliex kieku ta’ taħt fuq ilbistha. Ħriġt għall-‘private’ is-soltu. Fuq l-‘istage’ nintasab f’kantuniera waħdi għax miegħi ż-żgħar biss hemm, dawk tal-ewwel sena. Illum għamilt l-istess. Il-‘private’ ġiet fl-aħħar..kemm, kemm tard donnha. Tlajt l-aħħar waħda. U bħalma jiġri kuljum, inħoss xi ħames pari għajnejn fuqi, sefsif fil-widnejn u tbissim banali għaddej minn bejn is-‘seats’. Is-soltu nitla’ normali, inberraq tnejn kemm fuq in-naħa tal-lemin u kemm fuq in-naħa tax-xellug. Illum le. Ilum bqajt tielgħa dritta, rasi mgħaddsa ’l isfel u mort fl-iktar post remot u vojt tal-‘private’. Ma rrid nara lil ħadd. Għall-darba l-mp4 ma ħallejtux warajja. Imnalla. Deffist il-‘headphones’ f’widnejja, poġġejt il-basket fuq koxxti u għollejt il-volum m’għola s-sema. Kelli aptit nisma’ t-tracks ta’ Guetta. Ħarist barra, fil-vojt, moħħi mitluf jien u nimraħ bil-fantażija mad-daqqa tal-mużika. Għal 30 minuta nixtieq inkun preżenti għalija biss, bla ħsieb ta’ xejn.


Wasalna l-iskola jekk Alla jrid.


Lanqas ilħaqt dħalt fil-bitħa prinċipali. Nara l-viżjoni tas-soltu. Tbissim tan-nejk minn taħt. Qishom raw xi diżgrazzjata. Kemm għandi aptit inwerżaq u ngħajjat. Kemm għandi aptit immur fuqha ‘l Melanie u naħtafha ħatfa kif naf jien. Imma llum ma rridx nisma’, illum...ma rridx nara. L-aqwa mediċina hija dejjem dik tas-soltu... ma tikkalkulhomx. X’ġara imma dalgħodu? Ma niflaħx nissaporti bħalma ġieli nagħmel. Illum qed inħossu wisq il-piż ta’ dak il-ħars, qed inħossu jkissirni.


M’għandix aptit nara nies quddiemi. Ma nafx kif ser tgħaddi llum. Ħa mmur nsib bank fil-bitħa ta’ wara l-grawnd prinċipali. Hemmhekk ma jkunx hemm studenti bħal dan il-ħin. Sibt bank u tfajt il-basket tal-iskola bla ħeġġa għal fuqu. Is-soltu insib xi post għall-kwiet u noqgħod naqra xi ktieb tal-fantażija. Dawn il-favoriti tiegħi għaliex jien u naqra l-istorja nista’ ngħix ħajja differenti minn dik li għandi jien. Imma m’għandix aptit lanqas. Quddiemi kien hemm werqa niexfa li kienet għadha kemm tħarrket ftit wara li għaddiet żiffa ħelwa. Din il-werqa serqitli l-attenzjoni tiegħi. Waqaft niċċassa lejha u qisni dħalt fi stat ta’trans. Dik il-werqa qed nistħajjilha jien. Bħalha ninsab waħdi. U jkolli niċċaqlaq kultant mingħajr ma rrid skont ir-riħ. Il-werqa xi ftit niexfa wkoll. Bħali. Inxift u għejjejt niġġieled kontra dawn in-nies li jien imdawra bihom ġewwa l-iskola, jekk tista’ issejħilhom nies. Miskina din il-werqa... minn fejn inqalgħet? Ġiet imqaċċta mill-kumplament tal-weraq l-oħra ta’ xi siġra?


Ħeqq, jien hekk ġrali. Jekk ikun hemm xi xogħol li jrid isir fil-gruppi fil-klassi, jien qisni l-unika waħda impestata. Nipprova nkun ġentili u fastidju vera ma nagħti lil ħadd, imma le, narah dak il-ħars ikrah u jkun hemm min vilment jagħmililek ovvja li ma jridekx. Anke fl-isport, l-istess. Jagħżlu t-timijiet. Jien nintgħażel l-aħħar, DEJJEM. Qisni r-ramaxk u miskin hu min jitwikka bija. L-aħħar darba Brenda, waqt logħba tal-basket ball waqqgħetni waqgħa tal-beati pawli. Ħadt skoss f’dahri. “Sorry bi żball,” qalet b’wiċċ jixgħel iktar mix- xemx fir-rebbiegħa. L-espressjoni tipika ta’ min ikun vera ddispjaċut li weġġgħek, tista’ taħseb int... Inħoss wiċċi vampa jien u nerġa nġib quddiem għajnejja dawn l-epiżodji ta’ ħajti fl-iskola. Ġieli anke qlajjiet li jibdew mix-xejn jivvintaw. Inċentiv hux, biex ikattru l-mibgħeda lejha.


Ma nistax nifhem... Ma nistax nifhem kif ikun hemm min jurik biċ-ċar li jixtieqlek daqshekk deni, anke jekk fil-verita’ ma jafekx minn Adam. Hekk jridu hux? Tgħid nagħmilhom kuntenti? Għax naħseb jekk ikunu kuntenti huma, hemm ċans li nkun anke jien. F’daqqa waħda qed inħossni qisni pposseduta, ma nafx, dwejjaq kbar. Illum lil missieri ħadtlu l-mus mill-kexxun t’isfel. Nipprovah tgħid? Qbadtu f’idi, inħares lejh. Qed inħoss bħal stat ta’ raptus. Jekk inżanżnu fuqi, ftit, ftit, jaf joħduni week-end break il-Mater Dei. Nistrieħ ftit mill-ħars ikrah li nara KULL JUM, ġurnata wara l-oħra...


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page