Bewsa misterjuża
- TIZIANA BORĠ
- May 23, 2017
- 5 min read
Iltaqa’ darba magħha. Imma li kieku jista’, jagħmel minn kollox biex jerġa’ jaraha.
Alex ma kienx bniedem imkabbar, lanqas xejn, imma kien jaf li kien ħelu. Mhux għax hu kien narċiżist, imma l-biċċa l-kbira tan-nies li jiltaqgħu miegħu dejjem jgħaddulu xi kumment fuq il-ġmiel tiegħu. Imma dik l-imbierka min kienet? Imma kif qed jgħix fl-2017 u ma talabha xejn biex forsi b’xi mod iżomm kuntatt magħha? Ħawditlu moħħu ta’ taħt fuq. Dan ma kienx hu... Alex għandu 21, imma mingħajr ma jaf kif, beda jħossu aktar ta’ xi ħmistax-il sena.
Kollox beda ħmistax ilu, meta ġewwa l-Belt Valletta, “band” lokali ddeċidiet li tagħmel kunċert fil-miftuħ. Il-midja kienet diġa’ bassret li ser ikun hemm attendenza numeruża għal dan il-kunċert. U kellha raġun. L-ammont ta’ żgħażagħ fil-pjazza Beltija kien immaġinabbli, imma mhux biss, kien hemm nies minn kull eta’.
Dakinhar Alex ma riedx imur il-kunċert. Ma kienx is-soltu li jirrifjuta imma ma ħassux f’sikktu għal kollox. Ċeda u mar għax Clint u Justin kienu ħadhulu rasu. Telqu għall-Belt. Dakinhar ftehmu li jmorru b’tal-linja. Kien jaqblilhom iktar u xejn, xejn, jekk kienu jkunu ftit imlaħalħin, ma kinux ser isuqu huma. Kif waslu hemmhekk imma, ħadu qatgħa. Mhux l-ewwel darba li marru xi kunċert lokali, imma qatt ma kienu nzertaw nies daqs dak il-jum! Kull rokna li kien hemm il-Belt kienet fgata bin-nies. Il-folol invadew kull nitfa spazju li kien hemm. Bdew mexjin bil-mod jew aħjar, ġew immexxija mir-rassa nnifisha. Ħin minnhom Alex ħassu ser jisplodi. Dik ir-rassa ħonqitu, beda jxoqq l-għaraq għalih u l-ossiġnu kien qed jonqoslu bis-sekondi. Kull persuna li kien hemm madwaru kienet donnha qed tagħsru bil-vendikazzjoni.

Fid-daqqa u l-ħin, ta daqqa t’għajn madwaru u ntebaħ li lil Clint u lil Justin kien tilifhom. “Issa mur sibhom! Għal xejn inċemplilhom għax lanqas ħa nisma’ xejn...” beda jhewden bejnu u bejn ruħu. B’xi mod, irnexxielu jintefa’ f’ġenb. Iddeċieda li jħalli r-raxx tar-rassa tikkalma mqar għal ftit minuti. Qabad il-mowbajl u ħaseb li aħjar jibgħat messaġġ lil Clint għax Justin ajma j’ommi kemm kien ser jinduna... Hekk kif kien qed iserraħ mal-ħajt, wiċċu ‘l isfel u jtektek fuq it-tastiera tal-mowbajl, ħass id taqbadlu l-polz tiegħu. Ħares ’il fuq mill-ewwel u ma riedx jemmen x’kien għadu kif ra. Dik l-id kienet ta’ mara, xi ftit jew wisq, tal-eta’ tiegħu. Kellha wiċċha lanqas tpenġihulha tant kemm kien sabiħ. F’sekonda ħaseb li kien miet u li ġie jiġbru xi anġlu mis-sema... Impressjonatu l-viżjoni tagħha. Alex kien ra nisa f’ħajtu u ġieli ttantahom anke hu, imma tlett kwarti minnhom, ġeneralment, huma kienu jmorru fuqu!
Għal xi minuta, din ix-xbejba ħarset fiss lejh, b’dawk l-għajnejn kbar u ħodor li kellhom seħer liema bħalhom. Alex kien qisu xi għasfur ibbalzmat. Mingħajr ma kellmitu, ħass ġibda kbira lejha. Xagħarha kien immewweġ, iswed tuta u twil sa nofs qaddha. Fid-daqqa u l-ħin waqqfet tħares lejh u resqet xoffitha lejn tiegħu. Kienet l-isbaħ bewsa li qatt kien rċieva f’ħajtu tant li qalbu bdiet tferfer bl-entużjażmu. Għalaq għajnejh filwaqt li xtaq li dik il-bewsa ma timtemm qatt...
Kien tard wisq, għax mal-waqfa ta’ dik il-bewsa ħelwa, fetaħ għajnejh u oħroġ il-għaġeb, dik il-mara-anġlu għebet fix-xejn. “Dik fejn telqet? Ħaġa stramba bħal din qatt ma ġratli qabel... Anke jekk il-biċċa stramba, tfajla sabiħa bħal din qatt ma rajt!” F’dik il-minuta beda jisħet is –siegħa u l-mument li ma kienx ħafif biżżejjed sabiex iwaqqafha, jaqbadha, jkellimha u forsi kienu jagħtu imqar isimhom lil xulxin ħalli imbagħad forsi kien ifittixha Facebook u jibqgħu jagħmlu kuntatt. “Kemm jien ċuċ!” beda jgħid lilu nnifsu. “Tliftha minn taħt imnieħri. Issa bħal dik, meta ser nerġa’ naraha? Irid vera jitla’ xi ħmar m’ arblu biex inkun xortija tajba biżżejjed u niltaqa’ magħha...” beda jgħid bejnu u bejn ruħu Alex.
Beda jħossu qisu ħaġa belha. Dik il-bewsa mingħand dik it-tfajla kienet ħallietu bla kliem. Mingħajr ma kien jaf, għamel xi kwarta jiċċassa mal-ħajt, jerġa’ jipprova jimmaġina dak il-wiċċ anġeliku. Li kieku Alla kien tah id-don tal-arti, żgur li kien ipittirha b’reqqa impekkabli. Wiċċha kien xorbu u kien jafu bl-amment. Fid-daqqa u l-ħin sema’ lil xi ħadd jgħajjatlu. Ħares madwaru u induna li Clint u Justin kienu qed ixejrulu. “Hawn ħabib, fejn weħilt ħijjos?” staqsa Justin.
“Taf kemm ilna nduru u ngħaqqdu fil-vojt? Ma bdejna narawk imkien... Anzi fl-aħħar sibnik, ma nafx kif ...” kompla Clint.
“X’nagħmlu? Nimxu ‘l quddiem jew, għax minn hawn m’aħna ser naraw xejn? ” qal Justin. It-tnejn l-oħra qablu u t-tnejn għamlulu sinjal b’rashom. Alex mexa warajhom, b’ġismu, imma b’moħħu kien jinsab xi mkien ieħor barra minn fejn kien qiegħed fiżikament. Moħħu beda jhewden u jtektek fuq dik it-tfajla. Qatt ma jafu jikkoppa fuq xi tfajla, anke jekk ikun ħareġ iktar minn xi xahar magħha. Din imma, mill-5 minuti li bisitu, kienet saħħritu u ġibditu bħalma ħadd ma kien ġibdu qabel...
Moħħu ma kienx hemm tul il-kunċert kollu. Ta’ xejn kemm ipprovaw aljenawh sħabu... ma rnexxilhomx. Mingħajr ma kien jaf kif, il-kunċert kien spiċċa. It-tlett iħbieb erħewla lejn il-venda biex jaqbdu tal-linja. Clint kien kemmxejn imlaħlaħ, filwaqt li Justin, anke jekk kien xorob, kien għadu sew. Alex kien fis-sakra anke jekk dakinhar ma kien xorob xejn. Kienet l-immaġni ta’ dik it-tfajla li kienet telfitu minn sensih. L-istess għamel fuq tal-linja. Kien estażjat bil-ħsieb tagħha. Il-ħin kollu kien qed jerġa’ jimmaġina dik il-bewsa li kien hemm bejniethom. Bħalissa kien jagħmel minn kollox biex jerġa’ jaraha u jerġa’ jbusha.
F’moħħu kellu wkoll ħafna mistoqsijiet illi kieku seta’ kien jistaqsiha, fosthom, “Min int? Kemm għandek żmien? Tbus lil kulħadd bla avviż? Int għandek xi seħer jaqaw?” Beda jħossu redikolu u jaħseb hekk, imma dik it-tfajla kienet wisq, wisq ħelwa. Waslu r-raħal u sħabu, bħas-soltu, jieqfu xi żewġ “stages” qabel tiegħu. Sellmilhom u issa kellu ġenn biex jasal id-dar. Rasu kien qed iħossha ser tisplodi. Tant ħaseb fuq l-istess ħaġa fuq l-aħħar sagħtejn illi issa moħħu kien ħadu. Lil sħabu ma kien qalilhom xejn b’dak li kien ġralu. Bħal donnu ħass li kienu ser jisirquhielu li kieku kellu jgħidilhom dwarha.
Daħal id-dar u ommu u missieru kienu diġa’ nofshom reqdin. Avżahom li kien wasal, neża’ u intefa’ fuq is-sodda. Kien għajjien mejjet imma l-friex kien diġa’ qalgħahom kollha f’inqas minn għaxar minuti. Beda jitqelleb ‘l hemm u ’l hawn. Iktar ma kien għajjien, iktar ma setax jagħlaq għajn m’għajn. Iddeċieda għalhekk li jixgħel it-televixin, forsi ma tafx kif, kienet tmur għajnu bih fl-aħħar. Beda jqalleb minn stazzjon għall-ieħor sakemm għejja u ddeċieda li jħallih fuq il-bulettin tal-aħbarijiet. Mhux soltu tiegħu, imma ħass li kellu jisma’... B’għajnejh kien qed iħares imma ma kienx qed isegwi b’attenzjoni, sakemm mfl-aħħar ra ritratt fuq is-sett tat-televixin. Dak il-wiċċ kien familjari! Dak il-wiċċ, kien ta’ dik it-tfajla li kien rnexxielha teqliblu moħħu ta’ taħt fuq f’qasir żmien!
Għolla s-‘sound’ tas-sett tat-televixin u beda jisma’ x’ kien qed jingħad, b’ħalqu miftuħ beraħ bl-iskantament. “Tfajla ta’ 24 sena, Kay Mercieca, mill-Fontana Għawdex, instabet bla ħajja f’għadira demm, ġewwa Malta fil-Floriana, wara li ttajret minn vettura li baqgħet għaddejja. L-impatt tant kien qawwi li ħalla lit-tfajla mejta fuq il-post. Aktarx li tfajla kienet il-kunċert xi ftit minuti qabel, għalkemm jidher li ma kienet akkumpanjata minn ħadd. Il-ġenituri stqarru li ma kinux jafu li binthom kellha tinżel Malta. Inkwetati qalu wkoll illi dan l-aħħar, Kay, kienet għaddejja minn żmien diffiċli. Dwar dan il-każ, qed isiru aktar investigazzjonijiet...”
Alex baqa’ ċċassat. Imma dan kollu x’kien?? Ma’ dik l-aħbar traġika kien ħa oħra daqstant kerha. Issa żgur li m’għandux ċans li jsir jafha lil Kay!
TMIEM
Comments