top of page
Search

Konkors Letterarju Żejtuni

  • Tiziana Borg
  • Mar 22, 2017
  • 3 min read

Aħna, il-poplu mlaqqam bħala “The Maltese Gemgem”, magħrufa għal kemm neqirdu u nilmentaw kważi fuq kollox. Mhux l-ewwel darba li nitkellmu dwar il-ħidmiet, jew aħjar, in-nuqqasijiet tagħhom, ġewwa l-kunsilli lokali.


L-arma taż-Żejtun

Jien mhix xi waħda li nagħti kas wisq, imma ħafna mid-drabi, nara ċertu sens ta’ apatija fil-kunsilli lokali. Madanakollu, dan l-aħħar kont xhud ta’ prattiċi tajbin min-naħa ta’ żewġ kunsilli lokali, li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ raħal twelidi. Inizzjattivi bħal dawn, li jkunu ta’ ġid u interessanti, huma ta’ min ifaħħarhom, jagħmilhom min jagħmilhom. Fil-‘posts’ tiegħi, diġa’ għamilt aċċenn dwar ħidma interessanti li qed issir mill-kunsill tal-Imġarr. Il-ġimgħa li għaddiet iżda, kelli x-xorti nipparteċipa f’inizzjattiva mnedija mill-kunsill lokali taż-Żejtun, ir-raħal li huwa magħruf bl-isem maestuż tiegħu, CittaBeland.


Din l-attivita’ li seħħet proprju sabiex tagħti ġieħ lil dan ir-raħal, hija waħda ta’ min ifaħħarha. Jiena sirt naf biha din is-sena, ħajritni u m’għandi l-ebda dispjaċir li ħadt sehem fiha. Tajjeb li jkun hemm kunsilli lokali oħra li jitħajru jieħdu attivita’ bħal din bis-serjeta’ u li jżommuha bħala eżempju.


Il-Kunsill organizza Konkors letterarju, li kien miftuħ għaż-Żwieten b’mod partikolari, imma mhux biss. Dan diġa’ huwa fattur pożittiv. Uħud mill-kitbiet kellhom ikunu marbutin ma’ tema li tmur maż-Żejtun. Il-parteċipanti setgħu jieħdu sehem billi jiktbu ġeneri differenti, fosthom rakkonti u poeżiji. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda tip ta’ barriera li tinvolvi l-eta’. Kien hemm sezzjoni indirizzata għat-tfal u l-adoloxxenti, kif ukoll sezzjoni oħra marbuta mal-adulti. Kif tistgħu taraw, il-parteċipanti kellhom għażla tajba minn fejn jiddeċiedu.

  • Rakkont bid-djalett Żejtuni

  • Poeżija ta’ mhux aktar minn 30 strofa

  • Iż-Żejtun fi żmien il-Gwerra, fl-għeluq il-75 anniversarju mit-Traġedja tal-pjazza

  • Rakkont Ġenerali marbut ma’ xi aspett storiku u kulturali fiż-Żejtun

  • Rakont iddettaljat dwar personalita’ miż-Żejtun

Temi simili kapaċi jżommu sens kulturali ħaj. Il-fatt li ċertu aspetti jiġu espressi permezz tal-letteratura, tagħmel il-ħaġa aktar ta’ valur. Laqatni wkoll il-fatt, illi hemm kategorija speċjali għad-djalett. Jien li m’iniex Żejtuna, lanqas nista’ napprezza daqshekk, imma nifhem li l-valur ta’ xogħljiet simili huma qawwija bil-bosta. Huwa tassew dnub, li llum il-ġurnata, id-djalett qed jindifen mal-anzjani tal-irħula. Ħafna miż-żgħar, warbuh jew saħansitra qatt ma ġew esposti għalih.


Minn barra l-inizzjattiva, nixtieq infaħħar il-mod ta’ kif din l-attivita’ ġiet immexxija. Tajjeb li tkunu tafu li intużaw mezzi soċjali sabiex ġie espost l-avviż. Il-kompetizzjoni kienet miftuħa għal kulħadd u l-kriterji flimkien mal-proċess li bih kien ser jitmexxa l-konkors kienu ċari ħafna.


Is-serata li fih sar il-Konkors ġiet imtella’ b’mod organizzat. Ma kien hemm l-ebda konfużjoni. Il-programm tas-serata kien dettaljat u ċar kristall u kollox ġie segwit bi preċiżjoni. Is-sabiħ ta’ din is-serata kien li mhux biss tippromwovi l-letteratura Maltija imma anke l-mużika lokali. Dan sar permezz tal-kantanta Janice Mangion, l-artista li kklassifikat fit-tieni post fil-Eurovision Song contest permezz tal-kanzunetta Kewkba. Sodisfatta għal mod kif ġew iġġudikati x-xogħolijiet. L-ewwel u qabel kollox kien hemm madwar 5 ġuriji, li ismihom baqa’ anonimu sal-aħħar. Wara li ġew imħabbra ir-rebbieħa mit-tielet, sal –ewwel post, kull parteċipant ingħata ċertifikat talli ħa sehem. Il-fatt li l-parteċipanti ingħataw rikonoxximent simili, narah ġest sabiħ ferm.

Janice Mangion waqt is-serata mużika-letterarja

Għal min għadu fil-bidu fl-esperimenti tiegħu mal-letteratura, il-parteċipanti ġew rikonoxxuti tal-isforz li għamlu. Jien ngħid għalija, anke jekk ma rbaħt xejn, ħassejt li ċ-ċertifikat, b’xi mod huwa bħall-irċevuta li ggarantali li xogħli wasal għandi xi ħadd. Il-proċess kien wieħed ġust ukoll, għaliex fuq is-sit tal-Kunsill lokali, mhux biss hemm l-isem tal-poeżiji mqassma skont il-kategorija rispettiva, imma l-voti individwali li ta kull membru tal-ġurija. Ngħid għalija jien, li għadni fil-bidu tal-interess tiegħi fil-kitba, dan il-fatt inkoraġġieni ħafna. Għandi stampa aktar ċara ta’ bejn wieħed u wieħed kif mort, rajt li ż-żewġ faċċati tal-munita għaliex nifhem li jekk jien ktibt poeżija, minkejja r-regoli marbuta ma’ dan il-ġeneru, naf li l-interpretazzjoni tal-poeżija hija suġġettiva ħafna.


Il-ktejjeb bit-tqassim tas-serata


Interessanti l-fatt li l-Kunsill ħejja ċertifikati ppersonalizzati u ktejjeb b’kull sottomissjoni li rċieva. Tal-anqas min ma rebaħx, għandu espost xorta waħda x-xogħol tiegħu u li jista’ jasal għand qarreja oħra u mhux jintilef ma’ tmiem il-konkors. Fil-ħolqa t’hawn taħt tistgħu ssibu l-lista tax-xogħlijiet sottomessi:



Tassew li din l-attivita’ ħaqqa kull tifħir. Proset bżmod speċjali tmur għas-Sur Sean Chircop, li minkejja li ma nafux, ħa ħsieb sewwa din l-attivita’ u kien dejjem pront biex iwieġeb kwalunkwe diffikulta’.

Jien min-naħa tiegħi pparteċipajt bil-poeżija L-Aqwa Għannej, li tagħmel referiment għal Frans Baldacchino, jew aħjar il-Budaj. Din ser tkun mtella’ f’ ‘post’ separata. F’idejkom biex taqrawha...


TMIEM


 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page