L-ismijiet tal-għelieqi fl-Imġarr: Taħdita organizzata mill-Kunsill Lokali Mġarri
- Tiziana BORG
- Mar 13, 2017
- 3 min read

Fit-12 ta’ Marzu 2017, kelli x-xorti nkun preżenti għal taħdita oħra kulturali li seħħet ġewwa l-Kunsill Lokali tal-Imġarr. Din id-darba, it-titlu tat-taħdita kienet: L-ismijiet tal-għelieqi fl-Imġarr. Id-diskussjoni ġiet immexxija minn Dott. Olvin Vella, bniedem ħabrieki fejn għandha x’taqsam il-lingwa Maltija u minn barra li jaħdem l-Universita’, jinteressa ruħu sabiex ikattar l-għarfien dwar il-kultura u sejbiet interessanti li għandhom x’jaqsmu ma’ pajjiżna.
Vella introduċa din id-diskussjoni billi spjega minn fejn beda l-interess dwar tema bħal din. Skont huwa, hekk kif pajjiżna sar membru tal-Unjoni Ewropea, ir-reġistrar tal-għelieqi f’Malta kellu jiġi fformalizzat skont il-kriterji ġodda Ewropej. Ir-reġistri, maħruġa mill-Għemmieri u pjanti marbuta mal-artijiet kienu preżenti l-Arkivji Nazzjonali f’Santu Spirtu ġewwa r-Rabat Malta.
Id-Dott. Vella stqarr li dwar l-Imġarr instabu madwar ħmistax-il volum. It-tagħrif li għandna dwar dawn l-artijiet jibdew proprju minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, jew aħjar mill-1944. Dawn il-volumi jinkludu il-pjanti tal-ħbula tar-raba’. Il-professur spjega, li għalkemm il-laqgħa hija msemmija “l-ismijiet tal-għelieqi”, fil-verita’ l-ebda isem ma kien ser jissemma’ waqt id-diskussjoni. Fiehem, li l-isem kien jingħata personalment mill-gabillott. L-identifikazzjoni tal-għelieqi dejjem kienet issir permezz tal-kunjom tal-familja li għandha l-art. Eżempju wieħed minn ħafna huwa: Abela – Ta’ Żuba.
Dawn ir-reġistri, bħala dettalji dwar l-għelieqi li jinħadmu, kienu jinkludu:
In-numru tal-‘plot’
In-numru tal-pjanta
Il-qisien
Dettalji oħra dwar is-sidien
Fost id-dettalji dwar is-sidien, kien ikun hemm informazzjoni aktar spjegata dwar il-familja nnifisha. Il-kunjom tal-familja, it-triq fejn toqgħod, ix-xogħol tar-raġel, tal-mara, il-laqam u anke il-livell ta’ edukazzjoni tal-ulied. Fil-fatt, Vella stqarr ukoll li informazzjoni ta’ dan it-tip kapaċi twassal għall-studju ieħor li jista’ jkun faċilment marbut mar-rata tal-illiteriżmu f’dawk iż-żminijiet. Uħud mil-laqmijiet, li lili laqtuni, huma dawn li ġejjin:
Berququ (Binġemma)
Mazzazi (Żebbiegħ)
Doħdoħ (Xifer il-Kief)
Meta jinqabad argument simili, xi ftit jew wisq, id-diskors dwar l-etimoloġija ta’ xi kliem jew ismijiet proprji, ma jistgħux jitħallew barra. Ingħataw fil-fatt xi eżempji, fejn ċertu ismijiet ta’ nħawi partikolari ġewwa l-Imġarr għandhom rabta partikolari mal-oriġni semitika. Inħawi bħas-Santi, Għajn Mula, Binġemma, huma kollha imsijiet marbuta ma’ persuni. Eżempju ieħor li ingħata huwa dak ta’ Għajn Tuffieħa (hayn tuffaha), fejn Tuffieħa mhu xejn għajr isem ta’ mara u mhux il-frotta li klassikament naħsbu fuqha aħna hekk kif nisimgħu l-ħoss ta’ din il-kelma.
Interessanti ferm huwa l-fatt, li l-isem tar-raħal tal-Imġarr, għandu tifsira marbuta wkoll mal-art naturali. Bil-latin, Imġarr ifisser ‘acque doctum’ jew aħjar nixxigħat, għejjun. Mill-informazzjoni ppreżentata minn Vella, l-udjenza setgħet tinnota faċilment li r-relazzjoni bejn il-ġeografija u r-raħal hija waħda b’saħħita ħafna.
Hekk kif id-diskursata bdiet tiżżejjen b’interventi interessanti min-nies preżenti, laqtitni kelma partikolari, fejn il-professur ta spjegazjoni qasira dwar it-terminu ‘bewwiela’. Din għalija kienet xi ħaġa ġdida. Sirna nafu li l-kelma ‘bewwiela’ fil-verita’ fiha erba’ tifsiriet differenti:
Għalqa li żżomm ħafna ilma
Tfajla li għadha qed tikber u li tkun ser tibda tiddandan u tiżżegleg
Persuna li jkollha bżonn tbattal ħafna
Xi ħadd kiesaħ ħafna, b’konnotazjjoni negattiva.
Ma naqasx ukoll il-fatt li n-nies lokali ddiskitew l-orġni tal-ismijiet ta’ xi wħud mill-postijiet fl-Imġarr. Sadanittant, jien sibt lista ġenerali ta’ xi nħawi magħrufa fl-Imġarr. Dawn huma wħud minnhom:
Abatija
Ballut
Binġemma
Dar il-Ħamra
Darrenzi
Dwejra
Fawwara
Fomm ir-Riħ
Ġnejna Bay
Għajn Tuffieħa
Għemieri
Ħanxara
Ħotba ta' San Martin
Id-Dahar
L-Imselliet
L-Iskorvit
Lippija
Misraħ Miet
Skorba
Ta' Mrejnu
Ta' Tewma
Tal-Għajn
Tal-Faċċol
Tal-Palma
Tal-Qanfud
Tas-Santi
Wied tal-Imselliet
Żebbiegħ
Il-laqgħa kienet interessanti ferm. Nirringrazzja mill-ġdid, minn hawn, il-Kunsill tal-lokal ta’ attivitajiet bħal dawn, li jqanqlu interess qalb nies differenti. Barra minn hekk, inizzjattivi simili jafu jressqu oħrajn biex isegwu u jinteressaw erwieħhom mill-qrib sabiex isiru studji oħra u ta’ rilevanza.
TMIEM
Comentarios