Jien għatxan (poeżija)
- Tiziana Borg
- Mar 9, 2017
- 1 min read

Karta bajda -
għadha vojta...
Hemm biss traċċa -
waħda -
ta’ tikka blu...
Tikka...
għaliex il-pinna wieqfa.
Iva, l-idea qed tħuf min-naħa l-oħra
tal-garigor ta’ moħħi,
imma bl-ebda mod
donnha ma tista’ tifformula ruħha
f’kitba.
Muża ħelwa
tlaqtni...
ħallejtni solitarja
fid-deżert ta’ qalbi.
Għandi bżonnok bħall-manna mis-sema,
inti wisq miraġġ għalija:
qatra ilma għall-għatxan bħali...
mejjet biex jesprimi ruħu
għaliex uħud mis-sentimenti
ma jistgħu qatt jiġu espressi bil-fomm.
Swat...
kattiv u aħrax -
Hekk hu...
meta l-muża titilqek
u tħallik mimli emozzjoni
mingħajr iċ-ċans li tbattal dak li tħoss.
Katarsi – dak li tkun trid...
tneħħi kull toqol li ġġorr,
isserraħ il-piż minn fuq qalbek
tieqaf biex tgħid għall-erwieħ,
fl-aħħar...
striħajt.
Comments