L-imħabba (Poeżija)
- TIZIANA BORĠ
- Feb 14, 2017
- 1 min read
Illum, l-erbatax ta' Frar huwa popolari minħabba l-festa tal-maħbubin. Imma l-imħabba trid tintwera ma' kulħadd u mhux bejn il-koppja biss. Li tħobb ma jfissirx li kollox pożittiv jew li kollox ikun ward u żahar. Li tħobb ifisser li tibqa' tħenn u turi azzjoni tajba anke meta l-affarijiet ikunu sejrin ħażin. Illum nixtieq naqsam magħkom din il-poeżija.
“L-imħabba taf tistabar u tħenn”
Hekk jgħid missierna San Pawl
u min iżomm din f’moħħu
kapaċi jara l-aqwa dawl.
Valentinu protettur tagħha
u lejh jiġbed b’qawwa 'l-maħbubin.
Dan issa ilna narawh ħafna
b’forom differenti tul is-snin.
Din l-okkażjoni vera ħelwa,
tiġi ċċelebrata fit-tieni xahar,
jew aħjar biex inkunu preċiżi,
il-ġurnata hi l-erbatax ta’ Frar.
Għalkemm l-imħabba hi sinonima
bejn mhux aktar minn tnejn min-nies,
dina għandha tintwera dejjem
ma’ kull bniedem u bla qies.
U allura issa għedna kollox
tajjeb li nieħdu lil kulħadd ħsieb
Jum Valentinu hu ta’ kollha
għax l-imħabba tiftaħ kull bieb.
TMIEM

Comentaris