It-taħdita: Kliemek jikxfek
- TIZIANA BORĠ
- Feb 7, 2017
- 3 min read
Raħal żgħir b’qalb kbira: B’dan il-mod huwa magħruf ir-raħal pittoresk tal-Imġarr. Għalkemm għadu sal-lum meqjus bħala raħal żgħir, il-villaġġ kiber sew u jospita ħafna nies. L-Imġarr għadu wieħed mill-villaġġi li żamm sew ix-xeħta antika tar-raħal, bil-paroċċa prominenti fin-nofs u d-djar miġburin madwarha. Il-popolazzjoni kibret ukoll imma xorta waħda mhux b’tali mod li l-Imġarr jieħu ‘status’ ieħor.

Qiegħda nsemmi r-raħal tal-Imġarr, proprju għax il-Ħadd 29 ta’ Jannar, kelli x-xorti li nattendi attivita’ kulturali interessanti ħafna, organizzata mill-Kunsill Lokali tal-istess raħal. Din l-attivita’ kienet tinkludi taħdita marbuta mal-lingwa Maltija. Fil-fatt, it-taħdita organizzata kienet imsemmija Kliemek jikxfek u l-mistieden speċjali li mexxa d-diskussjoni kien proprju Ġużi Gatt.
Nistqarr li għalija, il-figura ta’ Ġużi Gatt kienet waħda ġdida. Ħadt pjaċir waqt it-taħdita li mexxa għaliex deher ċar li hu persuna li jħobb dak kollu li hu Malti u l-mod ta’ kif jitkellem man-nies, juri kemm huwa persuna li jżomm saqajh mal-art u faċli ħafna biex tkellmu.

Sirt naf li Ġużi Gatt huwa Żejtuni, twieled fl-1955 u li għandu għal qalbu l-għana Maltija. Dilettant ukoll tal-istrument tradizzjonali taż-żaqq u jiddelitta wkoll joħloqhom. Membru ta’ grupp mużikali folkloristiku Etnika kif ukoll jaqdi l-irwol ta’ segretarju fl-Għaqda Maltija tal-Folklor. Fl-2005 ippubblika ktieb bit-titlu Qiegħda fil-ponta tal-ilsieni.
Skont Ġużi Gatt, il-fatt li tkun tgħix f’raħal tradizzjonali huwa wieħed mill-fatturi li jgħin biex ikattar l-imħabba lejn il-lingwa Maltija. L-aktar nies li rawmu fih imħabba qawwija għal ilsien twelidu, kienu proprju n-nanniet tiegħu. Flimkien ma’ dawn tal-aħħar kien hemm ukoll l-awtriċi Freya Stark, li qanqlet fih kurżita kbira lejn l-oriġni tal-lingwa tagħna. Għal Gatt, nannuh kien bħal mijiera ta’ informazzjoni. Kien għallmu ħafna kliem ġdid li saħansitra hu qatt ma kien jaf. M’għandniex xi ngħidu, anzjan bħan-nannu ta’ Gatt, żgur li kien juża kliem ta’ natura semitika.
Biex jelabora aktar l-argument dwar l-oriġni tal-lingwa Maltija, Gatt beda jitkellem dwar it-tifsira oriġinali tal-kelma raħal. Din il-kelma, fil-verita’ kienet tfisser ‘vjaġġ’. Fil-mument li l-bidwi tipiku li kien Malta, tefa’ postu hawn, ir-raħal sar post, post fiżiku. U minn hawn ħadna l-ismijiet tal-irħula. Ħal Lija: ir-raħal ta’ bidwi bil-kunjom Lija, Ħal Balzan, bidwi b’kunjomu Balzan. M’għandniex xi ngħidu, li eżempji minn dawn għandna kemm trid madwarna. Peress li ħafna mill-influwenza tal-lingwa tagħna ġibnieha l-aktar minn Sqallija, dan il-fenomenuh tal-ismijiet tal-irħula kien u għadu jidher fil-gżira trijangolari tal-Mediterran. Nisimgħu b’postijiet bħal Caltagirone, Caltanisetta. Calta tirreferi għal fortizza, għar-razzett tal-bidwi. Dawn il-punti jkompli jikkonfermaw li l-Malti tagħna ġej mill-Għarbi ta’ Sqallija.
Gatt stqarr, li jekk irridu nkunu aktar preċiżi, il-Malti huwa mdakkar mid-djalett Għarbi li huwa l-Berberu. Saħħaħ l-argument tiegħu billi ta eżempji prattiċi bi kliem differenti, bħal eżempju: żebbuġ, qattus, fekrun. Semma’ wkoll il-kelma faqsi. Faqsi, kelma stramba għall-udjenza preżenti, tirreferi għall-persuna li jkollha ħafna tfal. Din il-kelma llum il-ġurnata ntilfet. Jista’ jkun wkoll li l-oriġni ta’ tagħha nibtet b’xi mod mill-kuntatt man-nies li ġew minn Sfaqsi, belt fi Sqallija.
Il-Kultura Maltija żgur li hija l-pedament tal-lingwa Maltija. L-isfortuna hi, li l-Għarab bħala ċivilta’, qatt ma taw kas id-djaletti imma dejjem iffukaw fuq il-lingwa Klassika tagħhom. Ma ninsewx kemm il-kultura Għarbija hija wiesgħa u varja. Aħna bħala poplu iżda, xeqlibna dejjem aktar lejn id-djalett tal-Maghreb. Laqtgħuni xi espressjonijiet li għamel referenza għalihom Gatt. L-ewwel waħda hija “tgħix bis-sisija” li tfisser tgħix bil-ħniena. It-tieni huwa qawl Tuneżin li bejn wieħed u ieħor huwa dan: “ Nixrob kesi u nurqod ma’ nesi”. Gatt qal li dan id-djalett kien jingħad l-aktar min-nisa. Dan kien ifisser li mara kienet tħoss li tkun aktar kuntenta tixrob il-velenu milli toħroġ ta’ tallaba.
Din it-taħdita mqanqla mid-diskors ta’ Gatt, wasslet għal aktar qsim ta’ ideat. Reazzjoni komuni kienet is-sens ta’ ħasra li saħansitra anke l-varjeta’ djalettali lokali, bil-mod, il-mod qed jintilfu. Sfortunatament, l-iżvilupp tal-ħajja xi kultant ibiegħed liż-żgħażagħ milli jindukraw aktar il-wirt li ħallewlna missierijietna.
Fuq nota finali, nixtieq infaħħar lil Kunsill Lokali tal-Imġarr ta’ inizzjattivi bħal dawn. Dan għaliex ifisser, li hawn min qed jaħdem biex ix-xejra kulturali lokali tasal anke fl-irħula qalb n-nies u mhux dejjem tibqa’ ġo niċċa fi bliet jew lokalitajiet ċentrali. Baqa’ taħditiet oħra xi jsiru. Dawn fil-fatt iseħħu kull nhar ta’ Ħadd, kull ħmistax ġewwa s-sala tal-Kunsill stess. Iktar ’il quddiem intella’ l-programm. Attivitajiet bħal dawn ta’ min jinkoraġġiehom u ta’ min jieħu sehem fihom ukoll.
Tmiem.

Comments