“Shoah”: Is-27 ta’ Jannar
- Tiziana Borġ
- Jan 25, 2017
- 2 min read
Bħal dawn iż-żminijiet, fuq skala internazzjonali, jiġi mfakkar ix-Shoah, avveniment traġiku u storiku li seħħ madwar tnejn u sebgħin sena ilu. Għal min forsi jara spiss it-televiżjoni, jibda jinnota li bħalissa jibdew jiġu trażmessi films li għandhom x’jaqsmu mat-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan għaliex is-27 ta’ Jannar qiegħed magħna. Din id-data hija magħrufa bħala “Rememberence Day” jew aħjar Jum it-Tifkira. Il-ġurnata tiġi “ċċelebrata” kull sena sabiex jiġi mfakkar ix-Shoah. Kienu t-truppi Amerikani li ħelsu l-priġunieri kien baqa' fil-kamp. Imma forsi hawn xi qarreja fostkom li jistaqsu, allura x’kienet din ix-Shoah?
Ix-Shoah huwa t-terminu Lhudi li jirreferi għall-Olokawst. Nafu tajjeb li l-Olokawst kienet opra mekkanika ta’ Hitler fi żmien l-erbgħinijiet, fejn l-iskop prinċipali tiegħu kien li jeqred minn wiċċ id-dinja l-Lhud. Lil dawn tal-aħħar kien jarahom bħala theddida għas-soċjeta’. Lill-gruppi ta’ minoranza bħan-nies b’diżabilita’ jew nies omosesswali kien iqishom bħala parassiti. L-Olokawst jagħmel referenza għall-ġenoġidju li ffabrika Hitler fil-kampijiet tal-konċentrament ibbażati fl-Ewropa, b’mod partikolari ġewwa Auchwitz fil-Polonja. Huwa stmat li nqatlu madwar 6 miljun Lhudi, 9000 nies omesesswali flimkien ma’ 250, 000 persuna li kellha xi forma ta’ diżabilita’. Kienu jsiru minn kull tip ta’ atti ħorox immaġinabbli fuq dawn in-nies. Kemm-il persuna ġiet imsawta, maqtula bħal f’biċċerija, iggassjata u saħansitra nies li ġew maħruqa bil-massa? Fil-fatt, fis-27 ta’ Jannar, f’ Auchwitz stess, issir il-“March of the living”.
Min baqa’ jgħix minn dak iż-żmien ‘l hawn, żgur li baqa’ b’effetti psikoloġiċi koroh u jgħaddi minn trawmi differenti minn jum għall-ieħor. Madanakollu, personalment nemmen, li xi kultant, Jum it-Tifkira mhu qed jiswa għal xejn. Suppost, l-Istorja għandha tkun hemm biex tkabbarna, biex nitgħallmu mill-iżbalja li għamilna, imma mid-dehra, f’xi ħin jew ieħor, l-istorja tirrepeti ruħha, hekk jekk f’forma differenti.
Sfortunatament qed ngħixu fi żmien ta’ biża’ u inċertezza. Qed ngħixu fl-era tat-terroriżmu, ipprovokata minn fatturi differenti. Forsi fl-1942, konna nafu bil-gwerra u allura tistenna u TAF li l-periklu qiegħed hemm. Imma llum il-ġurnata, taf li l-periklu qiegħed hemm madwarek, imma mhux tarah. Jaf titla’ fuq ajruplan u sejjer vjaġġ għall-affari tiegħek... u jispiċċa jkun l-aħħar wieħed tiegħek, meta inti ma jkollok x’taqsam xejn. Dan mhux ukoll forma ta’ Olokawst? Għaliex ma rridux nitgħallmu mill-iżbalji tagħna? Għaliex il-bniedem ikompli jgħaddas rasu fir-ramel?

Issa li ħadt ċ-ċans biex infakkar dan l-avveniment storiku, nixtieq ngħaqqad dan l-argument ma’ ieħor li qiegħed għal qalbi... il-films. Peress li nħobb insegwi kull tip ta’ films ambjentati fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, sibt sit tajjeb li għandu lista ta’ film marbuta ma’ din it-tema. Min jaf, forsi fix-xhur li ġejjin, insib ċans biex nara xi wieħed minnhom...
Lista ta' films: hawn!
Comments