top of page
Search

Dak li jostru għajnejk

  • TIZIANA BORĠ
  • Jan 20, 2017
  • 2 min read

Sa ftit ġimgħat ilu, deher fuq it-televiżjoni Taljana, mini-serje Spanjola. Din is-serje dehret fil-pajjiż Iberiku fi tmiem tal-aħħar tas-sena 2016. It-titlu oriġinali fil-lingwa Spanjola huwa, "Lo que escondían sus ojos". Bil-Malti, dan ifisser, dak kollu li jaħbu għajnejk.


Aktar milli neżamina t-teknika ċinematografika, jew xi temi prevalenti fil-film, nixtieq niffoka ftit fuq il-kontenut tal-istorja, li hekk kif toqgħod taħseb fuqu, tinduna kemm il-ħajja fiha minn kollox u kemm l-għażliet li nagħmlu b’ċertu ebusija tar-ras, anke jekk nafu li bihom ser immorru kontra l-kurrent, jistgħu idaħħluna fi gwaj kbir.


Fil-fatt, hekk ġralhom Ramon Serrano Suner u Sonsoles de Icaza. Il-konsegwenzi tal-għażliet tagħhom, affettewa b’mod negattiv lil Carmen Diez de Rivera. Dawn iż-żewġ protagonisti għexu ta’ veru u l-istorja tagħhom seħħet fuq sfond storiku, għall-ħabta tal-1942, meta l-Ewropa kienet għaddejja minn teqlib enormi minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija.


Serrano Suner kien Ministru ta’ Spanja. In-nisa kien iħobbhom imma ma’ Sonsoles kellu xi relazzjoni kemmxejn itwal. Il-film jurina, li din ir-relazzjoni, diemet sakemm ma kinitx ta’ skumdita’ għall-Ministru stess. Hekk kif beda jwarrabha, Sonsoles, mara ta’ Markiż importanti fi Spanja, intebħet li kienet tqila. Kienet qed tistenna tarbija mingħand l-akar raġel li fil-verita’ kienet tħobb l-aktar. Waqt il-film insiru nafu li lil żewġha proprja ħaditu għall-konvenjenza, aktar milli minħabba raġunijiet serji ta’ mħabba. Il-markiż kellu l-poter u kellu l-flus.


Minn dan il-film kollu, l-aktar parti traġika u li lili bħala telespettatriċi ġegħlitni nħoss ċertu sens ta’ empatija, hija l-biċċa fejn Carmen tiskopri l-verita’. Hija tassew iebsa li tiskopri verita’ daqshekk ħarxa eżatt fil-mument qabel ma tkun ser tiżżewweġ. Il-povra Carmen kellha tiċċaħħad mill-ġuvnott li tħobb għaliex saret taf li dan tal-aħħar kien ħuha u li hi kienet frott ta’ imħabba klandestina u adultera. Sa ċertu punt, l-eżistenza tagħha ġiet tidher qisha gidba u li kellha tkun taf kollu b’aċċident.


Fil-verita’, wara epiżodju daqstant iebes, Carmen għamlet kuraġġ, anke jekk baqgħet qatt ma żżewġet. Fi żmien is-sebgħinjiet, spiċċat kellha sehem notevoli fix-xena politika ta’ pajjiżha u Ewropea. Mietet meta kellha biss 57 sena minħabba l-marda tal-kanċer.

Carmen Diez de la Riveira

Dan il-film m’għamilx wisq suċċess ġewwa l-Italja. Mid-dehra n-numru ta’ telespettaturi ma kienx daqshekk numeruż. Anke jekk forsi l-film kien xi ftit imġebbed, għalija xorta waħda kien pjaċevoli. It-teknika tal-‘flashback’ fil-bidu nett tal-film, nemmen li kienet għażla tajba sabiex min isegwi ikun attent għal dak kollu li ser isir wara. Fl-aħħar nett, kollox jibda jaqa’ f’postu u allura tidħol iktar fis-sens ta’ traġedja li kellha tgħaddi minnha Carmen.

Il-konklużjoni tal-film, li tagħti taqsira ħafifa ħafna ta’ x’ġara mill-persunaġġ ta’ Carmen, ġegħlitni mmur infittex iktar dwarha. Fuq nota ġenerali nista’ ngħid li kien film interessenti u li għallimni parti oħra żgħira mill-Istorja Ewropea.



Agħfas hawn biex taraw is-serje bit-Taljan.


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page