Lejn sena ġdida
- Tiziana Borġ
- Dec 30, 2016
- 2 min read

Il-Kesħa. Bdiet tinħass sew issa, bħalma qed jinħass li resaq tmiem is-sena. Kif dejjem nisimgħu, ser tibda sena ġdida u allura ser inkunu lesti biex niktbu kapitlu ieħor minn ħajjitna. Anke jekk forsi hemm min ma jħossx il-bżonn li għandu jbiddel xi aspett partikolari, il-bniedem, mingħajr ma jrid iħoss il-ħtieġa li jħares lura u jevalwa dak kollu li għadda minnu, kemm it-tajjeb, kif ukoll dak li hu nqas tajjeb.
Sa din il-ġimgħa stess, kont qed naqra artiklu dwar dan l-argument. Xi esperti jgħidu, li meta wieħed iħares lura lejn dak li jkun għadda minnu, dan għandu jagħmlu mhux bil-perspettiva ta’ x’jista’ jitgħallem minnu, iżda b’tali mod li jagħraf it-tajjeb li ħareġ matul is-sena. Huwa kurjuż il-fatt li espert Amerikan, Rinzler, ixebbah dan kollu mat-tisqija tal-pjanti. Li tiffoka fuq x’għamilt ħażin ikun qed iwasslek sabiex issaqqi l-ħurrieq. Li tisħaq fuq il-pożittiv, tkun bħal qisek qed issaqqi l-fjuri, tikkoltiva u tieħu ħsiebhom, sabiex fl-aħħar mill-aħħar il-prodott ikun aħjar.
Ma naħsibx li hija biċċa xogħol faċli. Ta’ bnedmin li aħna, fejn tidħol il-kuntentizza tagħna, għandna pjuttost il-viżjoni ta’ “aħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.” Naturalment, li kieku nistgħu, neqirdu dak kollu li jdejjaqna u neliminaw dak kollu li ma jħalliniex sew. Kulħadd iżda jaf, li l-ħajja mhix ward u żahar. Imma sena ġdida, hija rigal. U la hija rigal, ta’ min jaħseb u jirrifletti.
Tkun ħaġa sabiħa, jekk tieqaf għal xi minuti, u mentalment iddur xahar, xahar, ix-xhur tal-2016. X’kellek tajjeb f’dak ix-xahar? Xi ġralek sabiħ? X’akkwistajt forsi fuq livell personali? Mhux neċċessarjament isemmi affarijiet materjali, imma jaf kellek esperjenza li lilek minn dakinhar, għamlitek aktar ferħan, kuraġġuż, kawt, ecc... L-aspetti pożittivi tagħna għandna nibqgħu nżommuhom u naħdmu fuqhom sabiex ma nitilfuhomx. Għandna nħarsu lejn il-futur billi nużaw dak it-tajjeb stess sabiex nilħqu l-iskop ġdid li nkunu nixtiequ nilħqu.
Li kieku kellek tqabbel is-sena 2016 tiegħek, ma’ liema ġeneru ta’ film tassoċjaha? Film drammatiku, dokumentarju, realistiku..? Ara ħajtek bħal film, li mingħajr ma trid tiftakar fih, jagħtik spunt fuq hiex taħseb u timxi ‘l quddiem minn dak il-mument,
Mid-diżgrazzji kollha li smajt bihom din is-sena, sirt nemmen iktar kemm kull jum li jgħaddi hu rigal prezzjuż. Sfortunatment, meta ma jinqala’ xejn ikrah, taħseb li ħadd ma jista’ għalik, taħseb li xejn ma jista’ jolqtok...sakemm ma tħabbtilniex xi traġedja. Għalhekk tajjeb li napprezzaw kull jum li jgħaddi..hawn min m’għandux din ix-xorti. Fil-waqt li nawgura lil kulħadd is-sena t-tajba, infakkarkom biex tħobbu lilkom infuskom tajjeb. Qatt ma tista’ tħobb lil ħaddieħor, jekk l-ewwel u qabel kollox lanqas lilek innifsek ma tkun tħobb.
Awguri!!

Sors: http://greatist.com/live/reflect-on-your-year?utm_source=Sailthru&utm_medium=email&utm_content=story1_cta&utm_campaign=daily_newsletter_2016-12-28_testB_20160817, Il-Ħamis 29 ta' Diċembru, 2016
Comments