Nikola ... Santa Klaws, il-festa tas-sitta ta' Diċembru
- TIZIANA BORG
- Dec 6, 2016
- 2 min read
Anke jekk dan l-aħħar, smajt li mhux ta’ benefiċċju jekk lit-tfal tinfurmahom bl-eżistenza ta’ Santa Klaws, huwa fatt magħruf li dan Santa Klaws huwa parti mit-tradizzjonijiet internazzjonali marbuta mal-Milied. Hawn min jifraħ u jitbissem kif jarah, hawn min ikun qed jistennih u hawn ukoll tfal li kif jarawh jibdew jibku. Imma Santa Klaws mhu ħadd ħlief San Nikola, qaddis protettur tar-raħal pittoresk tas-Siġġiewi.

Nikola, kien raġel twajjeb u ġej minn familja għanja. Twieled ġewwa post fin-Nofsinhar tat-Turkija għall-ħabta tas-seklu III. Ta’ Kristjan devot, kien dejjem jemmen f’wieħed mill-prinċipji li ħa mit-tagħlim ta’ Kristu, jiġifieri “li jagħti minn dak li għandu biex jgħin lill-foqra.” Fil-fatt, Nikola għex ħajtu jagħti milli kellu u xi żmien wara kien laħaq isqof ta’ Myra.
Iż-żmien li kien jgħix fih Nikola, kien dak assoċjat mal-Imperu Ruman. Għaldaqstant, isqfijiet bħalu kienu ġew arrestati. Saħansitra jingħad, li kien hemm aktar nies tal-Knisja maqbuda l-ħabs, milli nies kriminali.
San Nikola kien maħbub minn bosta. Huwa proprju għalhekk, li hemm ħafna leġġendi u stejjer marbuta mal-persunalita’ tiegħu. Stejjer, li fuq kollox jindikaw is-sens ta’ ġenerożita’ qawwija li kellu. Waħda minn dawn l-istejjer hija marbuta mat-tlett tfajliet foqra.
Il-leġġenda tgħid li kien hemm tlett xebbiet jgħixu ma’ missierhom li ma kellhomx dota. Dak iż-żmien is-soċjeta’ kienet temmen li jekk ma jkollokx dota, ma għandekx wisq ċans li tiżżewweġ. Dawn i-tfajliet, għal ftit kienu ser jispiċċaw jinbiegħu bħala skjavi. Għall-grazzja t’Alla, f’mumenti differenti, dawn it-tfajliet irċivew xi flus tad-deheb ġewwa kalzetta. Kien permezz t’hekk illi rnexxielhom jixtru d-dota. Huwa permezz anke ta’ din il-leġġenda li hawn id-drawwa li jitħallew xi kalzetti imdendlin mal-fuklar. Dan il-qaddis sar is-sinonimu tal-ġenerożita’ u huwa assoċjat awtomatikament għall-imħabba tiegħu lejn it-tfal.

Anke jekk hawn Malta l-festa ta’ San Nikola di Bari tiġi ċċelebrata waqt l-aħħar Ħadd ta’ Ġunju, il-festa proprja hija bħal-lum, is-6 ta’ Diċembru. Kontu tafu li jissejjaħ San Nikola ta’ Bari għaliex ir-relikwi tiegħu kienu ittieħdu mit-Turkija proprju għal f’din il-belt?
Tiġi diskussa l-ġenwinita’ tal-episodji assoċjati ma’ ħajjjet San Nikola. Imma din mhix importanti. Inħarsu lejn San Nikola bħala l-patrun tal-ġenerożita’, bħala l-patrun protettur tat-tfal. Tkun ħaġa sabiħa, li fis-sena tal-ħniena Divina, bħal Nikola, inħennu u ngħinu kif nistgħu lil ta’ madwarna.
Tmiem
Sibt talba bit-Taljan għal San Nikola u ser neqliba bil-Malti għalikom il-qarrejja.
O glorjuż u mqaddes isqof ta’ Kristu Nikola, li diġa’ minn żmien ilu ġejt imsejjaħ bħala protettur speċjali ta’ min jaħdem u jivjaġġa fuq il-baħar, itfa’ ħarstek it-twajba lejja. Interċedi għalija quddiem Alla sabiex b’hekk il-baħar li naħdem fuqu jiena, jkun dejjem ħanin miegħi, u l-qraba tiegħi jaħsbu fija mingħajr biża’ u stennija żejda. La tħallix li n-nuqqas ta’ kuraġġ jippossedini waqt il-mument tal-periklu iżda, fakkarni dejjem li int interċessur prim ta’ Alla li ma jonqosx li jkun preżenti ħdejn min ikun sejjaħlu. Jiena nemmen tassew, o glorjuż San Nikola, li l-intervent tiegħek quddiem Alla, jiġi mismugħ min-naħa ta’ DAK li kkalma l-irjieħ u mewwet it-tempesta, Kristu Ġesu’, is-Sinjur tagħna, li jgħix u jirrenja minn seklu għal seklu. Ammen.
Riżorsi:
http://www.basilicasannicola.it/page.php?id_cat=210&id_sottocat1=212&titolo=Preghiere%20a%20San%20Nicola
http://www.stnicholascenter.org/pages/wonderworker/ nhar is-6 ta’ Diċembru
Comments