Ġej il-Milied
- Tiziana Borg
- Dec 2, 2016
- 3 min read

Diċembru reġa’ magħna. Dan ifisser li għaddew ħdax-il xahar u li s-sena 2016 waslet fi tmiema. Is-sena qisha ħolma, spiċċat f’tebqa t’għajn. Issa baqgħalna biss ix-xahar ta’ Diċembru, l-aħħar wieħed, it-tnax-il xahar, li ħafna minna jkunu fuq ix-xwiek jistennewh jasal, qisu xi manna nieżel mis-sema.
Forsi ħafna jkunu jridu x-xahar ta’ Diċembru għax jarawh bħala x-xahar ta’ tgawdija, x-xahar tax-xalar u l-ħruġ, ta’ ikel u divertiment. Ħafna jħobbuh għax jaqilgħu xi rigal u skuża tajba biex joħorġu jixtru dak li ilhom jixtiequ. Ma fiha xejn ħażin li tiġik ix-xewqa li tgawdi, li toħroġ u li tieħu pjaċir, imma ejjew ukoll ma nkunux daqshekk superfiċjali. Frankament, mhux dejjem nara sens ta’ ġenwinita’ f’min jgħid li jħobb il-Milied. Ovvjament, ma tistax titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda. U allura, nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nistieden lill-qarreja għal ftit aktar riflessjoni.
Nixtieq li kieku n-nies, b’ mod ġenerali, jifhmu aktar is-sens tal-Milied. Niddejjaq nisma’, “Ġej il-Milied, ġej il-Milied..” Imma għalik x’inhu l-Milied? Xi jfisser għalik? Ifisser xi ħaġa, jew għalik huwa sempliċement żmien popolari magħruf b’dak l-isem? Għax jekk hu hekk, għalik il-Milied huwa biss okkażjoni bħall-oħrajn: bħal Halloween jew bħal Black Friday. Tradizzjoni internazzjonali, li saret in voga anke ġewwa l-gżira ċkejkna tagħna. Jiena nemmen li la jiena Nisranija, qed nemmen bi sħiħ fil-Milied. Ma tagħmilx sens li tiċċelebra xi ħaġa li inti fil-verita’ ma temminx fiha. Qisek qed tgħid, b’termini foqra ħafna, fejn naf jien, jien favur il-bejgħ taċ-ċikkulata, imma inti ċ-ċikkulata ma tikolhiex.
B’daqshekk mhux qed ninsinwa l-ebda insult lil min m’għandux il-fidi nisranija. Imma huwa proprju għalhekk li qed ngħid dan kollu. Hawn min m’għandux il-fidi imma tant ikun bniedem b’valuri tajba u sodi li juri umanita’ u solidarjeta’ mal-proxxmu, ħafna iktar minna Nisrani. U għalhekk nemmen fil-Milied. Għaliex jekk int segwaċi ta’ Kristu jew le, l-idea tal-Milied hija li n-nies jingħaqdu b’mod ġenwin u mhux b’ mod artifiċjali. U huwa hemmhekk fejn isir il-ġid. It-tajjeb sabiħ għax sabiħ mhux għax huwa xi obbligu.
Kemm tkun ħaġa sabiħa li niċċelebraw il-Milied b’mod li jagħmel sens. M’hemmx għalfejn tkun xi qassis jew xi soru biex tiċċelebrah kif xieraq. Imma ejjew niftakru x’inhu l-Milied... Il-Milied huwa l-ferħ, l-innoċenza, l-għaqda. Il-familja qaddisa laħqet il-qofol tagħha meta Ġużeppi u Marija kellhom l-uniku wild tagħhom, Ġesu’. Kemm ferħ iġġib tarbija? Tarbija, li hekk kif tħares lejha, tara fraġilita’ għax għadha ċkejkna, imma tara wkoll qawwa u tirrealizza li fid-dinja l-meravilji jeżistu. Mhux miraklu jew, li tara tarbija f’idek, wara li tkun għexet disa’ xhur f’ġuf ommha? Ejjew nużaw din l-enerġija pożittiva li tħalli tarbija hekk kif ġiet fid-dinja biex ninġabru flimkien. Nifhmu li Kristu ġie fid-dinja, biex ikun magħna dejjem, lest biex ikun ta’ faraġ għall-mumenti diffiċli. Lest li jismgħana meta ħadd donnu ma jista’ jifhimna.
Niftakru, li l-ferħ huwa kollu sabiħ. Imma kemm ikun ferħ aqwa meta ma żżommux biss għalik. Il-ferħ huwa maġija hekk kif taqsmu ma’ xi ħadd, speċjalment ma’ min hu inqas ixxurtjat. Tajjeb inġibu quddiem għajnejna li hawn ħafna nies li jħobbu l-Milied, imma hawn ħafna jobgħoduh. Dawn tal-aħħar jaf ikollhom raġunijiet strettament personali, bħal ngħidu aħna, isseħilhom traġedja proprju f’dan iż-żmien. Hemm wkoll uħud, li mhux għax ma jħobbux il-festa nnifisha, imma għax is-soċjeta’ ġabitha festa materjali. U meta l-materjaliżmu jkun żejjed, kollox jitlef is-sens tiegħu. Min m’għandux mezzi, jista’ jħossu ffrustrat, eċċezzjoni. Kemm hi frustranti, li forsi m’għandekx flus biżżejjed biex tagħmel iktar ikla diċenti lil familtek, li l-uliedek ma tistax tixtrilhom xi ħaġa żejda bħal ħaddieħor, li int ma tistax toħroġ għax għandek il-mard u lanqas jekk trid ma tista’ tgawdi.
Kulħadd jaf li jeżistu dawn in-nies, dawn is-sitwazzjonijiet, imma poġġu ruħkom fiż-żarbun ta’ ħaddieħor. Min jaf kemm dik il-persuna inqas ixxurtjata tibki fis-silenzju għax ma tistax tkun bħal ħaddieħor... Kerha meta toqgħod taħseb. Kerha tkun taf kemm hawn tfal bla ġenituri, mitluqin għal riħhom u kemm imqar jixtiequ tgħanniqa għal Milied. Xi rrid infisser b’dan kollu? Xejn speċjali...gawduh il-Milied, imma arawh bħala opportunita’ ta’ ferħ, imma ferħ interjuri. Jekk tinvesti fil-ferħ li tħoss f’qalbek, dak huwa investiment, rigal għalik. Hemm għalfejn inħalluh daqshekk materjali l-Milied?
Ejjew nagħtu rigali prattiċi lil xulxin. Ħin ta’ kwalita’ lil uliedna, żjarat lill-anzjani tagħna, apprezzament lil ġenituri, smigħ ĠENWIN tal-problemi ta’ min hu vera muġugħ. Għandna inkunu hekk is-sena kollha, imma m’hemm xejn ħażin billi nużaw dan il-perjodu biex nidħlu ftit f’qoxritna u nagħmlu sforz aqwa f’dan iż-żmien. Ikun taħriġ tajjeb sabiex nirranġaw lilna nfusna imqar bi ftit darba għal dejjem u nitgħallmu minn dak li għamilna sabiex is-sena 2017 tkun aħjar għalina.
X’hemm sabiħ li dejjem nibqgħu l-istess? L-evoluzzjoni tal-personalita’ tagħna hija interessanti u taf tbiddel sew l-andament ta’ ħajjitna.
IL-MILIED IT-TAJJEB!
Comments