Ir-raġel ideali - Film
- Tiziana Borg
- Nov 3, 2016
- 3 min read
Le, fil-kitba tal-lum mhux ser nagħtikom manwal dwar kif għandu jkun ir-raġel perfett. Lanqas ser ngħidilkom kif għandkom tiġbduh lejkom. Dak ix-xogħol inħallih f’idejn l-esperti.
Ir-raġel ideali, tradott b’mod letterali mill-Franċiż, L’homme ideal, huwa film li ħareġ fl-2015. Dan huwa thriller u huwa produzzjoni ta’ Yann Gozlan.
Għalkemm l-avvenimenti li jseħħu fih, huma pjuttost “komuni”, il-ħidma, is-sekwenza u ċertu tekniċiżmi ċinematografiċi, jagħmluh film interessanti. Mhux ser nagħmel bħal kritiċi esperti u nikkwota l-films li minnhom jidher ċar li Gozlan ħa spunt minnhom. Ma rajtx film oħra ta’ din ix-xorta u allura ma nħossnix kompetenti li niġġudika minn dak l-aspett. Nista’ ngħid biss, li wara ġurnata mimlija, film bħal dan għeni nirrilassa u nara xi ħaġa differenti mis-soltu.
Il-protagonist huwa Mathieu. Il-film jibda b’żagħżugħ għaddej riħ bil-karozza. Wara ftit minuti, l-ispettatur jinduna li din ix-xena sservi biss bħala punt ta’ tluq sabiex tintroduċi l-istorja permezz ta’ ‘flashback’ li jeħodna tlett snin qabel. Mathieu ġuvni normali u l-ħolma tiegħu kienet li jilħaq il-fama permezz tal-kitba tiegħu. Ma jirnexxilux. Il-pubblikaturi jirrifjutaw li jipproduċu x-xogħol tiegħu fi ktieb. Waqt li kien qed jaħdem ma’ zijuh u jbattal appartament ta’ anzjan li kien għadu kif miet, waħdu, sab djarju. Dan id-djarju kien tal-anzjan mejjet, Leon, u li fih irrakkonta b’perfezzjoni l-ġranet tiegħu waqt il-gwerra fl-Alġerija. Dan il-ktejjeb awtobijografiku offrielu tentazzjoni li ma setax ma jaqax għaliha. Ittajpja d-djarju kollu filwaqt li bagħtu lid-dar tal-pubblikazzjoni. Sadinattant ra t-tfajla tal-ħolm tiegħu, Alice, esperta letterarja. Ħa grazzja magħha mill-ewwel u kien il-ktieb ġdid “tiegħu” Sable noir li laqqgħu magħha.
Fi ftit kliem, iż-żball li jikser kull dritt tal-awtobijografija tal-eks-suldat, wasslu biex jikkommetti żbalji ferm aktar gravi u ta’ natura kriminali. Mathieu spiċċa mhedded minn sieħeb Leon, seraq lill-kunjatu u spiċċa qatel eks-għarus ta’ Alice. Il-kritiċi taċ-ċinema lkoll ifaħħru l-abilta’ tal-attur Pierre Niney li jinterpreta l-persunaġġ ta’ Mathieu. Niney kellu l-irwol li jkun attur waqt li hu attur. Jiġifieri, quddiem Alice, Mathieu kien il-ħin kollu qed jirreċta parti. Beda juri li hu bħal tuffieħa sabiħa

minn barra imma li hu mnawwar għal kollox minn ġewwa. Ma riedx jitlef l-imħabba ta’ Alice, il-ħajja li bena ma’ familta u l-fama li kien kiseb. Kien jaf li jekk Alice tinduna li ma kienx hu l-kittieb oriġinali ta’ Sable Noir, dan kien ikun it-tmiem tal-imperu li kien ħoloq madwaru.
Il-qofol tal-film tintlaħaq fil-konklużjoni. It-tmiem iħalli lill-ispettatur, bla kliem. Iħallih jhewden fuq ħafna punti u jispikka għal kollox is-sens ta’ ironija. Mathieu, li tant jiġġieled biex jilħaq dak li jrid, kellu jiċħad il-privileġġi kollu li kien akkwista billi kellu jassimila inċident tat-traffiku hekk kif ikkommetta omiċidju. Id-daqqa ta’ ħarta li tatu d-destin hija doppja, speċjalment kif jara lil martu tippromwovi l-ktieb tiegħu stess, flimkien ma’ bintu, li qatt ma kellu x-xorti jaraha u wisq aktar igawdieha.
Mingħajr ma nkompli nidħol f’aktar dettalji, ir-reġista juża spiss it-teknika tal-‘foreshadowing’. Din it-teknika tippermetti lill-ispettatur sens ta’ suspans li b’xi mod tgħinu jbassar dak li jkun ser jiġri. Dan iseħħ b’ mod partikolari meta jiġi miġbud bi ‘close up’ għasfur mejjet u mnawwar minn ġewwa. Simbolu li dawk l-atti “makabri” ta’ Mathieu jistgħu jiġu fid-deher, jinkixfu minn ħin għall-ieħor.
Anke l-allużjonijiet bil-kliem stess ta’ persunaġġi oħra joħorġu kull tip ta’ biża’ li jkollu fih Mathieu. Il-kunjatu li jgħidlu, “fl-aħħar mill-aħħar, in-nisa jindunaw min ikun il-veru aħna.” Affermazzjoni li dejjem werwritu lil Mathieu. Un homme de dos – l-ewwel kreazzjoni ta’ Mathieu huwa wkoll ta’ min isemmih. Ġie deskritt minn Alice bħala xogħol ta’ awtur b’nuqqas ta’ kreattivita’. Dan kien kumment b’ xi mod kien qiegħed ibassar t-tmiem tal-ħolma ta’ Mathieu. Imbagħad hemm Faux-semblant , it-tieni ktieb li ħoloq, li ġie wara wisq tbatija. Faux-semblant – “ipokrezija” jew aħjar, mhux dak kollu li jidher hu minnu. Hekk kienet fil-fatt ħajtu. Ma kinitx dik li kien juri lil Alice u lil familtha.
Gozlan iħallina b’togħma morra, hekk kif naraw kif spiċċa Mathieu. Spiċċa jċekċek 'l hemm u 'l hawn biex jaqla’ xi mija u ħamsin Ewro. Barra minn hekk, wara li għadda minn dawk il-keded kollha, Mathieu kellu jikseb suċċess bl-opra tiegħu, wara li ma kienex f’qagħda li jgawdi mill-frott tiegħu stess.
TMIEM
Ma nafx issibux faċilment il-verżjoni tal-film bl-Ingliż, imma jafu ssibuh bis-sottotitli biss tal-anqas. Isfel għandkom it-‘trailer’ tiegħu.
Referenzi: (nhar l-2 ta' Novembru 2016)
http://www.hollywoodreporter.com/review/a-perfect-man-homme-ideal-783269
http://variety.com/2015/film/reviews/film-review-un-homme-ideal-1201458400/
Commenti