top of page
Search

Il-Ħeluwin

  • TIZIANA BORG
  • Oct 31, 2016
  • 2 min read

F’dawn il-jumejn, naħseb xi wħud minnkom diġa’ rajtu xi tfal jgħarrxu fit-toroq, lebsin xi kostumi skuri u għaddeja b’xi basket jew b’xi qoffa żgħira. Jiena rajt uħud minn dawn it-tfal, b’mod partikolari, f’xi toroq prinċipali f’Ħad-Attard. Huwa uffiċjali, bħalissa l-istudenti qegħdin bil-vaganzi u biex żgur igawduhom mill-aħjar, uħud minnhom daħlu sew fl-ispirtu tal-Ħeluwin.


Il-Maltin qed togħġobhom l-idea, u f’dawn l-aħħar sentejn, it-tiżjin u d-dekorazzjonijiet żdiedu mad-djar tagħna. F’ħafna mid-djar, tista’ tara xi qara’ ħamra imdawla b’wiċċ tal-biża’ mnaqqax fuqha, dik li bl-Ingliż insejħula l-Jack-o-lantern. Brimb, sħaħar u fatati huma fost l-aċċessorji ta’ tiżjin li saru l-aktar komuni. Mhux ta’ b’xejn li t-tfal jiġġennu biex imorru għat-trick or treat fi klikek.


It-tradizzjoni tal-Halloween, bdiet mijiet u mijiet tas-snin ilu miċ-Ċelti li kienu jgħixu fl-Ewropa u fil-gżejjer Brittaniċi. Dawn in-nies kienu jemmnu, li kull 31 ta’ Ottubru, l-ispirti tal-mejtin jiġu jżuru lin-nies ħajjin f’din id-dinja. Oriġinarjament, dan il-festival f’unur l-ispirti tal-mejtin kien magħruf bl-isem ta’ Samhain. Biż-żmien u bl-effetti tal-ħakmiet storiċi li seħħew matul iż-żmien, din it-tradizzjoni bdiet tinfirex f’pajjiżi differenti. Bħalma ħafna minnkom jafu, din il-festa hija popolari l-aktar ġewwa l-Amerika.


Jack-o-lantern

It-tradizzjoni tgħid li l-użanza li jintlibsu kostumi tal-biża’ kienet sabiex jitkeċċew l-ispirti l-ħżiena u allura kull individwu jaċċerta ruħu li dawn ma jersqux lejh. Hemm wkoll ħafna superstizzjonijiet marbuta mal-qtates is-suwed, mal-friefet il-lejl u saħansitra mal-brimb. Rigward il-jack-o-lantern, jingħad li kienet ġiet magħmula minn gabillott li kien miet, imma li sfortunamemt, la daħal l-infern u lanqas il-ġenna. Għaldaqstant, baqa’ jimrah mitluf ġewwa l-purgatorju. Kien ħaffer dak il-wiċċ fil-qara’ ħamra u imlieha bid-dawl tan-nar mill-faħam sabiex isservi ta’ gwida għal ruħu.


Fl-aħħar u mhux l-inqas, kulħadd jinduna kemm l-aktar żewġ kuluri marbuta mal-Halloween huma l-oranġjo u l-iswed. Peress li din il-festa tiġi f’Ottubru, l-oranġjo jirrapreżenta l-ħxejjex taż-żmien il-ħsad u l-iswed ifisser it-tmiem / il-mewt tal-istaġun tas-sajf.


Anke jekk min hu bħali, fil-verita’ għalih hija iktar importanti l-festa ta’ għada, jiġifieri, dik tal-qaddisin kollha u anke dik tal-ġuranta ta’ wara, fejn infakkru l-mewt tal-għeżież tagħna, naħseb li hija xi ħaġa ħelwa li t-tfal jaħtfu l-okkażjoni sabiex imorru għat-tfittxija tal-ħelu flimkien bħala grupp. Tkun idea tajba wkoll jekk jinġabru xi ftit u jirrakkuntaw xi stejjer tal-biża’. :P Sakemm kollox isir b’moderazzjoni u mingħajr qżież żejjed, għaliex m’għandniex nifirħu flimkien?

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page