top of page
Search

Ħarbuhielu

  • TIZIANA BORĠ
  • Oct 18, 2016
  • 6 min read

Ġara li Jasmine, dawn l-aħħar ftit xhur, bdiet toħroġ ma’ GianMarco. It-tnejn saru jafu lil xulxin meta GianMarco mar ma’ ommu f’dipartiment biex japplikaw għal xi permess li kellhom bżonn biex ikabbru l-intrapriża tal-familja.


Minn kif bdew jidhru l-affarijiet, irriżulta li kien ser ikun xi ftit jew wisq diffiċli biex dan l-imbierek permess iġibuh mingħajr ħafna telf ta’ ħin. Jasmine imma għenithom kif setgħet. Kienet tfajla kapaċi u issa kien ilha taħdem xi ħames snin maċ-ċivil. Xogħolha kienet tħobbu u fejn tista’ taqdi n-nies, dejjem tagħmel ħilitha biex taqdiehom. Bl-insistenza tagħha, bit-telefonati meħtieġa u bil-paċenzja kollha, uriet sew lil GianMarco u lil ommu x’kellhom bżonn jagħmlu biex il-proċess tagħhom ma jieħux daqshekk fit-tul.


Minħabba f’hekk, GianMarco kien imur spiss fl-uffiċju ta’ Jasmine. Kull darba li kien jaraha, kien dejjem jikkonvinċi ruħu kemm kienet mara sabiħa, ta’ qalb kbira u b’karattru tal-ġenn. Mingħajr ma kien jaf kif, ħassu miġbud lejha. Jasmine kienet donnha tidher differenti mit-tfajliet li s-soltu joħroġ magħhom. Ma kellhiex x’taqsam ma’ Pippa, it-tifla tan-nutar Coreschi jew ma’ Paulette, it-tifla tal-perit Vella Manduca. It-tnejn kienu jagħmlu l-arja b’isem missierhom u tagħsar kemm tagħsar fihom, pożi biss kellhom.


Hekk kif GianMarco ġiebha żewġ fuq il-permess li kellu bżonn, iddeċieda li jwettaq il-pass li kienu ilu jberren f’moħħu. Kif kien waħdu fl-uffiċju, qabad it-telefown u ċempel lil Jasmine fuq in-numru tax-xogħol tagħha.


“Ħelow, Jasmine?” staqsa b’għoqla fi griżmejh.


“Yes, jien hi kollha kemm hi. Jaqaw is-Sur Testaferrata?” qaltlu hi.


“U ajma issa suppost li drajtni. Mhuxu GianMarco kont qed issejjaħli meta niġi, jew ma tridx taf bija għax tajtek biżżejjed kedded?” staqsa hu.


“ Le, le, fejn sejjer b’rasek?” kompliet hi. “Imma nispera li ma nqalgħulekx problemi hux?”


“Lanqas xejn,” qal GianMarco. “Ma xtaqtx inkellmek fuq xogħol propjament. Pero’ kelli inċempillek fuq dan in-numru peress li n-numru personali tiegħek m’għandix,” spjega ruħu hu. “Fi ftit kliem, xtaqt nistaqsik, jinteressakx tiġi miegħi għal drink. Nixtieq insir nafek fuq livell personali u mill-banda l-oħra, nixtieq nirringrazzjak ukoll.”


Jasmine kienet donnha belgħet ilsiena. Lanqas kienet taf x’ser tgħid. Ma stennietx proposta bħal din...


“Ħelow... għadek hemm Jasmine?” semgħet fuq in-naħa l-oħra tal-linja.


“Iva, iva..hawn għadni. Erm... iva. Jimporta tibgħatli in-numru tal-mowbajl fuq l-email personali tiegħi?”


“Mhix problema. Għidli..”


“Sewwa. jasminebaħrija@gmail.com. Tajjeb?”


“Mela mill-Baħrija inti?” staqsa hu.


“Iva ta’.”


“Ara, lanqas bsart li mill-Baħrija...”


“Għaliex? Hemm xi problema għax mill-Baħrija?” qalet hi.


“ Le, le qas xejn... Minn hawn u ftit ieħor nibgħatlek email ħalli niftehmu aħjar.


“Kollox sew. Ser inħallik issa Mr. Testaferrata għax daħlu n-nies. Nistenna mingħandek mela.”


“Kompli ħalli ma ntellfikx....” u qata’. Mur għid lil ommu li Jasmine mill-Baħrija... Dik l-anqas biss taf fejn jaħbat peress li mdorrija s-Swieqi. Barra minn hekk, in-nies li joqogħdu f’irħula rurali ma tantx...tniżżilhom... “Imma nsomma, ħallina minn dan. Issa twebbilt li rrid noħroġ magħha. In-nies mhux lin-nies ikellmu, dan mhux ħa nikkundanna ruħi għal għomri għax ħa noħroġ nieħu ‘drink’ magħha,” qal bejnu u bejn ruħu GianMarco.


Matul dik il-ġimgħa stess ftehmu. Iltaqgħu l-Ġimgħa filgħaxija. Jasmine, waħedha, ma kinitx taf kellhiex tmur jew le, imma kienet tkun giddieba jekk tgħid li GianMarco ma laqgħathiex. Kien ġuvni gustuż, tal-eta’ tagħha u fuq kollox kellu ċertu kalmizza, li mingħajr ma trid tagħtik ċertu paċi. “Mhux bħal ommu imma, għax qisha dumonju min- naqra li rajtha,” ħasbet Jasmine. Dakinhar filgħaxija ħadu gost. Wara marru jaraw film flimkien ukoll. Kien hemm li GianMarco ħa l-inizzjativa u biesha. Ħasset kollox idur biha.


Minn dik il-Ġimgħa, kien hemm Ġimgħat oħra u biċ-ċajt, iċ-cajt, bdew joħorġu flimkien spiss. Ma kienu tkellmu ma’ ħadd, imma wara sitt xhur għaddejin biha, GianMarco ħass, li jekk kellhom jibqgħu jiltaqgħu, ma kinitx tkun idea ħażina li jintroduċieha b’mod ftit aktar formali ma’ tad-dar. Fuq kollox, Jasmine kienet qed togħġbu. Meta qalilha li ommu kienet stidnitha għall-ikel biex tlaqqgħaha mal-kumplament tal-familjari, Jasmine ixxokkjat ftit ruħha. Min-naħa ħadet gost, għax deher li GianMarco qed jieħu l-affarijiet bis-serjeta’, minn oħra, kienet taf li familtu kienet xi ftit jew wisq imniħirha mxammar. Hi ma kinitx bħalhom. Jasmine kienet tfajla soda kemm trid, imma kienet ġejja minn familja umli. Lil ommha u lil missierha dejjem rathom ibatu biex kemm hi u kemm ħutha, jitgħallmu l-iskola. Għall-grazzja t’Alla dawk l-isforzi kienu servew għal xi ħaġa għax it-tlieta li huma kellhom xogħol tajjeb.


Jasmine kellha aptit tgħidlu le lil GianMarco. Ma ħassithiex lesta biex taffaċċja lil “dawk in-nies.” Imma kif setgħet tgħidlu le? Hi ma kellhiex xi tgerger minnu u ma setgħetx ma taċċettax għax niesu kienu hekk... Hu deher li kien ferħan u minħabba dan il-fatt, ma riditx tiksirlu qalbu.


Imma minn meta daħlet f’dik id-dar, donnu beda jberraq. Is-serata ma kellhiex tispiċċa b’wiċċ il-ġid għal GianMarco. Kif waslu d-dar tiegħu, Jasmine baqgħet ħalqha miftuħ. “Din dar jew xi Palazz ta’ xi Granmastru?” skantat f’qalbha. Hekka dar kienet ukoll! X’kobor kellha... Kif daqqew il-bieb, ġiet tiftħilhom is-seftura.


“Ma kontx naf li kellkom is-seftura,” qalet innoċentament Jasmine.


“Iva, din hija Maxelle, ilha taħdem magħna 20 sena issa,” introduċieha GianMarco.


“Għandi pjaċir sinjorina,” qalet Maxelle u dlonk baxxiet rasha u għamlet inkin sabiex tkun tista’ sselmilha.


“Qum, qum minn hemm Maxelle. M’għandekx, għalfejn,” qalet Jasmine, wiċċha aħmar nar.


“Tidher li m’intix imdorrija bis-servitu’ fid-dar,” semgħet leħen jgħid minn wara. Kienet Luisella, omm GianMarco. Tħares lejha kienet qisha r-reġina Eliżabetta. Kienet bi sjut kulur il-lellux, nofs kilo irtokk u tunnellata pożi u n***. Minn dak il-ħin, Jasmine kien diġa’ beda jdurilha l-istonku ... bid-dardir. Mill-ewwel darba li ratha l-uffiċju ndunat kemm din ommu kienet iżżommha u li kellha ħafna fixfixo’ fuqha.


“Welcome to our house, dear... Come on, let’s go to the living room. Issa tara our family, qed jistennewna over there. Maxelle... Maxelle... mur malajr u ġib ‘drink’ lis-sinjorina.

Ladies and gentlemen, hawn hi, Jasmine, il-ħabiba ta’ GianMarco.”


“Kemm bdejt tajjeb hux? Kemm saħqitha bis-saħħa l-kelma ‘ħabiba’. Ommi ma, x’kobor u x’lussu. Għandha flus ingħid...” bdiet tgħid it-tfajla. Minn kif daħlet fis-salott imma, ma ħaditx gost. Niesu kienu hemm, kollha llamtati. Hi marret ‘relax’... fis-sens, ‘casual’. Kienet liebsa ‘jeans’ u ‘boots’ kannella, flok ħadrani u ġlekk ‘casual’ kulur il-mustarda. Huma kienu kollhom perli u ingravajjet. “Dawn dejjem hekk ikunu?” qalet f’qalbha.


Maxelle bdiet iġġib bil-mod l-ikel. Kulħadd beda jitkellem flimkien b’leħen baxx. Sadanittant imma, rat xi żewġ zijiet minn tiegħu, iberqulha u jpaċpċu minn taħt. Dejquha. Li kieku biex ma jaħsbuhiex miġnuna, tqum bil-wieqfa, tmur quddiemhom u tgħidilhom, “Tridu tgħiduli xi ħaġa? Dejjaqtuni ttaqtqu...” Imma ovvjament, din kienet tkun mossa ħażina.


Kien wasal il-ħin li l-konversazzjoni u l-attenzjoni kollha ddur fuqha u Gian Marco. In-nanna tiegħu kellha xi 85 sena, imma kienet tidher li qisha seqer u għajnejha kienu ilhom imqabbżin ’il barra daqs ta’ żrinġ minn xħin daħlet hemm hi. “Allura, they told me you work at the Lands department. Ilek hemm ? staqsiet ix-xiħa.


“Ili ħames snin issa, minn kemm ili li ggradwajt,” qalet Jasmine.


“Eh... you have graduated?” staqsiet Marcelle, iz-zija ta’ GianMarco.


“Offff course,” wieġbet sarkastika Jasmine. “X’ħasbet din, li qiegħda hemm għax kien hemm il-wisa’?” qalet f’qalbha.

“You have a degree in ..” kompla żewġha.


“ ...in International relations, actually,” qalet Jasmine.


“U, how old are you?” kompliet Marcelle.


“ Sebgħa u għoxrin,” qalet Jasmine.


“Translate that...jien in-numri bil-Malti ma nafhomx dear. Nafhom bl-Ingliż, bil-Franċiż, bl-Ispanjol u anke biċ-Ċiniż...”

“Imma mhux bil-Malti hux hekk? Interessanti,” kompliet twieġeb b’ton sarkastiku Jasmine.


“Aha,” wieġbet maħruqa Marcelle. Imma malajr pprovat tivvelenaha. “You know, Maltese is not important as such, it’s more the language for peasants,” qalet hi.


“Biżżejjed zi,”qal Gian Marco imbarazzat.


“B’daqshekk, ma ġara xejn. It’s twenty-seven dear,” qaltilha Jasmine.

“My Goood. Tidher ikbar,” weġbitha b’daħqa ħadra fuq wiċċha.

“Żgur ma nidhirx daqshekk imma, dear,” kompliet urtata Jasmine. “Din min taħseb li hi? Jekk ħasbet li ser inħallieha lixxa ser jgħarralha, mhux ilha tipprova ġġibni żibel minn xħin dħalt,” bdiet tgħid imbaqbqa Jasmine minn ġewwa.


Għal botta bħal din, Marcelle dehret li biddlet il-kuluri. L-atmosfera, donnha diġa’ kellha xejra differenti. Ħin minnhom, in-nanna ta’ GianMarco staqsietha, “Allura, where are you from ?”


“Jiena mill-Baħrija,” wieġbet Jasmine.


Reġgħet qabżet iz-zija, pronta ,pronta u qaltilha, “Mela minn wara l-muntanji...”


Daqshekk. Dik kienet l-aħħar frażi li kienet lesta tisma’ mill-klikka ta’ din il-familja.


“Iva ħija... minn wara l-muntanji. Għalhekk issa ser nitlaq għax għandi xi impenni importanti u mhux worth it inkompli naħli l-ħin ma min moħħu fuq il-werqa għax hawn minn jaħdem għalih...”


Kien ċar daqs il-kristall li dan id-diskors kien indirizzat għal kull mara li hemm fil-familja ta’ GianMarco.


Qabdet il-basket, libset il-ġlekk u telqet tlebbet ’il barra. GianMarco mar jiġri warajha, “Jas... Jasmine, ieqaf ftit, tagħmilx hekk !”


Hi baqgħet miexja sakemm fl-aħħar waqqafha hu. “Iva dik ħadt għaliha?” staqsieha hu.


“Ħeqq le, x’tistenna? Inħallieha tgħajjarni ‘minn wara l-muntanji sempliċiment għax jien mill-Baħrija? Jiddispjaċini, kont togħġobni bis-serjeta’, imma jien mhux tajba għal ma’ nies bħal niesek. Mela arahom xi jgħidu jekk jaraw id-dar umli tagħna, jew jaraw lill-ġenituri tiegħi? Ma rridx naf...skużani. Jekk nieħu lilek, irrid nieħu lilek ukoll u nimmaġinani li lanqas sekonda ma jien kapaċi nibqa’ magħhom, aħseb u ara għomri,” qalet Jasmine.


Jasmine waqqfet tal-linja li nzertat kienet għaddeja dak il-ħin. GianMarco baqa’ ċċassat fuq l-għatba ta’ mal-grada. Din it-tfajla ħarrbuhielu, għax għal darba kien sab waħda li vera għoġbitu!


Tmiem

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page