top of page
Search

FILM: Jien niġi qablek... (2016)

  • TIZIANA BORG
  • Oct 17, 2016
  • 3 min read

Il-qoxra tal-ktieb minn Jojo Moyes

Tassew diffiċli titraduċi bil-Malti t-titlu għall-film Me before you, film Amerikan li ħareġ proprju din is-sena stess. Id-direttriċi tal-film hija Thea Sharrock u titratta temi importanti ħafna li jġibu lill-ispettaturi f’ dilemma kbira. Kien tassew ta’ pjaċir għalija li rajt dan il-film. Minbarra li għoġobni u rrilassani, ġiegħlni nitbissem imma kien kapaċi jqabbiżli demgħa wkoll. Mid-dehra, dan il-film huwa bbażat fuq rumanz bl-istess titlu, miktub minn Jojo Moyes.


Waħda mit-temi prinċipali ta’ dan il-film tmiss il-kwistjoni tas-suwiċidju assistit – l-għajnuna li wieħed jagħti lill-pazjent biex imut għax hekk hi r-rieda tiegħu: li ma jkomplix ibati f’din il-ħajja minħabba raġunijiet ta’ saħħa u mard. Illum nixtieq li niffoka fuq ir-riflessjonijiet li film bħal dan jista’ jwassal lil dak li jkun jikkontempla dwarhom.

Will, żgħażugħ sinjurun, b’karriera u tfajla tal-ġenn, ħareġ biex imur għax-xogħol filgħodu. Qabel ma ħareġ, it-tfajla qaltlu biex ma jmurx bil-mutur għax kienet nieżla x-xita bil-qliel. Ironikament, hekk kif ħareġ, waqt li kien qed jitkellem fuq il-mowbajl u jagħmel sinjal biex iwaqqaf ‘taxi’, spiċċa hu stess imtajjar minn mutur. Dan l-inċident tefgħu dritt fuq siġġu tar-roti u ħallieh ipparalizzat.


Ommu kienet qed tagħmel minn kollox biex tgħinu. Ipprovat issib assistenta li setgħet toqgħod għal ħin twil ma’ binha. Irriżulta li l-aħjar persuna kienet Lou, tfajla simpatika, li kienet warbet kull proġett f’ħajjitha sabiex tgħin finanzjarjament lill-familja tagħha, magħmula minn ħafna membri li jgħixu taħt l-istess saqaf. Ftit, ftit, sakemm saret taf lil Will, innutat kemm-il darba kien ikun persuna diffiċli ma’ dawk ta’ madwaru. L-ispettatur jimmaġina kemm hija diffiċli għal Will li jaċċetta dak li kien ġralu. Mhix ċajta li filli jkollok ħajja indipendenti, ma jonqsok xejn, tagħmel dak li trid u f’waqt għal għarrieda, tispiċċa fuq siġġu tar-roti u tiddependi għal kollox minn ħaddieħor. Will ma seta’ jagħmel xejn jekk mhux permess tal-għajnuna ta’ ħaddieħor. Fil-verita’, aħna nistgħu nimmaġinaw biss it-tbatija ta’ Will. Trid tkun fis-sitwazzjoni ta’ dak li jkun biex jirnexxielek verament tifhem dak li qiegħed iħoss.


Will ma riedx jaċċetta r-realta’ il-ġdida tiegħu. Sa ċertu punt, dawn huma kollha reazzjonijiet naturali. Fi ftit kliem imma, tajjeb ngħidu li Lou kienet kapaċi tagħti tifsira ġdida lil ħajjet Will permezz tal-entużjażmu tagħha u tal-imħabba li bdiet tħoss lejh. Fil-film jidher ċar ħafna li Lou tħobb lil William b’imħabba u dedikazzjoni. Ma kinitx kompassjoni dik li ħasset għalih. Qatt ma wrietu trattament speċjali sempliċiment għax huwa bniedem b’diżabilita’, imma kienet tħares lejh bħal persuna kif kien.


Madanokollu, anke jekk l-isforz ta’ Lou qabeż kull limitu, ma kienx biżżejjed biex jikkonviċi lil Will ibiddel fehmtu rigward il-mewta tiegħu. Lou ma qablitx mal-għażla tiegħu. Jekk hi kienet urietu li kien “worth it” li jgħix, anke hu kien biddel lilha b’mod pożittiv. Taħt l-istilel ta’ lejl partikolari kienet stqarret miegħu, li hu kien dak li għamilha persuna aħjar., Talbitu bil-ħniena biex ma jagħżilx it-triq tal-mewt. Wegħditu li hi kiener ser tgħinu. Iżda hu ma riedx, ma riedx li jkun ta’ xkiel għaliha.

Bkiet fuq li bkiet. Lilu kienet saret tħobbu u saħansitra ħassret minn mal-għarus tagħha, li kienet ilha miegħu seba’ snin, iżda li qatt ma għamilha prijorita’ f’ħajtu. Wara battibekk li kellhom, Lou marret tagħtih l-aħħar tislima u hu minn naħa tiegħi taha l-aħħar ittra mimgħandu. Il-fatt li Lou m’aċċettatx id-deċiżjoni tiegħu, imma baqgħet miegħi sal-aħħar, turi imħabba kbira. Kienet lesta li tiċċaħħad minnu fil-preżenza imma tarah iwettaq ix-xewqa proprju tiegħu.


Il-konklużjoni tal-film tħalli sens ambigwu fuq l-ispettatur. Ngħid għalija jien, rajt frott l-imħabba tagħhom it-tnejn, hu bl-ittra u hi bil-kuraġġ li tkun ta’ sostenn għalih. Mill-banda l-oħra ħassejt rabja li hu ddeċieda li jwarrab mill-ħajja u jħalli warajh lill-aktar persuna li kienet tħobbu. Ma nawgura lil ħadd li jkun fil-pożizzjoni tal-ġenituri ta’ Will. Tista’ qatt tasal għad-deċżjoni li tkun t’għajnuna fil-mewt a’ xi ħadd għażiż għalik. Huwa veru li tara lil dak li jkun isofri, imma ma nixtieq qatt li nkun jien li nieħu d-deċiżjoni biex ngħinu.


Xena mill-film Me before you

Il-ħajja hija magħmula minn epiżodji koroh u oħrajn sbieħ. Fil-ħajja jkollok tagħżel tieħux sitwazzjoni tajjeb jew ħażin, anke jekk mhux faċli. Pero’ anke jekk dan il-film juri realta’ ħajja, id-dwejjaq ta’ min jinsab batut, iġiegħel lil dak li jkun jaħseb f’xi persuna li jaf imma li bil-kuraġġ kollu, sabet ukoll il-pożittiv mit-traġedja tagħha. Naħseb aħna, li l-problemi tagħna ma jkunux bħal ta’ dawn in-nies, irridu nkunu għajnuna, sabiex lil dawn “il-pazjenti” nuruhom li mill-ħażin jista’ joħroġ is-sewwa u li fil-verita’ jistgħu ikunu ta’ għajnuna, biex ma nitilfux ħin, imma ngawdu l-ħajja.



Nispera li min għadu ma rax dan il-film, jitħajjar. Minkejja li huwa romantiku, jmiss punti importanti ferm. L-imħabba tiġi r-rappreżentata b'mod differenti mis-soltu. Hawn taħt ser issibu l-ħolqa biex tkunu tistgħu taraw it-'trailer'.


 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page