top of page
Search

Lanqas tgħanniqa waħda qatt ma tajtni...

  • TIZIANA BORG
  • Oct 6, 2016
  • 5 min read

Lil ommha u missierha kienet tilfithom f’inċident tat-traffiku. Minn dakinhar sfat iltima. Lanqas tgħid kien għad fadlilha lil xi ħadd ħaj mill-familja ħelwa li kellha. Oħta ta’ sitt xhur ukoll kienet mietet mal-impatt. Hi biss baqgħet ħajja. Kulħadd baqa’ mistgħaġeb kif wara daqqa bħal dik, hi kellha biss grif.

Illum Graziana għandha tlettax-il sena.

Minkejja li adoloxxenti, ma tantx tieħu l-ħajja fuq nota pożittiva. Kienu jiġu mumenti, fejn titla’ fuq il-bejt taz-zija Anita, tħares ‘il fuq lejn is-sema u tistaqsi lil Mulej, “X’fettillek missier maħadtnix magħhom? Għaliex ħallejtni mingħajrhom? Inħossni wisq waħdi...”


Hi u taħsibhom dawn l-affarijiet, kienet tħossha ħażin. Nannuha ried jismgħaha, Alla jaħfirlu. Kieku żgur li kien jgħidilha li kien jaħarqilha lsiena li kieku jerġa’ jismagħha tgħid kliem bħal dak. Għaddew erba’ snin minn dak il-jum traġiku, imma li kieku kellha tpenġi l-uġigħ li kienet tħoss, żgur li kienet tirrapreżentah bħala ferita kollha dmijja, miftuħa u mhux imfejqa.


Għall-grazzja t’Alla, ma kinitx tħoss li kellha għalfejn tilmenta wisq. Saqaf fuq rasha kellha, ikel dejjem kienet issib u meta kien ikollha bżonn jew xi ħwejjeġ jew xi flus għall-iskola u xi ħruġ, dejjem kellha. Kienet tgħix ma’ zijitha, Anita. Iz-zija għad għandha 31 sena, iżgħar minn ommha. Fil-fatt, din tal-aħħar kienet tgħidilha li nannitha kienet xtratha wara ħafna żmien. Waqt li omm Graziana żżewġet ta’ 25 sena, Anita tal-eta’ tagħha bi żwieġ ma riditx taf. Kienet moħħha fil-karriera u kienet differenti minn oħtha. Lara, għax hekk kien jisimha omm Graziana, kienet bniedma estroverta għall-aħħar, Anita min-naħa l-oħra kienet riservata u biex tkellmek trid tħallasha. Is-sentimenti dejjem naħqithom u rari tkun taf x’setgħet kienet qed tħoss.


Fiż-żmien li mietet Lara u l-familja tagħha, Anita kienet għadha qed tistudja biex tilħaq. Għall-bidu, Graziana kienet tgħix man-nannu Ġorġ, għax dak kien l-uniku nannu li kien baqgħalha, missier ommha. Kien jgħinha u kien iħobbha ħafna. Madanakollu, l-inċident ma kienx ħadu sewwa. Diġa’ kien ħafna li kellu jgħix mingħajr martu, imma l-mewt ta’ bintu u familtha, kien wisq kolp iebes biex iniżżlu. Ipprova jagħmel kuraġġ imma f’inqas minn sentejn, il-mewt ġiet fuqu għall-għarrieda u ħasditu, bħalma bidwi jqaċċat il-ħaxix tiegħu fl-għalqa.


Ma kienx hemm soluzzjoni oħra. Minn naħa ta’ missier Graziana ma kien hemm ħadd u l-uniku persuna li kien għad fadlilha f’din id-dinja kienet proprju zijitha Anita. Lil Anita kienet tħobbha u minkejja li kellha karattru partikolari, kienet wisq tfakkarha f’ommha. Kienu jixtiebhu ħafna. Imma ġieli kienet tħossha tirrabja wkoll għaliha. Dan għaliex, vera, ma kienet qed tħallieha nieqsa minn xejn imma mill-bqija, ġieli kienet tħoss, li biha u mingħajra xorta. Anita kienet iffisitha fuq ix-xogħol, tisker fuqu. Dan l-aħħar laħqet maniġer u l-istress ix-xogħol dejjem kien jiżdied. Mhux l-ewwel darba li flok kienet tasal id-dar fl-erbgħa u nofs, kienet tispiċċa hemm għal xis-sitta. Mhux kienet tilħaq tagħmel il-homework, mhux tilħaq tiltaqa’ b’ħarba ma’ Domenique, imma kienet tilħaq tixba’ wkoll waħedha.


Fl-aħħar xħin kienet tixba’ kienet tinxteħet għal tulha fuq is-sodda, żaqqha ‘l isfel u tibda tqelleb fuq it-televixin. Kif kienet tiġi, zijitha kienet qisha mutur, tbiddel, issajjar xi ħaġa ta’ malajr u toħroġ timxi għal xi siegħa, għax kienet tgħid li importanti li żżomm ruħha fit peress li tagħmel tul taż ħin bilqiegħda fuq ix-xogħol. Lil Graziana kienet tistidinha biex tmur timxi magħha, imma kif kienet taraha qisha “miġnuna” u li trid tibla’ d-dinja fi ftit sigħat, kienet tagħmel pass lura u kienet tkomli timmoffa hemm, fid-dar.


Imma dawn l-aħħar xhur, Graziana kienet qed tinbidel. Bdiet tħoss frustrazjoni ikbar, dwejjaq ikbar, nuqqas ta’ mħabba. Qatt ma taf li zijitha għannqitha waħda jew li tatha xi bewsa, jew li waqfet minuta għall-kwiet toffrilha biex tismagħha ħalli tgħidilha kif kienet il-ġurnata tagħha..xejn...baħħ. Imħabba ma kinitx tħobb turi. Fl-istess ħin, Graziana kienet tifhem li hi daħlet f’ħajjet zijitha għall-għarrieda. Kien għad ma kellhiex il-pjan li ssir omm mil-lum għall-għada. F’ daqqa waħda bdiet tħossha ta’ piż, ta’ xkiel.


L-iskola bdiet tagħmilha erbgħa kesħin. Bdiet tagħmel bħalhom, jitkessħu fil-klassi u jivvintaw xi praspura ‘l hemm u ‘l hawn. L-Assistent kap kemm-il darba pprova jċemlilha lil Anita, imma xejn, qatt ma rnexxielu jaqbadha.


“Għedtlek ser li dik dejjem imħabbtha, għalxejn qed iċċempel. Mhix ser noqgħod wara l-ħin tal-iskola, insa...” u reġgħet poġġiet bilqiegħda fejn kienet qabel, tħażżeż fuq waħda mill-karti li kellha fuqha. Kif ra hekk, l-Assistent kap, ma kellux triq oħra ħlief jgħidilha li hi u sħaba l-oħra kienu ser joqogħdu brejk ġewwa għal ġimgħa sħiħa. Dan ma kienx ifisser li ma kienx ser jieqaf jipprova. Minn banda, l-Assistent Kap kellu ħjiel ta’ x’kienet is-sitwazzjoni ta’ Graziana għaliex ommu kienet toqgħod ftit ‘il bogħod mid-dar t’ommu. Fir-raħal ċkejken fejn joqgħodu, kulħadd jaf fuq kulħadd.


Il-mument li kienet qed tħażżeż fuq il-karta, Graziana bdiet thewden u d-dispjaċir f’qalbha beda jikber bis-sekondi. “Imma kif ma tweġibx iz-zija? Kif il-ħin kollu f’xi laqgħa? Kif il-mowbajl lanqas biss tisimgħu jew twieġbu? Issa kieku ġrali xi ħaġa gravi, hi fi x’ħin ser tkun taf?” bdiet taħseb ix-xbejba. Mingħajr ma kienet taf, minn għajnejha iżerżqitilha demgħa. Bdiet tħossha vera waħedha. Fl-aħħar siegħa ta’ skola, is-surmast bagħat lil Graziana u lil sħabha lura fil-klassi. Reġa’ pprova jaqbad lil Anita, u b’miraklu, mingħajr ma kien jaf kif, irnexxielu jaqbadha. “Kmieni qabditu l-mowbajl, wara li fqajtulha,” qal inevitabilment f’qalbu, hekk kif kien qata’ minn magħha wara li spjegalha xi frattariji kienet qed tagħmel Graziana ġewwa l-iskola.


Anita dakinhar kienet qed tħossha għejjiena. Kien għalhekk, li ħin minnhom fl-uffiċju waqfet ftit għax ħasset rasha ser tisplodi. Biex taljena rasha xi ftit, xegħlet il-mowbajl u sabet xi 14-il telefonata nieqsa mill-istess numru. Wara xi tlett minuti reġa’ daqq u weġbitu. Anita ħadet qatgħa b’dak li beda jgħidilha l-Assistent Kap. Kif, in-neputija tagħha kienet qed tagħmel hekk? Lanqas riedet temmen... Ħassitha rrabjatha u fl-istess ħin ġiet konxja li fil-verita’ lit-tifla qatt ma kienet qed tkellimha sew u bħan-nies, ħlief bis-serqa. Beda jiddispjaċiha u f’minuta ftakret f’oħtha. Qabżitilha demgħa u ħasbet, “Żgur li oħti ma kinitx ser tagħmel bħali. Kieku oħti toqgħod magħha iktar sewwa mhux bħalma nagħmel jien, qisni bqajt ngħix waħdi. Illejla hemm bżonn inkellimha.”


Wara dak l-epiżodju, iddeċidiet li titlaq nofsiegħa kmieni mill-uffiċju. B’hekk setgħet tilħaq lin-neputija mill-ewwel u kienet issibha hemm, lesta biex tkellimha u tbeżbiżha xi ftit ukoll. Għal darba ħasset bħal spirtu jilluminha. Iddeċidiet, hekk kif bidlet, li toħroġ tistenna lin-neputija fuq l-għatba tal-bieb. Żgur li kienet ser tkun sorpriża għal Graziana. Fil-fatt, hekk kienet.


Graziana ġiet miexja bil-kalma kollha. Fuq wiċċha ma dehret l-ebda tip ta’ espressjoni partikolari imma ma setgħetx ma tgħidx bejnha u bejn ruħha, x’kienet qed tagħmel zijitha fuq l-għatba, qisha xi ruħ ta-purgatorju. “Ersaq ħa ngħaddi,” qaltilha it-tfajla, b’ton xi ftit jew wisq arroganti.


“Tgħaddi xejn, ejja ftit hawn fuq l-għatba. Ilna ma nitkellmu ftit...” qalet Anita.


“Int orrajt jew?” weġbitha t-tifla. “Ilna ma nitkellmu ftit? Naħseb lanqas qatt ma kellimtni sew kemm ili ngħix miegħek, ANITA!” kompliet iritatha.


“Issa wkoll, Anita qed issejjaħli? Infakkrek li jiena z-zijha tiegħek tafx...”


Dak il-ħin, Graziana ma felħitx iktar. Kienet ilha iżżomm ġewwa fiha, tissaporti, tirrabbja magħha nnifisha... Kienu erba’ kelmiet bħal dawk li ġegħluha tisplodi.


“Minn meta ‘l hawn sirt ziti int? Minn meta, zi? Naf, qed trabbini, moqdija, imma mill-bqija xejn, zi. Qatt ma ġejt tkellimni bil-kwiet, qatt ma staqsejtni kif jien, qatt ma rajtx kellix bżonn niftaħ qalbi miegħek u fuq kollox, lanqas qatt ma għannaqtni... lanqas tgħanniqa waħda qatt ma tajtni...”


Wiċċ Graziana kien aħmar nar. Kienet qed tibki waqt li qed tgħidilha dan kollu. “Kieku oħtok qatt ma kienet tagħmilli hekk..” Dak il-ħin, Graziana, sabtet il-basket tal-iskola mal-art u telqet imfixxla lanqas biss taf fejn hi sejra. Anita xxokkjatha, ma kinitx taf x’ser tagħmel. Iva, kienet intebħet lil lit-tifla kienet naqsitha.


“Iva ejja 'l hawn Graziana. Issa nkomplu nitkellmu ġewwa u naraw kif nirranġaw... fejn sejra? Jien mhux ser noqgħod niġri warajk.”


Għal dak il-kliem, Graziana reġgħet waqfet. Waqfet f’nofs ta’ triq. “Kif qatt nistgħu nirranġaw, zi ?” Imma sfortunatament, dak il-ħin kienet għaddejja karozza. Is-sewwieq ma setgħex iwaqaf kif irid u lil Graziana middha mal-art. Anita ġġennet.


“Graziana, Graziana. Kellimni, kellimni, f’ġieħ kemm hemm...Gra”


Graziana kellha d-demm iqattar minn imnieħirha. Kienet xi ftit jew wisq mitlufha minn sensieha. L-unika ħaġa li rnexxielha tgħidilha reġgħu kienu l-kliem, “Lanqas tgħanniqa... waħda... qatt...ma tajtni.” Mal-aħħar kelma tagħha, Graziana intilfet għal kollox.


Anita bdiet twerżaq għall-għajnuna. Bdiet tolfoq u tibki. Qatt ma kien ġralha hekk qabel. Dak l-inċident kien donnu ħelsilha l-emozzjonijiet kollha. “Salvawli din it-tifla...” werżqet f’nofs ta’ triq. “....ma nistax nitlef lilha wkoll!”


1386 kelma


TMIEM



 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page