Dawk li huma bla ħtija: IL-FILM
- TIZIANA BORG
- Oct 5, 2016
- 3 min read
lbieraħ kelli x-xorti, b’kumbinazzjoni, li nara film reċenti, maħruġ din is-sena stess u li għoġobni ħafna. Film iktar serju milli xi kultant imdorrijin naraw fil-ħajja mgħaġġla tal-lum. Il-film huwa Les Innocents jew bl-Ingliż The Innocents, prodott minn Anne Fontaine.
Li kieku jiena kelli l-poter nittraduċi dan it-titlu tal-film bil-Malti, ma nagħmlux “L-innoċenti”, imma nsemmih Dawk li huma bla ħtija. Narah aktar adattat u li jolqot aktar mill-qrib kull vittma li hemm preżenti fil-film. Minbarra li dan il-film laqgħatni għaliex ambjentat fi sfond storiku li jeħodna lura għal wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, jittratta wkoll temi importanti, interessanti u li xi kultant, aħna, bħala spettaturi tas-seklu 21, noħduhom wisq bħala “naturali”.
Mingħajr ma niżvela wisq dettalji dwar il-film innifsu, sabiex jekk intom il-qarreja titħajru taraw dan il-film u tiġġudikawh mill-perspettiva personali tagħkom, nixtieq ngħaddi l-opinjoni tiegħi dwar dak li dan l-istess film ittrażmetta lili bħala spettatriċi.
Il-film, ibbażat fuq fatti reali, huwa ambjentat għall-ħabta tal-1945, ġewwa l-Polonja, pajjiż, li fl-opinjoni tiegħi, dejjem kien vittma ta’ ħruxijiet minn pajjiżi akbar minnu fil-poter. Il-protagonisti huma sorijiet u tabiba żagħżugħa Franċiża, Mathilde, li taħdem mar-Red Cross. Is-sorijiet sfaw vittmi ta’ abbuż sesswali kontinwu minn truppi ta’ suldati Sovjetiċi. Abbuż sesswali, minnu nnifsu, ukoll huwa piż ġigantesk għal mara, aħseb u ara għal soru fl-1945. Dawn is-sorijiet, minbarra li bħala nisa kellhom iġarrbu dan l-abbuż, kellhom ukoll iġorru tarbija mhux mixtieqa u li ma ġietx frott l-imħabba ta’ bejn mara u raġel, iżda bħala riżultat ta’ egoiżmu u ġibda karnali minn irġiel li lanqas biss jafuhom minn Adam.
L-istampa kollettiva tas-sorijiet, bil-mod, il-mod tibda tinħall għas-sempliċi raġuni, li kull soru nibdew narawha mil-lat strettament individwali. Fl-opinjoni tiegħi, l-atteġjament u d-diffikultajiet tal-Madre superjura, b’xi mod huma kruċjali sabiex juri d-diffikultajiet veri u l-għażliet iebsin li kellha tieħu wara li dawn in-nisa kollha ġew imgħobbija b’dan “is-salib”. Il-Madre minn banda, taġixxi skont ir-regoli fissi li b'xi mod huma mistennija mis-soċjeta’. Is-soru-assistenta tagħha iżda, fl-aħħar mill-aħħar, imxiet b'qalbha. Ipprovat tgħin lil sħabha mil-lat umanistiku u b’mod mill-aktar ġust, anke jekk dak bl-aħjar mod possibli anke jekk huma kellhom jadattaw għall-"ħażen" li ġie fuqhom intortament minħabba ħaddieħor.
Li taċċetta tarbija anke jekk il-vot tiegħek kien dak tal-kastita', li jkollok taċċetta dak kollu li jmur kontra l-fidi tiegħek, mhix ħaġa faċli. L-abbuż li soffrew, mhux biss ħalla effet fiżiku imma anke psikoloġiku. Biex tkompli tgħaqqad, dak iż-żmien kellhom iżommu kollox mistur. Li kieku ma kienx għal Mathilde, il-ħruxija li kien ikollhom isofru, kienet tkun ikbar.
Minkejja li t-tabiba żagħżugħa ma kellhiex fidi, ħennet għalihom u nemmen li meta f'waqt minnhom anke hi kienet ser tisfa' vittma ta' stupru, dan kollu ġielgħha tifhem aktar mill-qrib it-tbatijiet ta' ħutha s-sorijiet. Sa ċertu punt, il-persunaġġ ta' Mathilde juri, li anke jekk bniedem ikollu twemmin kuntrastanti mal-kumplament tan-nies, f'dan il-kaz ma' dak tas-sorijiet, wieħed xorta kapaci juri ċertu sens ta' solidarjeta'. Il-vokazzjoni li ssalva lin-nies kienet ikbar minn kollox, u Mathilde uriet li kienet lesta tirriskja saħansitra l-karriera tagħha biex tkun t'għajnuna.Barra minn hekk, Mathilde sabet is-soluzzjoni ta' kif is-sorijiet setgħu isolvu b'mod aħjar il-problemi tat-trabi. Dan kollu setgħu jagħmluh billi jgħinu lil dawk it-tfal li ma kellhomx saqaf fuq rashom.

Hemm temi oħra li jiġu ppreżentati fil-film, fosthom dik tat-tradiment, fejn soru minnhom skopriet x'kienet qed tagħmel il-madre biex tipprova traqqa' l-problema tat-trabi. Kien f'dak il-waqt li din is-soru tilfet kull direzzjoni u fidi, tant li spiċċat wettqet dnub aktar gravi – is-suwiċidju. Kien ftit wara li l-Madre intebħet b'dak li kienet għamlet, tant li meta giet ikkofrontatha, stqarret, "biex salvajt lilkom, spiċċajt tlift triqti jien."Hemm ħafna punti li wieħed jista' jiftaħ dwar dan il-film, imma huwa impossibli li tmiss kull aspett.
Għalkemm il-'film' huwa ambjentat fil-passat, fejn ħruxijiet bħal dawn kienu jiġru aktar ta' spiss f'dawk il-ħabtiet, huwa fatt magħruf, li f'ħajjitna nitgħabbew b'xi salib li mhux dejjem faċli naċċettawh jew li naffrontawh bl-ispirtu meħtieġ. Temmen jew ma temminx fir-reliġjon, nemmen li l-pubbliku għandu l-opportunita' li jixtarr u li jaħseb fuq temi importanti li għadhom rilevanti sal-ġurnata tal-lum.
TMIEM
Dan huwa it-trailer tal-film Les Innocentes.
Referenza:
http://www.screendaily.com/reviews/the-innocents-agnus-dei-sundance-review/5099236.article, ikkonsultat nhar it-3 ta' Ottubru 2016
http://www.allocine.fr/film/fichefilm_gen_cfilm=231540.html, ikkonsultat nhar it-3 ta' Ottubru 2016
Comentarios