top of page
Search

THEŻIŻ

  • TIZIANA BORG
  • Sep 6, 2016
  • 5 min read

“Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi” - Hekk jgħid il-qawl Malti. Mhux kulħadd jemminhom il-qwiel. Jeżistu nies li għandhom ċertu xettiċiżmu lejn it-twemmin folkloristiku ta’ nazzjon. Nafu wkoll imma, li ċertu qwiel għandhom identita’ kważi, kważi, internazzjonali. Uħud għandhom l-istess tifsira imma issibhom fl-lingwi differenti. Il-qawl li semmejtilkom jeżisti wkoll bit-taljan: l’uomo propone e Dio dispone. Dan il-qawl żgur li kien jgħodd għal Margherita, tfajla ta’ tmintax-il sena li kienet tgħix ġewwa Gemona, raħal ċkejken qalb il-muntanji li jinsab fir-reġjun tal-Friuli Venezia Giulia.


Margherita kienet tfajla sempliċi u gustuża. Kienet ġejja minn familja umli imma li dejjem kienet tgħix ħajja kuntenta. Missierha kien jaħdem sa minn sbieħ Alla u ommha, mara tad-dar, ukoll kienet taħdem bla heda biex tara lill-familja paxxuta kemm jista’ jkun. Margherita kellha oħtha, Daria, imma kienet iżgħar minnha madwar tmien snin.


Kienet is-sena 1976, meta bħal sajjetta fil-bnazzi, f’nofs jum ta’ Settembru, seħħ fenomenu naturali li b’xi mod jew ieħor biddel il-pjanijiet u ħajjet il-Gemonesi kollha. Fost dawn kien hemm il-ħolm u l-proġetti ta’ Margherita. Margherita minn dejjem kienet tħobb tmidd idha għal dak kollu li jkun hemm bżonn. ’L hena tagħha kienet li tipprova titgħallem u tara x’tista’ tagħmel biex kemm jista’ jkun, isservi ta’ ġid. Minkejja li lill-ġenituri kienet dejjem tgħinhom fix-xogħlijiet tagħhom, il-ħolma tagħha kienet li fl-għeluq it-tmintax-il sena, titrasferixxi ruħha għal Udine, sabiex hemm, tkun tista’ tieħu l-kors universitarju li tant xtaqet: il-psikoloġija. Għalkemm ir-raħal tagħha qatt ma kien miżgħud min-nies, Gina, ġara minn tagħha, kienet taħdem fi klinika privata u dejjem tismgħaha tgħid li qatt ma kien hemm biżżejjed tobba għal dawn il-pazjenti.


Dan il-fatt dejjem dejjaqha. Kienet tħoss wisq hekk kif tisma’ li pazjent ma ħax ċertu kura sempliċement għaliex ma kienx hemmx riżorsi biżżejjed. Minn dak iż-żmien, kienet qatgħetha li l-linja tagħha kellha tkun msrbuta mal-linja medika. Xtaqet, bil-qalb kollha, li tkun parti minn tim fejn b’xi mod, hi kienet tista’ isservi ta’ għajnuna lin-nies. F’April kienet laħqet l-eta’ li biha wieħed jiġi kkunsidrat adult. Kienet lestiet l-applikazzjonijiet meħtieġa u kienet fis-seba’ sema meta, xi xahar wara rċeviet ir-risposta li ġiet aċċettatha bħala studenta universitarja.


Sadinattant, xammret il-kmiem, sabet impjieg temporanju ġewwa restorant ftit ’il bogħod minn darha. Riedet taħdem kemm tista’ sabiex iġġemma’ ftit qabel ma tibda l-perkors tagħha ġewwa l-Universita’. Għalkemm ommha kien iddispjaċiha li lil bintha ma kinitx ser taraha daqshekk spiss, lil Margherita kienet tammiraha u timtela’ b’ċertu kburija hekk kif kienet taraha ambizzjuża u determinata. Kienet taf li d-dinja kienet qed tinbidel u kienet taf li jista’ jkun il-każ, li fil-futur, bintha tiddeċiedi li tmur tgħix anke f’xi belt oħra. Gemona, żgħira kif kienet, ma kinitx ser toffri xi opportunitajiet kbar.


Is-sajf għadda f’tebqa t’għajn. Margherita kienet dari tixtri u tipprepara xi affarijiet neċċessarji li setgħet tiġi bżonn. Ftit, ftit, kienet anke qed tibda timla’ l-bagalja. Imma kif għedtilkom, is-Sur Fenomenu Naturali, gerfex lil kulħadd. F’Settembru tal-1976, Gemona ġiet milquta’ minn terromot pjuttost aħrax. Terremot, li ħasad il-ħajja ta’ numru ta’ nies u li ġieb għal irkobbtejh ir-raħal Frijulan. Margherita kienet fuq xogħol imma b’xorti tajba, hekk kif beda jinħass it-theżiż, kienet qiegħda barra tirranġa xi kaxxi. Peress li ma kinitx l-ewwel darba li ħassew xi ċaqliq ħafif, kienet taf li l-ewwel ħaġa li kellha tagħmel kienet illi titbiegħed kemm jista’ jkun minn fejn il-qalba tal-bini u ssib kenn taħt xi post li kien jidher xi ftit jew wisq sigur. Margherita, indunat li t-theżiż ma kienx tas-soltu. Kienet taf ukoll li ma kienx ser ikollha ċans taħrab kif trid u għalhekk inxteħtet għal tulha taħt bank sod li kien hemm fil-bitħa stess.


Għal dawk l-għaxar sekondi intensivi, Margherita ma kinitx taf x’inhu għaddej minn moħħha. Beżgħet mhux ftit, u ħassitha li kienet qed tagħmel taħtha bil-qatgħa. X’kien ser jiġri? Dawk l-għaxar sekondi dehru eternita’... ħalliet għaxar sekondi oħra jgħaddu wara li t-theżżiż kien waqaf. Wara, ħarġet mir-refuġju tagħha. F’moħħha kellha t-tir li tal-lanqas tmur fejn darha għaliex dakinhar familtha kellha ntkun miġbura hemm. Imma l-iskop li kellha ma kellux suċċess. Għall-frazzjoni ta’ sekonda, bħal donnu m’għaddilhiex minn moħħha x’ħerba jista’ jħalli terremot. Filli dak il-bar li kienet taħdem fih kien imdawwar b’konċentrazzjoni ta’ djar, filli issa ma kien hemm il-baħħ. Ma kien hemm xejn ħlief tifrik ta’ ġebel. Imkien ma setgħet tagħraf sew. Il-ftit nies li rat madwarha kollha dehru mifxula, ippanikkjati, oħrajn imbikkma. Riedet tmur id-dar, fejn ommha, missierha u fejn Daria.


Kienet taħt effett ta’ xokk qawwi. Hi u miexja fejn darba kellha darha kien biss lok mimli tiġrif u xi kultant tara xi id tiżbokka minn qalb xi borġ ġebel. “Mulej, agħmel li din biss ħolma kerha. Mulej, agħmel li nsib lil familti,” kienet ilha tgedwed Maggie f’qalbha. F’dik is-siegħa rrbajat għaliha nnifisha. Min jaf kemm ġieli qerdet għax ma kellhiex ħaġa jew ma kellhiex l-oħra? Imma kemm hu sewwa jkollok mxi ħaġa inqas, milli tmur tfittex darek u minflokha issib biss tifrik!

“Mama’... Daria.... Papa’.... fejn qegħdin?” bdiet twerżaq minn qalb it-tifrik. Għajtet fuq li għajtet imma ħadd ma weġibha lura. Infaqgħet tibki għal tulha mal-art, tipprova tgħannaq il-ġebel li xi darba kien magħqud biex jiġbor ħwejjiġha.


Ftit wara, ħasset par idejn itaptilha fuq darha. Kienet ommha. Magħha kien hemm ukoll oħtha u missierha. “Niżżi ħajr ’Alla... l-akbar teżor ta’ ħajti ma ntilifx," qalet Magghie. Għannqithom kollha waqt li ma setgħetx tieqaf tibki u tolfoq.


M’hemmx għalfejn ngħidilkom, li biex post jiġi fuq saqajh wara traġedja bħal din, irid iż-żmien u kull tip ta’ għajnuna. Lil Gemonesi għenuhom in-nies u huma għenu lilhom infushom ukoll. Ħadmu fuq li ħadmu u kienu saru qrib ta’ xulxin, aktar minn qatt qabel. Fil-fatt, jekk tmur ħdejhom illum il-ġurnata, tinduna kemm huma nies minn tagħna u kemm iħobbu jagħtu minn dak li għandhom. Meta tkellimhom bħal donnok tinduna li għadhom iħossuhom eternament grati lejn kull tip ta’ għajnuna li rċivew żmien ilu. Għalhekk, għalihom hija xi ħaġa naturali li jservu ta' għajnuna għal ħaddieħor.


Il-ħajja normali f’Gemona, għall-ħabta tal-1976, kienet waqfet. In-nies issa, riedu jerġgħu jibdew mill-ġdid. Margherita ma kellha xejn. L-Universita’ kellha tinsieha u ħsiebha kien biss li tgħin lil familtha, biex tal-anqas jerġgħu jibdew jgħixu ġo dar, bħalma kienu qabel.


***********************


Tletin sena wara. Maggie kienet ilha miżżewġa lil Fausto mhux ħażin issa. Kelhom żewġt ibniet u kienu jgħixu ġo dar żgħira qrib waħda mill-isbaħ muntanji. Lil Fausto kienet inzertatu waqt li kien qiegħed jagħti xi għajnuna mal-protezzjoni ċivili. Għalkemm ma kienx minn Gemona stess, lil post kien iffansjah u wara li beda jkellem lil Magghie, qatt ma reġa’ ħares lura. Ħalla kollox u beda ħajja ġdida ma’ mara li kienet serqitlu qalbu.


Minn dakinhar tat-traġedja, il-ħolma li xi darba tmur l-Universita’ kienet qaflitha fil-kexxun. Sadanittant imma, sakemm uliedha kienu jmorru l-iskola, hija xorta kienet tmur taħdem fil-klinika tal-lokal. Jum minnhom, lil Fausto irrakkuntatlu kollox. Għannaqha u minflok tħassarha, għamlilha l-kuraġġ u qalilha, “Jiena lest li ngħinek. Il-kors tista’ tagħmlu xorta u issa aħjar, għaliex tista’ tagħmlu Gemona stess u mhux Udine. Jiena ngħinek anke bit-tfal. Jekk din hija x-xewqa tiegħek, wettaqha, qabel ma jgħaddi aktar żmien...”


“U issa ma tarax Fausto. Issa għandi kważi erbgħin sena ta’ !” qaltlu b’qalbha maqtgħuha Margherita.


“U allura? Qatt mhu tard wisq fil-ħajja... biss toqgħodx taħsibha,” kompla Fausto.

************************************

Margheritha imxiet mal-parir ta’ żewġha. Illum jaħdmu it-tnejn u Margherita taħdem fl-isptar ta’ Gemona bħala psikologa. Uliedhom ukoll għadhom qed jistudjaw imma l-koppja ferħana, għax jekk Alla jrid, fi ftit snin ser imorru għall-pensjoni. Fl-aħħar, ser ikollhom aktar ħin għal xulxin!


1213 KELMA

TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page