top of page
Search

Inqliet f ' żejtha

  • TIZIANA BORG
  • Aug 4, 2016
  • 4 min read

"Sinjura, inti rbaħt vjaġġ għal tnejn għall-Awstrija. Kollox huwa inkluż fil-premju. Kull ma trid tħallas huwa xi ħaġa żgħira tat-taxxa," qalet il-vuċi femminili ta' fuq it-telefown.

"Naħseb li trid tiċċajta hux sinjorina? Jien xi kedda nirċievi u mhux xi vjaġġ għal tnejn," wieġbet b’għaġeb Frida.


************************

Din Frida wkoll... Ilbieraħ xħin mort nixtri mingħand Ġużi ta’ Pampaluna skoprejt li sabet kappell jiġieha, fl-aħħar!! U għax ngħiduha kif inhi, kemm iddum sejra ttiha ż-żejt: ħadd wara ħadd, tasal ta’ kulħadd. Tagħha waslet il-ġimgħa l-oħra stess. Tridu taraw wiċċha kif biddel il-kuluri. Għal naqra ma ħaduhiex il-Mater Dei bil-ħass ħażin li kien qabadha.


Biex tkunu tafu ftit aktar dwar Frida, nista’ ngħidilkom li Frida mara ta’ 56 sena li toqgħod fir-raħal tiegħi stess, Ħal Ġamra. Frida, lit-tfal żewġithom. Id-dar, toqgħod hi, il-kelb u Sonny, żewġha. Sonny u l-kelb it-tnejn kreaturi fidili u hekk trid tkun biex tgħix ma’ Frida 27 sena għaliex kieku, kieku rridu nisimgħu bi gwerra oħra.


Bħal ħafna min-nisa li jgħixu fl-irħula Maltin, Frida ffissata fuq l-indafa. Lanqas sufa żejda ma taralha fl-art. Il-ħin kollu tnaddaf u tfarfar. Mhux ġewwa biss, tafux? Imma ddum tiffitta fil-gallariji u fil-bibien li jagħtu għat-triq. Fil-fatt għal dawn l-affarijiet, tiddedika ġranet partikolari. Mhux biss għax fihom ix-xogħol, imma għaliex ikollha ċans tipprattika l-passatemp tagħha – ittektek u tissindika fuq in-nies tat-triq.


Jiena stess ġieli nzertajtha “tnaddaf” u qbadtha fil-fatt. Min jaf kemm rajtha tillostra b’ħeġġa u entużjażmu, waqt li għajnejha, ma nafx kif, iduru 360 grad u tkun taf x’qed jiġri bl-eżatt fit-triq. Tgħix b’dan it-tip ta’ passatemp. Kien hemm xi nies li jħobbuha, imma kien hemm ħafna wkoll min iddejqu u ma kellux grazzja magħha.


********************************

Xi xhur ilu, kienet ħadet sehem f’kompetizzjoni minn fuq it-televixin. Riedet tittanta xortiha u rnexxielha għaliex kif għedtilkom, ċemplulha mill-istazzjon tat-televiżjoni biex javżawha li kellha vjaġġ b’ xejn għal Turin. Fit-triq kulħadd sar jaf li Frida kienet ser tmur Turin fit-13 ta’ Awwissu. Messaġġ dejjem kienet twasslu għax erħilha tmur tpaċpaċ fil-ħanut tal-merċa. M’għandniex xi ngħidu, fil-ħanut, is-sabiħ kienet tgħid. Jekk ma tkunx tafha, tistħajjel li din il-mara kollox perfett jiġiha. Il-ħażin tagħha kienet tostru sew imma miskin hu minn jagħmel xi pass falz. Kont taraha tagħmilha tal-paladina tal-ġustizzja u tas-sewwa. Il-prietka tagħha kienet tibda dejjem bl-istess, mod, “Mhux biex nitkaża ta’, imma...” u ħallieha tirrakkonta fuq dak u fuq l-oħra.


B’xorti ħażina għal Frida, ilsienha u għajnejha fl-aħħar għallewha. Lir-raġel u lit-tifel il-kbir kienet avżathom li kellhom ikunu l-ajruport sagħtejn qabel, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu. Binha Garreth, ma sab l-ebda oġġezzjoni biex iwassalhom l-ajruport, imma kien avżaha mill-bidu, “ Ma, jien inwassalkom l-ajruport, mhux problema. Ser ngħidlek minn issa imma, biex niġi għalikom trid iċċempilli siegħa qabel. Dakinhar ħa nkun ġej minn ta’ billejl u bħalissa maqtulin bix-xogħol. Minħabba t-tifel, lanqas qed inkun nista’ nistrieħ ftit qabel ma nibda is-shift. Kif nasal imbagħad, nissammar mill-ewwel mas-sodda. Marika mhux ħa tkun id-dar u jien ħa nkun waħdi. Ċempilli għax mhux lakemm inqum. Ġieli lanqas l-alarm ma nisma’. Fhimtni, ma?” prietkalha Garreth.


“Fhimtek, fhimtek. Siegħa u nofs qabel inċempillek u qabel ma tkellimni ma naqtax. Ħalli f idi. Għandek raġun ibni tkun għajjien. Mur issa ħijja u kien imbierek,” selmitlu Frida.


Il-jum tat-tluq kien wasal. Il-bagalji kienu kollha lesti. Frida u Sonny ukoll. Il-kelb kienu diġa’ ħaduh minn ġurnata qabel għand bintha Rebecca biex iżżommulhom hi. Kienu d-disgħa u peress li kienu lesti, Sonny iddeċieda li jintefa’ ftit fuq il-pultruna jaqra l-gazzetta. “Frida, issa ċempel lil Garreth mela,” fakkarha żewġha.


“Iva, ħalli f’idi. Mhux dejjem jien nieħu ħsieb. Ħa mmur issa, ara, għax dak ma jqumx,” kompliet Frida. Hekk kif marret fil-kċina, qabdet il-mowbajl u bdiet tagħfas in-numri, semgħet għajjat u storbju kbir, tant li nħasdet.


“Dan x’inhu?” bdiet tistaqsi bejnha u bejn ruħha Frida. Marret tittawwal inkiss inkiss mill-gallarija. Qagħdet attenta sabiex kemm jista’ jkun ma tidhirx minn barra li qiegħda tnemmes, bħas-soltu. Stgħaġbet mhux ftit, hekk kif rat lil Ġanni ta’ ħdejhom jiġġieled ma’ Dwardu tal-faċċata. Dawn it-tnejn ilhom bit-tikketta, u Frida, ta’ sindikajra li hi, kienet ilha tobsor li f’xi ħin, xi ġlieda kbira bejn dawn it-tnejn, kellha tfaqqa’. Biex tgħaxxaq il-bieb tal-gallarija ma kienx miftuħ bħas-soltu. Issa ma setgħetx tiftħu sabiex tkun tista’ tissemma’ aħjar għaliex inkella tagħmilha wisq ovvja li l-ewwel nett kienet wara l-bieb, it-tieni, li kienet qed tissemma’.


Mid-dehra, il-ġlieda bejn dawn it-tnejn ma riedet tieqaf b’sejn. Għajjat, storbju u kien jonqos ftit biex jiġu fl-idejn. Oħroġ il-għaġeb, fejn is-soltu kulħadd ikun mal-madwar, dak il-ħin tal-ġlieda, ħadd donnu m’ażżarda joħroġ imnieħru mill-għatba ‘il barra. Deher ċar li ħadd ma ried jidħol f’xi biċċa nkwiet. Frida intilfet tfettaħ widenjha kemm tista’ bħal ta’ iljunfant biex tipprova taqbad kaptu tar-raġuni li qanqlet il-ġlieda bejn iż-żewġt irġiel. Sadanittant, Sonny marret għajnu bih. Dejjem hekk jiġrilu meta jkun qed jaqra. Il-qari kien jirnexxielu jraqqdu aktar mill-aqwa primla tal-irqad. Biex ngħidu s-sewwa, dak il-lejl ma tantx raqad. Kien mimli eċitament għas-safra, għax issa kien ilu madwar għaxar snin ma jsiefer. Beda jħossu qisu kien sejjer għall-ewwel darba. Allura, għamel nofs ta’ nhar sewwa idur u jitqelleb fis-sodda. Dak il-ħin imma, kif kien kwiet fil-ħemda tad-dar qabditu ngħasa ħelwa.


Mid-dehra, skont l-osservazzjoni intensiva ta’ Frida, irnexxielha toħloq idea fuq l-argument ta’ Ġanni u Dwardu. Kienu qed jillatikaw fuq il-vetturi goffi tagħhom u minħabba l-ipparkjar. Fl-aħħar bdew jagħtu u Frida baqgħet b’ħalqha miftuħ. Kien d-daqq għall-għarrieda tas-sirena tal-pulizija li fl-aħħar ġab lil Frida f’sensieha. Inqatgħet dak il-ħin u mingħajr ma riedet, ħarset lejl l-arloġġ. “Nofsinhar!!! Il-marelli!! L-ajruport! Garreth!” bdiet tippanikkja u tħokk rasha Frida.


Ċemplet lil binha u bħas-soltu, ma weġibhiex mill-ewwel. Qatgħet u reġgħet bdiet tgħajjat, “Sonny, Sonny. Qum! Qum!” Sonny qam maħsud b’qalbu tferfer. “Marija tal-ħniena! Iva, x’ġara?” staqsa Sonny.


“Uuuu x’ġara! Qum minn hemm int, għalxejn qatt ma nsibek. Irqadt erġajt?? Mank ġejt tgħajjatli. Nofsinhar ta’!! Ħa nitilfu l-ajruplan. Kellna inkunu hemm għal xil-għaxra u nofs, imma issa mhux talli hekk, talli l-anqas it-titjira m’aħna ser nilħqu!”


Frida reġgħet ċemplet lil Garreth. Fl-aħħar, wara xi ħames darbiet weġibha. Binha telaq mid-dar mill-aktar fis, għabbew kollox u telqu sparati lejn l-ajruport ta’ Ħal Luqa. Fi ftit ħin waslu, imma lanqas ħaqq il-ġenn li ħolqu fit-toroq għaliex l-ajruplan kienu tilfuh!


“Tajjeb ukoll!! Addio l-vjaġġ! B’xejn ġie u b’xejn telaq!” qal iffrustrat Sonny. “Imma għedli ħaġa Frida... Jien vera marret għajni bija, imma int, tista’ tgħidli xi ġralek biex minn xid-disgħa u nofs sa nofsinhar, intlift u nsejt iċċempel lil Garreth stess?” staqsa r-raġel.


“Għax.... għax.... smajt lil Ġanni u lil Dwardu ta’ ħdejna jiġġieldu u bdejt nipprova nara naqbadx art fuq hiex. Dawk ukoll.... damu sejrin biha xi sagħtejn sħaħ.”

Sonny baqa’ ħalqu miftuħ. F’daqqa waħda beda jċapċpilha. “Proset Frida, proset tassew għaliex biex ilħaqt salib ħaddieħor, spiċċajna ma lħaqniex l-ajruplan!”


TMIEM

1109 kelma

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page