Ċans ieħor
- Tiziana Borg
- Jul 27, 2016
- 4 min read
"Ambizzjuża, gustuża u indipendenti"- Hekk kienu ddeskrivewhielu lil Nathaniel. Sħabu tal-klikka, magħmula minn ġuvintur u tfajliet, bdew ikellmuh dwar Desirée. Kienu qalulu li dalwaqt kienet ser tibda tingħaqad magħhom għall-ħruġ. Nathaniel kien ġuvni pjuttost mistħi u kellu 33 sena. Proprju għalhekk sħabu riedu li b'xi mod iressquhom lejn xulxin. Min jaf, forsi kellhom ċans flimkien?
Desirée. Tlieta u tletin sena. Tfajla gustuża li ħarget minn għaxar snin relazzjoni ta' għerusija. Dan il-fatt ħalla impatt qawwi fuq il-personalita' tagħha. Desirée kienet tħobbu lil Gabriel u wara seba' snin għerusija, kienu ddeċidew li jidħlu għall-pass taż-żwieġ. Kienu ħejjew il-post u anke t-tieġ. Sitt xhur qabel il-jum taż-żwieġ, Gabriel reġa' darlu. Ma riedx jieħu aktar dak il-pass importanti. Xi ġimgħat wara, Desirée skopriet li diġa' kien qed ikellem oħra.
Kienet diġa' diffiċli taċċetta dak kollu. Il-fiduċja li xi darba kellha lejn il-proxxmu, intilfet għal kollox u inqasmet f'elf biċċa. Biex wara tmien snin għerusija nesa kollox u beda jkellem oħra, xi ħaġa tinten kien hemm. Għamlet xhur tibki u ngħalqet fiha nnifisha. Kienet iebsa biex taċċetta dak kollu li kienet qed tgħaddi minnu. Mill-banda l-oħra, bl-għajnuna ta' xi ħbieb sinċieri, fehmet li kull deni għandha tieħdu b'ġid. Innutat, li imnalla telqu lil xulxin qabel ma daħlu għaż-żwieġ, għaliex kieku l-affarijiet kienu jkunu agħar.
Flus tilfet ħafna, il-post kellu jinbiegħ, imma agħar minn kollox, il-fiduċja fl-imħabba kienet tistkerraha għal kollox. Ħalfet, li żgur u qatt mhi ser terġa' tafda qalbha lil xi raġel ieħor kemm iddum ħajja. Kif qatt setgħet tieħu ċans ieħor, meta Gabriel mhux biss kien ittradieha, imma kissrilha l-passat u l-futur tagħha?
Ħasbet li issa kien il-mument li tiffoka aktar fuqha nnifisha. Issa riedet tistinka aktar fil-karriera taghha, tgawdi aktar lill-ħbieb u li tieħu sehem f'inizzjattivi differenti. Ma kellhiex għalfejn tibqa' żżomm ruħha lura. Issa riedet timxi 'l quddiem. Dan l-aħħar għamlet ħbieb ma' Raisa, Leyla u Kathleen. Saru jafuha minn fuq il-post tax-xogħol u bdew jiltaqgħu anke barra. Kienu saru ħaġa waħda u kienu jitpaxxew fil-kumpanija ta' xulxin. Issa kienu ser idaħħluha fil-klikka tagħhom, u huma kellhom ġenn sakemm jagħmlu dan. Lil Desirée iżda, qatt m' għarrfuha b'xejn dwar Nathaniel.
Għaddew ix-xhur u issa Desirée kienet drat toħroġ mal-klikka. Sabitha komda ma' dawn il-ħbieb il-ġodda u kienu jmorru postijiet differenti. Lil Nathaniel, Desirée ġieli kellmitu. Mhux l-ewwel darba li "nzertaw" poġġew fejn xulxin meta kienu jmorru xi ikla jew jaraw xi spettaklu. Sħabu kienu introduċewhom, imma ma kienx hemm għalfejn jistinkaw wisq biex iressquhom lejn xulxin, għaliex mill-ewwel kienu donnhom qablu. Nathaniel, min-naħa tiegħu, lanqas qatt ma basar li Desirée kienet ser tolqtu daqshekk. Mill-apparenza mill-ewwel għoġbitu u mill-karattru, kien qed jinduna ftit, ftit li kienet tfajla li ma tiddejjaq xejn tkun fil-kumpanija tagħha.
Għaddew ix-xhur u bilmod il-mod, Nathaniel kien sab il-kuraġġ biex jistedinha joħorġu huma t-tnejn biss. Desirée dejjem aċċettat. Fil-fond ta' qalbha, lil Nathaniel kienet tarah interessanti. Aktar minn hekk, kienet innutat, li għalkemm kien kapaċi jkompli ma' kulħadd, kien bniedem li kapaċi jisma' hafna: kapaċita' rari għal dawn iż-żminijiet. Dawn il-ħruġ kienu qed isiru ta' spiss. Mhux l-ewwel darba li kien jitfa' xi botta u jgħidilha li hu mħajjar li r-relazzjoni tagħhom tmur lil hinn minn sempliċi ħbiberija. Desirée min-naħa tagħha, kienet taqtgħalu fil-qasir u dejjem tgħidlu li mhix interessata. Dejjem spjegatlu li r-raġuni ma kinitx għalih personali imma għax kienet tħossha mhux lesta biex tidħol f'relazzjoni oħra u terġa' tafda lil persuna oħra mill-ġdid.

Ġimgħa minnhom qalilha li ried joħroġha tiekol ġewwa lukanda lussuża fl-okkazjoni ta' għeluq sninha. Talabha tilbes pulit u baqgħet impressjonata hekk kif ratu serju u eleganti xħin għaddha għaliha. Dak il-lejl, fir-restorant, ittrataha daqs l-aqwa prinċipessa. Iddedikalha diska u stedina joħorġu jiżfnu. Ħassitha qed tmut bil-mistħija, imma fl-istess ħin, kienet ilha ma tħossha daqshekk importanti ghal xi ħadd. Wasal il-ħin għad-deżerta u l-'waitress' daħlet b'porzjon kejk specjali waqt li fl-isfond bdiet tindaqq il-mużika li tmur f'dawn l-okkażjonijiet. Desirée ħmaret xħin il-'waitress' qaltilha, "Sinjorina, nawguralek għall-għeluq sninek. Talbuni wkoll biex ma' dan il-platt nagħtik din l-ittra. Enjoy!" Desirée xtaqet tistaqsieha x'kien qed jiġri imma l-'waitress' kienet pronta telqet qisha sajjetta. Dak il-ħin ħarset lejn Nathaniel u qaltlu, " X'ittra hi din, tgħid? Min bagħatha?"
"Sempliċi: iftaħha u aqraha. Malajr taqtgħaha l-kurzita'," weġibha hu.
Il-kurzita' bdiet tikber. Fetħet bil-ġenn l-ittra u bdiet taqra,
Għażiża Desirée,
Minn qabel rajtek, sħabi xtaqu jressquni lejk. Madanakollu, hekk kif iltqajt miegħek, intbaħt li ma kienx hemm bżonn. Mill-ewwel inġbidt lejk! Sirt nafek aħjar u iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed issir togħġobni.
Taf li ġieli kellimtek dwar dak li ser ngħidlek issa, imma nwegħdek li llum l-aħħar li se ndejqek. Int togħġobni wisq u għalhekk, nixtieq nitolbok biex issir it-tfajla tiegħi. Lest li niskopri u li nagħtu ċans lil xulxin biex naraw jekk jistax ikollna futur flimkien. Ma rridx inpoġġik f'sitwazzjoni skomda, imma llejla rridek tgħidli jew iva jew le. Jekk ir-risposta tiegħek tkun din tal-aħħar, allura nagħtik kelmti li ma nistaqsikx aktar.
Int taf li nistħi u għalhekk ħassejt li kelli niktiblek....
Lesta li tafda lil persuna oħra f'hajtek? Lesta taċċettani?
Nathaniel
Lanqas f'mitt sena ma kienet qed tistennieha biċċa bħal din. Baqgħet skantata, tħares lejn il-karta u kull ftit sekondi tħares ukoll lejn Nathaniel ukoll. Ma kinitx taf kif ser taqbad iġġib ruħha. Mill-banda l-oħra, f'dak il-mument indunat li Nathaniel ma kienx qed jiċċajta. Deher li kien iddejjaq jistenna u li kien wasal iż-żmien li tagħtih risposta. Kemm ilha tafu, Desirée skopriet kemm Nathaniel kien qalbu tajba, imma kienet taf ukoll, li jekk jieħu deċiżjoni, xejn u ħadd ma jreġġgħu lura.
X'kienet ser tagħmel? Ser tħallih joħroġ minn ħajjitha darba għal dejjem? Jew kienet ser tagħti ċans lil dan il-proxxmu li tul dawn l-aħħar xhur għamel minn kollox biex jiġbdilha l-attenzjoni? Iddeċidiet li tagħżel l-aħħar opzjoni u b'demgha ta' ferħ f'għajnejha qaltlu, "Iva, naċċettak Nathaniel."
ความคิดเห็น