top of page
Search

Tifla d-dar

  • TIZIANA BORG
  • Jul 22, 2016
  • 5 min read

Katrin iżżewġet żgħira. Kellha għoxrin sena meta aċċettat li tkun mart Philip. Kien ilhom erba' snin għarajjes, imma peress li wara li spiċċat l-iskola ma komplietx tistudja u bdiet taħdem mill-ewwel, ma ratx li kellha għalfejn iddum taħsibha biex tiżżewweġ. Hi kienet taħdem u stinkat kemm setgħet flimkien mal-għarus tagħha biex ilestu għat-tieġ u jkomplu l-post li ġentilment offrielhom missieru.


Lil Philip kienet tħobbu immens u ma nkunx qed ngħid ħaġa b'oħra jekk ngħidilkom li waħda mir-raġunijiet għalfejn riedet tiżżewweġ ta' età żgħira, kienet biex tkun tista' jkollha t-tfal kemm jista' jkun kmieni. Skont hi, it-tfal kienu l-isbaħ ġojjel li jista' jkollhom żewġ maħbubin. Dejjem emmnet li l-ulied sbieħ meta trabbiehom hekk kif tkun għadek tiflaħ għalihom. Barra minn hekk, kienet tħoss, li aktar mad-diskrepanza t'età tkun żgħira bejn il-ġenituri u l-ulied, inqas ikun hemm ċans ta' konflitt bejniethom.


Iżżewġu u bdew ħajja feliċi flimkien. Katrin kienet fis-seba' sema, hekk kif wara ħames xhur ta' żwieġ, it-tabib għarrafha li kienet tqila. Ġietha żewġ u ħassitha ser ttir bil-ferħ hekk kif rat li l-Mulej għoġbu jagħtihom dik il-grazzja. Philip kien kuntent daqsha u kien joqgħod b'seba' mitt għajn sabiex jara li martu ma tistrapazzax. Bħalha kellu ġenn sakemm jara li l-bintu futura tiġi fid-dinja b'wiċċ il-ġid. Kien diġa' jaf, li lil bintu ser isemmieha Mariana għal ommu u li kien ser jitrattaha bħala prinċipessa.


Mariana twieldet fil-11 ta' April u kienet tifla mill-isbaħ. Minn dejjem kienet kwieta u hi u tikber qatt ma ħabtithom lil Katrin u lil Philip. Kienet tobdi mill-ewwel u bix-xejn kienet tilgħab. Mariana iżda, kienet tieħu gost tqatta' l-ħin f'waħda mill-kmamar li għandha l-familja fis-sular ta' fuq. Din kienet kamra "vojta", fis-sens, li ma kienet ta' ħadd partikolari. Katrin kienet tħalli biss xi ftit "imbarazz" bħal xi antikitajiet li kienet tatha nannitha, xi affarijiet użati li kien għad trid issibilhom xi post fid-dar u rimiżolji oħrajn. Imma Mariana ma kinitx tati kas. 'L hena tagħha kienet tifrex liżar qadim fin-nofs tal-kamra u taqbad tilgħab jew bil-pupi tagħha jew inkella b'xi antikatijiet li kienet issib f'senduq minnhom li kien hemm fil-kamra. Mhux l-ewwel darba li Katrin kienet tkun qed tagħmel xi faċenda fis-sular ta' fuq u tisma' lil bintha Mariana tkanta u tpaċpaċ kemm tiflaħ. Kienet tieħu gost tismagħha. Kien jidher ċar li kienet tkun ghal qalbha tgħaddi siegħa żmien hemmhekk.


Imma fil-11 ta' April għeluq id-disa' snin ta' Mariana, lill-familja ta' Katrin u ta' Philip missithom traġedja li ħalliethom mifluġa. Ħalliet effett negattiv fuqhom mhux għax biss kienet traġedja kerha imma għax kienet sajjetta fil-bnazzi. Xi ġimgħa qabel din l-imsemmija traġedja, Mariana mardet u kellha bħal riħ qawwi. Katrin cemplet lit-tabib u taha l-medicina meħtieġa. Sfortunatament iżda, Mariana ma fiqitx mill-ewwel bħas-soltu. Damet tkarkar ġimgħa b'deni qawwi u sogħla kerha. Saħansitra ħaduha l-isptar, imma kulma għamlet jumejn għaliex it-tobba bagħtuha d-dar. Nhar gheluq snina iżda, l-Mulej għogbu jiġbor il-warda li kienet il-mimmi t'għajnejn Katrin u Philip. F'temp ta' nofsiegħa, Mariana tatha bħal taqliba u f'tebqa t'għajn mietet. Kemm għal Katrin u kemm għal Philip, id-dinja bħal waqfet għalihom. Għaliex kien imisshom dan kollu? Għaliex tilfu lill-aktar bniedma prezzjuża f'ħajjithom?


Il-koppja kienet imkissra mentalment u emozzjonalment. Madanakollu, irnexxielhom ikomplu b'ħajjithom, anke jekk bil-ħniena. Katrin ħasset li biex tagħmel hekk, riedet teħles minn dak kollu li b'xi mod kien ifakkarha f'Mariana. Kamritha żarmatha, biegħhet l-għamara kollha, tat ħwejjiġha lis-sorijiet u żebgħet il-kamra b'kulur differenti. Kull ritratt tagħhom mat-tifla jew tat-tifla waħedha, uriethom id-dlam. Ma riditx toqgħod tarahom. Ma kinitx tiflaħ tħares lejn ix-xbieha ta' bintha fuq bicċċ karta mingħajr ma tkun tista' tgħannaqha magħha bħalma kienet qabel. Kienet taf li l-mewt ta' bintha kienet ġerħa li ma ser tfieq qatt sakemm iddum ħajja. Kull meta kienet tara ritratt ta' bintha, kienet qisha qed taqbad ponn melħ u titfgħu dirett fuq il-ferita tagħha.


Mill-mewt ta' Mariana għaddew ħdax-il sena. Ħdax-il sena strambi u vojta u għalkemm il-ġlied ta' bejn Philip u Katrin kien żdied f'dawn l-aħħar snin, il-koppja xorta baqgħet tinħabb u jġibu rispett lil xulxin. Pero', wara ħdax-il sena ta' dlam, donnu reġa' beda jfeġġ raġġ ta' dawl ġewwa l-familja Spiteri, raġġ ta' tama, raġġ ta' kuraġġ. Jum fost l-oħrajn, wara li Katrin kienet xebgħet tħossha mdardra, iddeċidiet li tmur għand it-tabib. Inkwetat xi ftit għaliex, kif jgħidu, mal-kwaranta jibda jittanta. Imma milli ħasbet ma kien xejn. It-tabib kien infurmaha li reġgħet inqabdet tqila wara għoxrin sena.

Katrin infaqgħet tibki. Ma kinitx taf jekk hux imnikkta jew ferħana. Kienet taf żgur li kienet imħawda, imma fl-istess ħin, kienet ċerta li din kienet sorpriza mill-isbaħ, anke għal żewġha Philip. Meta kellha lil Mariana, Katrin kienet tixtieq aktar tfal, imma għalkemm kienu jippruvaw, qatt ma kien irnexxielhom. Wara l-mewt ta' bintha, lanqas biss qatt ħasbet li tipprova għat-tfal. Il-kedda li kienet ħadet kienet enormi u barra minhekk, kienet taqta' qalbha għaliex issa ma kinitx għadha żgħira.


Nella twieldet ftit tax-xhur wara. Dar Katrin u Philip ħadet ir-ruħ. It-tifla kienet tat ħajja ġdida mhux biss lid-dar, imma anke lill-koppja. Nella ma kinitx bħal Mariana. Minn dejjem kienet xi ftit imqarqċa. Madanakollu, għal Katrin, Nella kienet l-għaxqa tagħha. Bit-tajjeb kollu tagħha imma, Nella mhux l-ewwel darba li kienet iġġib lil Katrin daharha mal-ħajt. Dan għaliex xħin kien ifettlilha, Nella kienet taqbad tistaqsi lil ommha dwar Mariana. Veru, issa kienet ferħana, imma l-ħsieb dwar Mariana xorta kien inikkitha lil Katrin.



"Ma, allura kemm kellha żmien Mariana meta mietet?" staqsietha jum minnhom Nella.


"Kienet ftit ikbar minnek. Kienet għada kif għalqet disa' snin, proprju dakinhar li mietet," wieġbet ommha.


"Miskina. U kif kienet ma? Kwieta jew imqarba?"


"Imqarba? Dik tgħidx kemm kienet kwieta u tobdi mill-ewwel! Mhux bħalek, irrid ngħidlek xi ħames darbiet qabel ma tagħmel li ngħidlek," kompliet ommha.


Katrin kienet qed tħossha skomda, imma issa kien wasal iż-żmien li argument bħal dak taffrontah. Kemm kienet ser iddum teqilbilha id-diskors? Nella issa kienet qed tikber u fuq kollox, kellha dritt tkun taf xi ftit dwar oħtha. Imma hekk kif kienet qed titkellem, ma felħitx iżżomm id-demgħa li kienet qabżitilha minn għajnejha.


"Ma, naf li ma tiħux gost titkellem fuq Mariana u ma rridx narak tibki, imma għandi bżonn ngħidlek xi ħaġa li qed tiġrili kważi kuljum. Issa imma, qisha qed tbeżżani," qalet Nella.


"Qed tħoss xi ħaġa?" qalet ixxukkjatha Katrin.


"U le, ma. Mhux hekk. Ġieli inkun qed nilgħab f'dik il-kamra ta' fuq fejn għandek ħafna affarijiet u . . ." waqfet Nella għal ftit sekondi.


"U xi ġralek?" staqsiet ommha.


"Rajt tifla,"qalet Nella.


"X'tifla hi, binti? X'inti tgħid?" wieġbet skantata Katrin.


"Tini ċans ma, ħa ngħidlek. Din it-tifla ma nafx min hi, qatt ma qaltli x'jisimha. L-ewwel darba li rajtha donnha ġiet mix-xejn. Ma nafx minn fejn ħarġet.... Għall-bidu kont ser naqbad nwerżaq imma għamlitli sinjal biex ma nagħmilx hekk. L-ewwel staqsietni biex nilagħbu u jien hekk għamilt. Kull darba li nkun fil-kamra qed tiġi tarani. Daqqa nilagħbu u daqqa nitkellmu. Taf ħafna affarijiet fuqek ma ..." qalet Nella.


"Taf fuqi?"qalet Katrin. Mid-dehra ta' wiċċha Katrin dehret li saret bajda karti bil-qatgħa.


"Qisha għandha l-eta' tiegħi. Li ma nistax nifhem imma, li hi qaltli li tieħu gost tkun f'dik il-kamra. Allura, din tkun magħna u aħna ma nafux?" staqsiet Nella mħawda.


"Ma nafx binti, ħawwadtni. Żgur mhux xi storja minn tieghek din, hux?" staqsiet suspettuża Katrin.


"Le ma, ma tarax. Imma issa nixtieq nistaqsik xi ħaġa..." kompliet Nella.


"Għidli," qalet l-omm, kollha paċenzja.


"Illum qgħadt naħseb ħafna fuq din it-tifla misterjuża u ma nafx għaliex ġietni f'moħħi wkoll oħti, anke jekk jiena ma nafhiex... Possibli ma, m'għandekx ritratt ta' Mariana?" staqsiet Nella.


"Fil-verita' għandi, imma wara li mietet kont neħħejt kollox, għax ma ridtx naraha aktar. Wisq weġgħa kbira għalija. Ħa nurik wieħed imma, għax għandi xi tnejn marfugħin fil-kexxun ta' fuq," kompliet l-omm.


It-tnejn li huma telgħu fuq qishom xi żewġt iqtates imgerrxin. Katrin fetħet il-kexxun u newlet iż-żewġ ritratti lil bintha. Hekk kif għamlet dan iżda, Nella ħasset tkexkixa bard ma' ġisimha kollu. Wiċċha sfar iktar mil-lellux u mingħajr ma ndunat, ħalqha infetaħ bl-iskantament.


"Xi ġralek Nella? Xi ġralek qalbi? Taf kif biddel il-kulur wiċċek?" staqsiet Katrin.


"Ma..... ma.... it-tifla fir-ritratt hija l-istess wahda li nara jien fil-kamra!"


TMIEM

1337 KELMA


 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Bình luận


bottom of page