Firda kiefra
- Tiziana Borġ
- Jul 20, 2016
- 5 min read

Qalb Ġenja kienet bħal mera mkissra, maqsuma f'elf biċċa. Tista' omm ma tkunx imnikkta meta tara li bintha m'għadhiex li kienet? Tista' ma jiddispjaċikx, hekk kif tara lil bintek tbigħ is-saħħa u f'daqqa waħda ssibha fuq is-sufan, iċċassata u ma tafx għadhiex ħajja jew le? Terġa' u tgħid, jekk bintek kull m'għad għandha huwa biss disa' snin, biċċa bħal din iktar teħodha ġewwa.
Kristy Galea, bint Ġenja Galea minn Ħal Ward, minn dejjem kienet tifla ferriħija. Sa minn ċkunita, dejjem tkompli ma' kulħadd u trid tkun tal-ġibs biex ma jirnexxilekx titbissmilha waħda, anke jekk ma tkunx tafha sew. In-nannu Gejtano kien isejħilha l-"farfett tiegħi" għaliex dejjem kienet ilventa u wiċċha jixgħel bil-ferħ.
Fil-ħajja imma, daqqa nkunu 'l fuq u daqqa 'l isfel. Bħalissa Ġenja u Kristy imisshom din tal-aħħar. It-tifla għaddejja minn trawma kbira. Kien episodju li ġara ftit tax-xhur ilu li biddilha ta' taħt fuq. Min jafha, żgur jgħid li Kristy ta' bħalissa mhix l-istess waħda. Ġenja u wliedha kienu jgħixu waħedhom f'appartament. Ir-raġel kien telaqha ħabta u sabta u rari kienet tisma' minn għandu. Madanakollu, Ġenja qatt ma waqfet tisħet xortiha u tilmenta dwar dak kollu li ġralha. Dejjem ħasbet fit-tifla u kienet taf li bid-disperazzjoni u bid-dispjaċir ma kienet ser issolvi xejn. Għalhekk, dejjem middet għonqha għax-xogħol.
Nofs il-kuraġġ ġabitu mingħand missierha. Missierha kien raġel waħdu wkoll peress li kien armel. Omm Ġenja mietet meta hi kellha sittax-il sena. Madanakollu, lil bintu qatt ma ħallieha nieqsa minn xejn. Ħadem għaliha, kien hemm għaliha u pprova jrabbieha sew kemm seta'. Ġenja dejjem hekk ippruvat tagħmel ma' bintha.
Din Kristy kienet miġnuna fuq nannuha. Kienet tħobbu ħafna u mhux biss għax kellu personalità li tiġbdek, imma għax kienet taf kemm kien iħobbhom, jieħu ħsiebhom u fuq kollox, kien kapaċi jimla' l-vojt li ħalla missierha f'ħajjthom. Sfortunatament iżda, lin-nannu kellha tgawdih biss għal disa' snin.
Kien nhar is-Sette Giugno u għalhekk, Ġenja ma marritx għax-xogħol. Madanakollu, Kristy lil ommha kienet avżatha minn filgħaxija, li l-għada filgħodu kienet ser tmur s'għand nannuha. Kristy ma kinitx toqgħod mingħajr nannuha. Kienet qisha d-dell tiegħu. Mingħajru ma toqgħodx. Barra minhekk, it-tnejn li huma kienu ftehmu li dakinhar tal-festa pubblika, kien ser jeħodha b'tal-linja sa Ħal Sifi biex tkun tista' tilgħab ftit fil-bandli l-ġdid li kien għadu kif ġie inawgurat.
Filgħodu, Kristy ma damitx titnikker. Qamet, libset, ħadet tazza ħalib u xi ftit ċereali, ħallset xagħarha u avżat lil ommha li kienet ser tmur bil-mixi għand in-nannu – bħas-soltu. Ġenja kienet tafdaha tmur waħedha għaliex mingħandha għal għand missierha, triq dritta kien hemm u setgħet tmur faċilment mingħajr il-bżonn li tinżel darba minn fuq il-bankina. Kristy libset in-nuċċali ta' Hello Kitty li kien xtralha n-nannu stess u miegħu libset ukoll tbissima liema bħalha, ferħana li kienet ser toħroġ. Ħasbet biex fuq tal-linja titolbu jirrakkuntalha l-istorja ta' kif iltaqa' man-nanna. L-istorja kienet tafha eżatt, imma ma kienet tixba' qatt tismagħha minn fomm nannuha.
Kif rifset l-għatba ta' nannuha pero', il-pjanijiet tagħha sfumaw fix-xejn. Bħas-soltu, Kristy fetħet il-bieb ta' barra tad-dar tan-nannu. Lilha kienu diġa' fdawlha ċ-ċavetta, peress li kienet tmur kważi ta' kuljum għandu. Bdiet issejjaħlu minn isfel u ratha ftit stramba li ma kienx qed jistennieha fuq il-pultruna l-kannella li kellu fil-kamra tal-ikel. Is-soltu, meta jiftehmu, dejjem hekk jagħmlu. Hu ikun qed jistennieha u hekk kif tidħol ħdejh, jitkellmu ftit u jkunu lesti biex jitilqu.
Dakinhar ma kellux ikun hekk. Kristy bdiet issejjaħlu minn isfel, "Nann, nann, fejn qiegħed? Mela mhux lest illum?? Imxi ħa mmorru għax ser isir il-ħin..." Ma kellha risposta ta' xejn u għalhekk iddeċidiet li titla' sal-kamra tiegħu. "Ma marritx għajnu bih hux?" bdiet thewden waħedha Kristy. Reġghet sejħitlu u sakemm għaddiet mill-kurutur għall-kamra tiegħu, kien hemm biss il-baħħ u silenzju assolut. Hekk kif waslet quddiem il-bieb ta' kamartu, lil nannuha ratu mimdud fuq is-sodda, liebes il-ħwejjeg li kien jorqod bihom billejl.
"Iva mela għadek rieqed nann?" staqsiet Kristy, hi u riesqa lejh. In-nannu ma kellimhiex. Resqet ħdejh u ċaqalqitu minn dirgħajh, imma x-xwejjaħ kif kien baqa'. Kien f'dak il-mument li moħħha bħal donnu kklikkja u ntebħet li nannuha kien... bla ħajja! Għal dan il-ħsieb, Kristy bdiet twerżaq kemm tiflaħ, niżlet it-taraġ sitta, sitta u qabdet it-telefown. Ċemplet lil ommha u kompliet twerżaq.
"X'gara Kristy? Iva x'inti twerzaq?! Aqtagħha naqra!" Xi ġralek??" staqsietha ommha, konfuża u ffrustrata li t-tifla kienet qed iġġib ruħha b'dak il-mod. "Ma, Ma.... in-nannu... in-nannu...ma ċċaqlaqx, ma ċċaqlaqx.... ma tkellimx...mama', qed nibża'," temtmet Kristy. Lil ommha kienet ilha ma ssejħilha "mamà" għomor. F'daqqa waħda t-tifla qatgħet, intefgħet kokka f'kantuniera u bdiet titriegħed. Kien Ġunju, imma jekk tħares lejha, taħseb li kien xi Jannar, bir-rogħda li kellha fuqha u mill-mod ta' kif bdiet iċċekcek snienha.
Ġenja inħasdet. Kristy mhux soltu tagħmel xi ġennata bħal din. Xi ħaġa kien ġara - bilfors! Skont il-ftit kliem tat-tifla, ġara xi ħaġa lil missierha. Telqet kollox minn idha, neżgħet il-fardal b'ġirja u marret lejn id-dar ta' missierha b'kemm Alla sellifha saħħa. Hekk kif rifset l-għatba ta' missierha u mxiet żewġ passi fl-intrata, rat lil bintha mrekkna, titriegħed, wiċċha miksi bid-dmugħ. "X'ġara Kristy? X'ġara?" staqsiet Ġenja b'imsarinha f'saqajha.
"Mamà, in-nannu... naħseb li...MIET. Qiegħed fil-kamra tas-sodda tiegħu" qalet Kristy b'għajta. Ġenja weġbitha,"Oqgħod hawn, tiċċaqlaqx. Ħa nitla' ħdejh u nara jien. Issa tara kif nirranġaw," ipprovat isserħilha moħħha ommha.
Imma hekk kif Ġenja kienet fejn missierha, ikkonfermat li qaltilha bintha. Missierha kien mixħut hemm, bla ħajja. Aktarx li miet waqt l-irqad. Għal dik il-frazzjoni ta' mument, marritilha saħħitha kollha u ntefgħet tolfoq fuq sider missierha. "Imma kif kellek tħallina hekk, missier? Ħabta u sabta? Kif kellha issibek Kristy, iktar ma kienet tħobbok? Issa żgur li ma baqgħalna lil ħadd."
Ġenja niżlet isfel, qabdet lil bintha Kristy u għannqitha kemm felħet magħha. Kienu tilfu dak li għal ħafna żmien kien il-bastun tagħhom it-tnejn. Sadanittant, Kristy naqqset mir-rogħda li kellha, imma xorta kienet baqgħet xi ftit. Ommha stednitha tpoġġi fuq is-sufan sakemm hi tagħmel it-telefonati u l-arranġamenti meħtieġa. Kristy min-naħa tagħha baqgħet bilqiegħda fuq is-sufan fejn ħallietha ommha. Ma tħarkitx u għajnejha bilkemm donnha bdiet itteptiphom. Iċċassat għal kollox u bdiet tħossha bla saħħa.
Wara li lestiet minn ħafna affarijiet, Ġenja u bintha nġabru d-dar. Imma hekk kif daħlu f'darhom, Ġenja qalbha ħebbritha li Kristy kienet ser tgħaddi minn affarijiet mhux daqstant sbieħ.
Fil-fatt wara xahar mill-mewt tax-xwejjaħ, Kristy baqgħet ma tkellmitx. Ġenja kienet qed tħossha ser tiġġenen. Wara xi ħmistax marret biha għand it-tabib. Ġenja ħasset li t-tabib ma kienx għenha wisq. Kien qalilha li t-tifla "immutat" minħabba x-xokk qawwi li ħadet mas-sejba ta' nannuha. L-emozzjoni tagħha tant kienet qawwija li tfitilha l-vuci tagħha. Taha l-parir sabiex tistenna ftit sakemm it-tifla jkollha iktar ċans tniżżel din il-burraxka.
Wara li għadda iktar żmien, Kristy ma kien għaddhielha xejn. Immutat għal kollox, waqfgħet tilgħab, kienet tingħalaq f'kamritha u kienet il-ħin kollu għajjiena. Ġenja kienet taf li l-pass li jmiss issa huwa li teħodha għand psikologa u jekk hemm bzonn, anke għand psikjatra. Ma kellhiex għalfejn tħalli iktar. Saħħa tilfet lil missierha, ma riditx titlef anke lil bintha. Riedet tgħinha tgħix bid-dulur u mhux tħallieha tintrifes minnu.
Il-jum li teħodha għand il-psikologa wasal. Ħaslitha u hekk kif kienet qed tistennieha bilqiegħda biex jitilqu reġgħet avżatha," Kristy sejrin għand tabiba speċjali llum. Qum ħija ħa mmorru." Kristy qamet bil-mod waqt li ma qalgħetx għajnejha mir-ritratt ta' nannuha li kien fuq it-tavolina ta' quddiemha. Mesħet għajnejha mid-dmugħ u qabdet idejn ommha. Min jaf, forsi dak kien l-ewwel pass lejn il-bidu tal-fejqan tagħha...
TMIEM 1220 KELMA
Comments