top of page
Search

Skop ġenwin li spiċċa ħażin

  • Tiziana Borg
  • Jul 5, 2016
  • 4 min read

Francois dilettant kbir tal-festa tar-raħal. Kien magħruf minn bosta nies, anke jekk kellu biss għoxrin sena. Lil dan il-ġuvnott kont tarah is-sena kollha jagħti daqqa t'id fil-parroċċa. Fejn kien jidħol armar, tiżjin u attivitajiet organizzati għall-fondi tal-festa, tilgħablux. Kien dejjem iħabbrek biex imexxi u jara x' jista' jagħmel biex ikun ta' għajnuna. S'issa pero', nemmen li għad m'hawnx zagħżugħ ieħor fir-raħal li jħabbatha miegħu...


Il-festa tar-raħal bdiet toqrob ġmielha. Huwa proprju għalhekk, li l-attivitajiet reliġjuzi kif ukoll dawk ta' barra kienu qed ifaqqsu minn jum għall-ieħor. Kien il-Ġimgħa u s-sezzjoni taż-żgħażagħ tal-festa tar-raħal organizzaw 'disco' ġewwa s-sala tal-każin. Ġeneralment, l-attendenza għal dan l-avveniment tkun waħda tajba. Ħafna ġuvintur u tfajliet jieħdu gost imorru, anke dawk li mhux attivi fil-każin.


Il-klikka li tkun ma' Francois kienet diġa' fir-rokna preferita tagħhom ġewwa l-każin. B'kollox kienu għaxra: sitt ġuvintur u erba' tfajliet. L-aħħar persuna li daħlet fil-klikka kienet Nina Farrugia, tfajla ta' sbatax-il sena li toqghod f'tarf ir-raħal. Nina kellha xagħarha iswed tuta, kemm kemm innukklat u twil sa nofs daharha. Għajnejha ħodor u kbar u xi żewġ nemxiet imferrxin fuq iż-żewġ wardiet ta' wiċċha.


Kienet Carinzia li daħħlitha fil-grupp u għal li kienet ilha mal-klikka xi ħames xhur, minbarra li kienet toħroġ magħhom, kienet tgħinhom sew fil-preparamenti tal-festa. Francois kien ħa gost li din Nina kienet daqshekk organizzata u li fuq kollox, fi ftit xhur kienet kapaċi tintegra ruħha mal-grupp daqshekk malajr. Barra dan kollu, Francois kien iħoss ċertu ġibda lejn Nina. Kien jaraha vera gustuża u fi ftit żmien li kien ilu jafha, kienet tidher li għandha karattru ferrieħi u tal-ġenn.


Nina, Francois u Herbert kien ilhom ġurnata sħiħa jippreparaw bla heda għall-festin li kellhom dakinhar. Lil Herbet kienet qaltlu, "Illejla rrid ingawdih dan il-festin. Preparajna tant u bix-xieraq li nieħu gost sew, għax dan l-ewwel wieħed uffiċjali tiegħi."


"Ħeqq, mela naħdmu biss," qal Herbert.


Imma Nina ma riditx tieħu gost biss bl-atmosfera, riedet tieħu pjacir billi titlaħlaħ ftit, biex tħossha "aktar happy b'mod speċjali" kienet qed tgħid f'qalbha. Riedet tagħmel dan l-esperiment għax is-soltu meta toħroġ, dejjem kien ikollha toqgħod lura. Hija ħasbet li tal-anqas dak il-lejl, jekk teżaġera xi ftit, il-każin kienet ser tkun, ġor-raħal stess.


Nina bdiet tixrob ftit ftit u bil-mod. Kif beda jgħaddi aktar ħin iżda, bdiet tħawwad fix-xorb u bdiet iżżid anke fit-tazzi. Roberta ratha li qed tixrob ħafna u ħin minnhom qaltilha, "Nina, ieqaf issa ! Tixrobx! Ħadt biżżejjed. Jekk tibqa' sejra hekk, lanqas ser tkun tiflaħ tasal id-dar." Imma l-parir ta' Roberta waqa' fuq widnejn torox. Nina issa kienet diġa' ftit imċempla u ħadet gost tixrob wieħed wara l-ieħor. Fl-aħħar ix-xorb għamel tiegħu u bdiet togħnos u bilkemm felħet iżżomm fuq saqajha. Sħabha rawha li ntelqet u anke jekk xi ftit minnhom kienu xorbu ftit mhux hazin, indunaw li ħadd ma kien fl-istess stat bħal tagħha.


Francois baqa' ftit imbellah hekk kif ra lil Nina hekk. Personalment, ma ħasibx li kienet ser tasal tagħmel dan kollu. Kien dejjem imdorri jaraha mod ieħor. Is-soltu fil-grupp kienet dejjem tkun l-iktar waħda kwieta. Madanakollu, anke fis-sakra kienet ħelwa Nina. Tħassarha fl-istess ħin kif ra titbandal 'l hemm u 'l hawn.


"Jaħasra, jien għedtilha biex ma tixrobx daqshekk, imma ma semgħetx minni. X' ser nagħmlu? Żgur mhux ser inħalluha tmur id-dar waħedha hekk kif inhi bħalissa. Għandha xorti tagħmel erba' passi," inkwetat Roberta.


"U biex tkompli tgħaqqad, għadha ġibda mill-każin sad-dar," żiedet Kay.


"Ma ġara xejn," qal Francois. "Jien illum qiegħed bil-karozza kumbinazzjoni. Illejla nixtieq nitlaq naqra kmieni wkoll għax biex ngħidilkom, wegħedt lil Gusmann li ser immur ngħinu ftit fil-maħżen, għax tgħidx kemm ilu jgħidli li għandu bżonni. Qabel ma nidħol id-dar, ngħaddi biha u nwassalha sal-bieb," spjega Francois.


"Żgur Frans?" staqsietu Roberta. "Tridni niġi miegħek biex ma tkunx waħdek?"


" U le Ro, m'hemmx għalfejn tinqala. Mhux kemm inwassalha, għaxar minuti kollox? Fil-każ, kif nasal id-dar nibgħatlek ‘sms’, tajjeb?" qal Francois.


"Sewwa, isserraħli rasi kieku," qaltlu Roberta.


Iżda l-messaġġ ta' Francois ma wasal qatt għand Roberta. Frans kien wassal lil Nina sal-karozza, b'pass ta' nemla. Daħħalha fuq is-‘seat’ ta' quddiem u rabatha biċ-ċinturin tas-sigurta'. Startja u saq bil-mod dirett lejn id-dar Nina. Iddeċieda li jgħaddi mill-‘by-pass’ biex kemm jista' jkun ma jarax ħafna karozzi. Imma l-ħsieb ġenwin tiegħu spiċċa biex għallieh. Mid-direzzjoni opposta kienet ġejja karozza bis-saħħa u bil-‘bright’ jagħti. Dak il-ħin, Francois ma setax jara sew u biex tgħaqqad, is-sewwieq kien qisu miġnun għaliex kien dari jserrep minn naħa għall-oħra. Donnu ma kienx jaf x'qed jagħmel...

Francois iddeċieda li jnaqqas mill-veloċita' għaliex qalbu ħebbritu li x-xufier li kien riesaq qrib, ma kienx ta' min jorbot fuqu. Jekk Francois kien prudenti, ix-xufier, żagħżugħ ta' 29 sena, li kien fis-sakra wkoll, ma kienx jaf fejn qiegħed u f'temp ta' sekonda, daħal dritt ġol-vettura ta' Frans. Frans ipprova jiskansah imma ma rnexxilux. Il-vettura tiegħu nqelbet rasha 'l isfel għal ġol-għalqa li kien hemm qrib.

L-aħbarijiet u l-gazzetti irrappurtaw li ż-żagħżugħ ta' 29 sena u Francois, mietu fuq il-post. Kienet biss Nina li salvat u li għad-daqqa li ħadu, l-esperti kkummentaw li kien miraklu li hi salvat u li fl-aħħar mill-aħħar ma ġarbitx ġrieħi gravi.


Kienet biss meta ġiet f'sensiha u saret taf l-istorja kollha mingħand Roberta li kkonfermat kemm kienet iffortunata li salvat u li fuq kollox kemm Frans kien jirrispettaha. Biex wassal lilha d-dar sabiex tkun 'il boghod mill-periklu, spiċċa tilef ħajtu hu!


877 kelma


TMIEM



 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page