top of page
Search

Lura Malta

  • TIZIANA BORG
  • Jun 24, 2016
  • 6 min read

21.04.2012

Għażiż Djarju,

Ili ma nikteb fuq il-paġni tiegħek, għomor. Kemm ħassejtu n-nuqqas tiegħek. Naf, ma ħadtikx miegħi l-Ingilterra, imma ma kienx ikun l-istess li kieku kelli nikteb fuqek hemmhekk, aktar milli hawn, ġewwa pajjiżi. Għaddew ħames snin mill-aħħar li ktibt fuqek. Clara tilfitli ruħi. Kemm ili magħha l-Ingilterra, lanqas naf kif għaddew il-jiem u dejjem sibna xi ħaġa ġdida x'nagħmlu.

Issa, Clara, issetiljawlha it-tfal u bħala familja rnexxielhom isibu r-rutina tagħhom. Kien għalhekk illi f'dan l-aħħar xahar, tatni rasi biex inħejji l-bagalji u nkunu nistgħu niġu lura ġo darna. Clara u familtha bkew kemm felħu xħin ġew l-ajruport iwassluna. Issa kienu drawna ngħixu magħhom ġewwa l-Ingilterra. Kienu ħames snin sbieħ għaliex naf li qattajthom bis-sħiħ ma' binti u familtha bl-aħjar mod. Imma issa kont għejjejt u tkun kemm tkun komda barra, m'hemm xejn aħjar minn darek u pajjiżek stess.

Inti taf li jien Rabtija pura u anke r-raġel tiegħi. Meta kont żgħira, niftakarni kif kont nieħu ir-ruħ hekk kif nibda tiela' t-telgħa tas-Saqqaja, anke jekk fejn inkun mort inkun ħadt ħafna pjaċir. Moħħi, awtomatikament kien jgħidli, "Wasalt f'darek" u mingħajr ma nkun naf kif, kont nieħu nifs qawwi 'l ġewwa u ngħid "għall-erwieħ". Illum li għandi didgħa u sittin sena u ili ħames snin nieqsa minn Malta, l-istess tip ta' reazzjoni kelli, hekk kif it-'taxi' waslet lejn is-Saqqajja. Mhux talli hekk, imma din id-darba anke demgħa niżlitli. Imsaħtha malajr kemm jista' jkun għax stħajjilt lil żewġi jgħajjarni fidila. Tidħaqx bija, issa kont tassew 'home-sick'. In-nuqqas ta' pajjiżi, ir-Rabat innifsu u l-ambjent tal-madwar - kont qed inħoss wisq in-nuqqas tagħhom. Għall-mument, ħassejtni patrijotta mill-kbar. Ma nafx kif naqbad niddeskrivi, imma hekk, għalija r-Rabat qisu mhux post, qisu maħbub, qisu iben, qisu missier, qisu ħabib. Ir-Rabat għalija kollox. Huwa parti minni ; huwa l-identità tiegħi. Jagħmilni dak li jien. Kieku ma kontx Rabtija, wisq probabbli kien ikolli mentalità differenti, gosti differenti u perspettiva differenti. F'kelma waħda, ma kontx inkun dak li jien bħalissa.



Aħħ x'gost, hekk kif wasalna d-dar. Vera, lil binti Clara ser nimmisjaha daqs l-imġienen. U xi ngħidu għal Zayne u Dan, iż-żewġ prinċpijiet tiegħi? Anke żewġha Craig, tifel sew u mill-aħjar. Imma issa ma flaħtx. Ridt nirritorna lura, imqar għal ftit. U ġejt fl-aħħar tar-rebbiegħa, ħalli żgur ikolli iktar ħeġġa u ndur kemm niflaħ. Tassew nixtieq nirkupra xi ftit miż-żmien li tlift.

Jiena u żewġi Lino dħalna d-dar, għajjenin u mgħobbijin bil-bagalji. Minn dak il-ħin, dort dawra l-'appliances' li għandna. Kollox kien f'postu u nadif. Il-ġirien tagħna jiġu minn Lino. Fil-fatt, oħtu toqgħod ħdejna u kemm kien ilna neqsin, konna tlabnieha biex darba f'xahar tmur tittawwal u taħslilna. Kont nippreferi nħallas lilha milli indaħħal lil xi ħadd barrani. Lino għeni noħorġu ħafna imbarazz mill-bagalji u mill-ewwel tfajt xi ħwejjeġ għall-ħasil. Sadanittant, Lino intefa' ftit fuq is-sodda. Qal li ried jistrieħ ftit. Jiena għedtlu li dalwaqt kont sejra ħdejh, imma qabel ridt nitfa' xi affarijiet f'posthom. Hekk għamilt, imma qabel ma dħalt fil-kamra tas-sodda, ħassejt il-bżonn li nitla' ftit sa fuq il-bejt. Mort fuq in-naħa ta' wara tal-bejt biex nara l-veduta li tant kont inħobb meta kont nagħmel xi ħasla ħwejjeġ mill-kbar.



Ftaħt par għajnejn u dik il-veduta kienet bħall-ossiġnu għalija. Xi ġmiel dik il-kampanja! Dawk l-għelieqi mħaddrin! Xi nies kienu mexjin u mill-bogħod, kienu jidhru qishom nemel għaddejjin waqt il-ħidma. Rajt ukoll lill-Għar Barka, li għalkemm huwa post reżidenzjali ġewwa r-Rabat, hemm dar waħedha fil-bidu tat-telgħa, li lili minn dejjem kienet issaħħarni. Sa minn mindu kont ċkejkna, kont nistħajilha xi residenza rjali. Ma nafx għala, għalija minn dejjem kienet qisha xi kastell żgħir.



Lanqas biss kont naf, imma fuq wiċċċi kelli tbissima enormi li tasal minn widna s'oħra. Għamlet daqshekk bija d-distanza? Fl-istess ħin, bdejt inħossni qisni xi turista adoloxxenti li ġejt għall-avventura, lesta biex niskopri art ġdida. Sa dak il-ħin, ħassejt emozzjonijiet biżżejjed. Għalhekk ħsibt li aħjar mmur nistrieħ xi ftit fejn Lino, qabel ma jsir aktar ħin u jkun wasal iż-żmien biex inqumu. Kif intfajt fis-sodda, marret għajni bija mill-ewwel. Kont għejjejt u mnalla dħalt nistrieħ.

Saru l-erbgħa u Lino qam qabli. "Ter, qum ħi għax inkella llejla ma torqodx," qalli Lino bil-ħlewwa. Tmattart ftit u bilkemm flaħt niċċaqlaq. Ftaħt għajnejja u qomt bil-kwiet. "Trid belgħa tè?" staqsejt lil żewġi.



"Irrid, imma tagħmillix. Lesti, ħa mmorru sal-pjazza u xejn, xejn, noħroġ ftit il-karozza," wieġeb hu.


"Żgur li ma tridx nieħduh hawn?" staqsejtu jien.


"Le, le, imxi ħa mmorru. Xejn, xejn, forsi naraw lil xi ħadd u jagħrafna wkoll," tbissem Lino.


Aċċettajt u qomt. Ma kinitx idea ħażina. Ipparkja fl-għalqa ta' Kola u għaddejna nieħdu kafè u żewġ pastizzi kull wieħed. Ommi ma... għasel niżluli kemm kien ili ma nduqhom. Ara tassew li l-ikel Malti mhux xi bnin għas-saħħa, imma forsi għalhekk niġġennu għalih, għax m'hawnx itjeb minnu! Minn hemm imxejna sal-pjazza u sakemm wasalna, waqafna xi erba' darbiet. Iltqajna ma' nies differenti imma b'mod partikolari, nies Rabtin Rabtin. Jien ngħidilhom hekk għaliex nistħajjel li jekk ma ssemmix lilhom, qisek mhux qed issemmi r-raħal innifsu. Il-pjazza ma niftakarhiex hekk, imma sibna bank u poġġejna. Spiċċajna qisna l-mejda tal-qubbajd, kulħadd imdawwar magħna. Din ħaġa oħra li kont nħoss in-nuqqas tagħha fl-Ingilterra. Hemmhekk, ir-ritmu mgħaġġel tal-ħajja ma jħallihomx jissoċjalizzaw daqshekk lin-nies. U l-Ingliżi, mhux daqshekk storbjużi daqsna, lanqas. Malajr saru xis-sitta u nofs ta' filgħaxija u Lino qalli li fejn kien ilna barra, stajna nibqgħu naqra oħra u mmorru nieklu xi ħaġa mir-raħal stess.


Lino jħobb ħafna l-fniek u morna nieklu fenkata minn ħanut li kien u għadu ħafna għal qalb Lino. Ħadt ħafna gost fil-ħin li konna barra. Wara, tlaqna bil-kwiet id-dar. Irqadt ferħana u bl-iskop li filgħodu irrid nagħmel ħafna affarjiet oħra. Qomt kmieni, għamilt żewġ faċendiet u komplejt niżbarazza ftit. Wara ddeċidejt li mmur nixtri mingħand tal-merċa ta' ħdejna. Għalkemm kulħadd ikun għaddej bil-ġenn, in-nies dejjem isibu dik il-minuta biex isellmu jew jaqbdu konversazzjoni żgħira. Anzi ma tantx domt il-ħanut.



Kien għadhom l-għaxra ta' filgħodu. Lino kien qalli li ser joħroġ u jmur sal-każin t'isfel biex jieħu xi belgħa tè u forsi jsib xi żewġt iħbieb antiki biex jgħid kelmtejn. Kif kont qiegħda hemm waħdi, fettilli mmur mixja. Il-mixi minn dejjem kont inħobbu u apparti li jżommni attiva, jgħini nirrilassa. Qbadt il-basket u ħriġt. Għaddejt minn Ħal Bajjada. X'tifkiriet! Wasalt fejn in-niċċa ta' Santa Luċija u tbissimt. Meta kont għadni tfal, ġieli konna ngħaddu minn ħdejha u jien, ma nafx għaliex, kont nibża' minnha. Minn jaf min baqa' ħaj f'dawk id-djar? Bqajt miexja u wasalt fejn is-salib tad-dejma, qabel ma tidħol għal Sant'Agata. Hemm kont iżżewwiġt jien. Għadni niftakar qisu lbieraħ: jien ma' missieri neżlin minn dak il-passaġġ fjabesk biex niltaqa' ma' żewġi fuq l-artal. Żewġ passi oħra u rajt ħabib antik – San Katald. Dejjem wieqaf u jsellem b'idu. Ma jgħejjiex miskin. Isebħilna dik il-pjazzetta ta' quddiem il-kappella. Malajr kont fiċ-ċentru. San Pawl, il-parroċċa tagħna. Unika meta tara fil-faċċata xbieha ta' Ġesu'. Għaddejt minn quddiemha, minn ħdejn il-grada l-ħadra u tefa' ta' ġebla 'l bogħod rajt il-maħżen, iz-zuntier u l-kennierja. Min jaf kemm lgħabt tombla ma' ommi fuq iz-zuntier ta' San Pawl?



Kont mejta biex immur mixja sat-toroq ta' fejn Ta' Ġieżu. Kemm ġrejt f'dawk l-inħawi! Kemm-il qadja ġieli kelli 'l hemm? Dik hija waħda mill-aktar partijiet antika tar-Rabat. L-iktar parti li nħobb. It-toroq hemm iserpu u ħadt ir-ruħ għaliex kienu qed joffru dell naturali. Għaddejt minn Triq Santu Wistin u ġbidt lejn Triq Zondadari. Dak il-ħin għaddiet żiffa li tatni r-ruħ. Stħajjiltha tgħanniqa li wieħed jirċivieha hekk kif xi ħadd imur biex jilqgħu. F'dawk it-toroq, hekk kont qed inħossni: milqugħa, parti minnhom. Ħarist lejn is-sema l-blu li kien qed iservi ta' saqaf għat-triq. Xtaqt niffriża dak il-mument. Xtaqt inwaqqfu għaliex li kieku nista', nippreserva dik is-sensazzjoni ta' ferħ u ta' libertà.



Wasalt fejn il-kappella ta' San Bert. Għajnejha mill-ewwel bdew ifittxu mal-madwar. Niftakar li kien hemm niċċa fuq bieb ta' dar partikolari. Tirrapreżenta l-Aċċjomu. Hemm kienet, fejn niftakarha. Minn dejjem kelli d-drawwa li hekk kif ngħaddi minn quddiemha, ngħid talba qasira. Sakemm kont qed indur ma' ħafna toroq, ħadt ħafna ritratti fuq il-mowbajl. Issa irrid nibgħathom lil Zayne u lil Danny. Dawk imsieken għadhom qatt ma ġew Malta u rrid nurihom minn fejn ġejjin l-mamà tagħhom u n-nanniet.



Erġajt lura minn hemm u mort fejn il-Knisja ta' San Mark. Il-post fejn qiegħda l-knisja hemm ġnejna tal-ġenna. Niftakar lil ħija meta kien jieħu l-ż-żiemel biex ibierku nhar San Anton Abbati! Kif kont is-Saqqaja eżatt, iddeċidejt li nieħu nifs. M'għadnix ta' dsatax issa. Sibt bank hemm u poġġejt bilqiegħda, għall-kwiet, waħdi, mingħajr ħadd ma jtellifni. Kont jiena biss u t-tifkiriet kollha li ġabarli l-imħabba tiegħi, ir-Rabat. Hekk hu. Ħassejtni rajt film jew album ritratti li ġabni f'sensija u li mingħajr sforz ta' xejn reġa' tani lura parti mill-identità tiegħi.



F'darba waħda biss, djarju tiegħi, ktibtlek ħafna. Imma int paċenzjuż iktar minn kull bniedem li qatt jista' jeżisti. Inti tisma' kollox mingħajr ma tmaqdar u tiġġudika. Qatt ma għamilt hekk kemm ili nikteb, imma llum ser nagħlaq il-ġurnal permezz ta' poeżija tiegħi, f'ġieh ir-Rabat:



(Eloġju lil raħal twelidi)

"Ħaġra prezzjuża, magħrufa u tleqq" –

hekk jafuk ħafna minn nies

u ħa ngħidlek tassew jixraqlek,

għaliex għandek ġmiel bla qies.

Int fost l-eqdem irħula f'Malta,

mimli storja u mżejjen sew

Ilqajt lil San Pawl fi ħdanek,

fidi u saħħa hu awguralek.

Kemm Maltin jitilgħu jarawk

biex f'ġurnata jgawduk.

Inti l-aqwa ġewwa Malta

dejjem imfittex u jriduk.

Nies kbar u ħafna artisti,

rajt jitwieldu ġewwa fik,

fosthom Kilin u Anton Agius

u persunaġġi oħra hemm bil-ġzuz.

Jien kburija li jien Rabtija

li rabbejtni mit-twelid,

Indur kemm indur f'Malta,

bħalek jien qatt mhu se nsib !


Il-lejl it-Tajjeb! Inkellmek għada,


Tessie


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

コメント


bottom of page