Il-livell tal-Malti fl-eżamijiet taċ-Ċes u aħna
- Tiziana Borg
- Jun 22, 2016
- 5 min read

Examiners warn of students' 'very mediocre' Maltese - Agħfsu fuq it-titlu ta' dan l-artiklu li deher fuq it-Times on-lajn nhar it-Tnejn 20 ta' Ġunju 2016
Kumment personali dwar dan l-artiklu:
Il-fatt li jiena persuna li għandi għal qalbi l-edukazzjoni u li fuq kollox, inħobb il-lingwi, b'mod speċjali l-Malti, dan l-artiklu ppreżentat mill-gazzetta tat-Times, żgur kapaċi jservi ta' spunt sabiex wieħed jiftaħ aktar dwar argument daqshekk importanti.
Kif jgħid is-Sur Borg fl-artiklu, huwa ta' pjaċir li tinnota li 67% tal-istudenti ġabu grad tajjeb fis-suġġett. Ma ninsewx illi l-Malti huwa l-lingwa nazzjonali tagħna u ma nistax nimmaġina kif jekk ma jkollniex "livell diċenti" f'ilsienna stess, kif nistgħu mmexxu f'lingwi oħra.
L-isfortuna hi, li l-ħakma ta' lingwa saret problema komuni u mhux fil-Malti biss. Madanakollu, jekk nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq il-Malti, nintebħu li d-diffikultajiet huma kemmxejn akbar. Bla dubju, il-qari huwa l-aħjar mediċina għal kull tip ta' nuqqas li student jista' jħoss kemm waqt li qed jikteb il-lingwa, kif ukoll waqt li qed jesprimi ruħu bżmod orali. Mill-esperjenza tiegħi ta' għalliema, ninnota li hawn min iħobb jaqra bil-Malti, imma fil-verità, il-kotba bil-lingwa tagħna kultant, mhux popolari mal-adolexxenti u lanqas maż-żgħar.
Biex l-adolexxenti li jaslu għall-eżamijiet taċ-Ċes ikunu kunfidenti jew tal-anqas, preparati għall-eżami tal-Malti, it-taħriġ intensiv fil-qari tal-Malti għandu jibda mill-iskejjel primarji. Xi tfal jgħidu li bil-Malti ma jħobbux jaqraw. Mill-banda l-oħra, ġieli rajt tfal żgħar li kienu jaqraw ħafna bil-Malti u kont nitħassarhom meta jgħiduli li ma kinux jafu liema ktieb ser jisselfu. Dan għaliex tlett kwarti mill-kotba jkunu diġa' qrawhom u ma jibqalhomx minn fejn ikomplu jagħżlu qari adatt għall-età tagħhom.
Il-kotba qatt m'huma biżżejjed. Ikun hawn kemm ikun hawn, il-kotba huma teżor dejjiemi, li jista' jibqa' jiġi sfruttat b'mod pożittiv minn qarrejja differenti. Il-ħsara lil-lingwa tagħna ssir minna stess, li nużaw il-lingwa tagħna kif ġie ġie, kemm ninqdew u ejja ħa mmorru. Kemm nisma' kbar u żgħar li ma jkunux jafu tifsira ta' xi kelma Maltija, li ma tkunx daqshekk stramba fuq kollox? Kemm nitgħażnu u noħolqu kliem astratt u ġdid sempliċiment minn lingwa oħra?
Ħaġa li tiritani immens hija meta jkun hemm xi proxxmu li jiddeskrivi l-lingwa Maltija b'termini ħorox bħal: "il-Malti tgħaffiġa waħda minn kliem Ingliż u Taljan." Ninnota wkoll li dan it-tip ta' kliem jingħad b'ċertu sens dispreġġjattiv. Għaliex ma napprezzawx il-lingwa tagħna? Għaliex inħarsu bl-ikrah lejha? Għaliex ma ninnutawx li għandna nies kapaċi joħolqu opri letterarji mill-isbaħ u li jħabbtuha mal-barranin? Għaliex il-barranin qishom allat u aħna m'aħna xejn? Hija tal-mistħija meta kultant tisma' lil min jitkellem bl-Ingliż imma imbagħad lanqas biċċa frażi bil-Malti mhu kapaċi jgħid!
Hemm spunti oħra li l-artiklu ġegħelni nħoss il-bżonn li nikteb dwaru: il-punteġġjatura. Kelma li għat-tfal tinstema' bombastika u li ħafna drabi jistħajluha xi annimal pre-istoriku hekk kif tkellimhom dwarha. L-importanza tal-punteġġjatura għandha tiġi rripetuta b'mod kontinwu. Mhux faċli li trawwem fit-tfal il-vizzju li jirrevedu xi sentenza biex jiċċekkjaw jew iżidu l-punti tal-punteġġjatura. Inħoss li wieħed mill-metodi ta' kif wieħed jista' jiġġieled lil din il-'marda', hija billi t-tfal jiġu mħeġġa jaqraw jgħajtu meta jkunu weħidhom u mhux ġol-klassi. Huwa tajjeb li wieħed jisma' lilu nnifsu jaqra. Huwa permezz t'hekk li l-intonazzjoni tal-qarrej, tindikalu jekk hux qed jaqra bis-sens. Hekk kif l-istudent jidhra jisma' lilu nnifsu, nemmen li jkun kapaċi jadatta l-istess regola anke meta jkun qed jikteb huwa stess. Tkun prattika tajba li t-tfal nismigħuhom jaqraw weħidhom, imqar għaxar minuti kuljum.
Rigward it-tip ta' lingwaġġ, dak informali u dak formali, nemmen li dan tal-aħħar daqt jintrema. Fis-soċjeta' ta' kif inhi llum u l-effetti tal-mezzi ta' komunikazzjoni, bla dubju li kulħadd qed jinfluwenza ruħu liema tip ta' reġistru għandu juża. Tant saret faċli li tkellem lil kulħadd, saħansitra anke lill-Prim ministru, illi t-tfal b'mod speċjali, jużaw lingwaġġ informali. Bħalma nimmaġina li jsir minn ħafna għalliema, illum il-ġurnata għandna l-ħin kollu nkomplu nisħqu fuq id-differenza bejn il-lingwa formali u informali. Mhux kull ma jingħad bil-fomm huwa sewwa li jinkiteb, speċjalment f'kuntest formali. Rigward xi varjanti tad-djalett, personalment, ma ddejjaqnix daqshekk. Nippreferi student li jikteb 'lużar' milli nara xi kelma bħal 'nipplejtja' jew 'waqgħu fl-imħabba'. L-uniku aspett li jagħtini ftit fastidju huwa meta t-tfal ġieli rajthom jużaw in-negattiv. Jiktbu bħal ngħidu aħna 'ma ħareġx' u mhux 'ma ħariġx'. Kont ninduna li ħafna minnhom kienu jiktbu hekk, mhux għax jużaw id-djalett fil-ħajja ta' kuljum imma sempliċiment għax jitfixklu u jżidu 'x' biss mal-mamma tal-verb skont ir-regola u jieqfu hemm.
Il-lingwaġġ medjokri? Mingħajr ma nkompli nżid punti ripettitivi, jiġuni f'moħħi l-idjomi u l-qwiel. Min jaf kemm smajna jew kemm ngħidulhom lit-tfal: "Uża espressjonijiet differenti, għax dawk itellgħu l-punti!" Imma jagħmel sens dan kollu, meta ħafna mill-kbar lanqas biss jagħtu kas? Aħna l-adulti stess ma nużawhomx u bilkemm ma nistħux jekk nagħmlu dan. Jekk it-tfal ma jisimgħuhomx fuq bażi ġenerali, kif jistgħu jużawhom f'xi komponiment? Fuq kollox il-kitba tieħu l-ħajja mil-lingwa mitkellma. Għalhekk, huwa importanti li l-istudenti nħalluhom jaqraw kotba differenti u jagħmluha anke ma' nies avanzati fl-età. Ejja nqanqlu kurżita' fiż-żgħar tagħna, ejja nħeġġuhom japprezzaw dak kollu li jagħmel parti mill-kultura Maltija!
Il-grammatika. Anke jekk jiena għalliema li ggradwajt fl-2011 u tgħallimt jien stess, li lit-tfal ma tridx tifqgħalhom moħħhom b'termini tqal tal-grammatika, imma għandhom jitgħallmu kollox mill-kuntest, ma jistax ikun li ma nisħqux fuq l-importanza tagħha. Nemmen ukoll li t-tfal għandhom jirċievu mqar frazzjoni mil-lezzjoni li tkun aktar formali dwar il-grammatika. Għaliex m'għandhomx ikunu jafu x'inhu verb meta jkollhomm ħdax-il sena jew ħmistax? Kif xi drabi nagħtuhom r-riħ u nħalluhom jużaw xi plural imfarrak? Iva, għandna nikkoreġu lil dak li jkun, anke oralment. Huwa aċċettabli li nibqgħu passivi jekk nisimgħu lil xi ħadd jgħid 'ġismijiet'? Nixtieq inżid ukoll, li fil-primarja s-sillabu marbut mal-grammatika huwa infinit imma mbagħad fuq kollox, wara daqs dak xogħol, joħorġu xi mistoqsija jew tnejn diretti fuq il-grammatika. Biec tkompli tgħaqad, it-tfal jaraw li ma fihomx daqshekk marki u mill-inqas iħabblu rashom jekk ġabux r-risposta ħażina. Ħanbaq miss! Sadanittant, it-tfal ikomplu jiktbu kif iridu.
Huwa ta' qsim il-qalb, hekk xħin tiftakar kemm it-tfal tas-seklu 21 huma esposti għal ħafna lingwi differenti b'mod kontinwu, 24 siegħa fuq 24 u tintebaħ li l-kompetenzi fil-lingwi għadhom mal-art. F'kelma waħda, għandna ħafna u m'għandna xejn. Qabel, forsi konna nitgħallmu t-Taljan mit-televixin, imma t-tfal tal-lum, la jafu bit-Taljan, la bl-lingwa oħra u jfarrku kemm il-Malti u kemm l-Ingliż.
Pass 'il quddiem jista' jsir biss, jekk aħna bħala soċjeta' nidentifikaw l-importanza li individwu għandu dejjem jaħdem biex ikollu kompetenza tajba fil-lingwi speċjalment f'dawk bażiċi u uffiċjali, anke jekk l-interessi ta' dik il-persuna jxeqilbu l-aktar fis-suġġetti xjentifiċi. Irridu nkunu konxji, li jkun xi jkun l-interess tagħna, il-lingwa li nużaw għandha tkun ta' livell tajjeb, kemm jekk jitkellmu u kemm jekk niktbu. Ma nistax nippreżentaw ruħna fuq post tax-xogħol mingħajr ma nafu niktbu sew imqar kemm ninqdew. Fuq kollox, għandna napprezzaw il-Malti, li minkejja li gżiritna hija biċċa ta' tikka f'nofs il-Mediterran, għandha l-lingwa sabiħa immens u mimlija rikkezzi.
TMIEM
Kommentare