It-tfajla u l-kuntistabbli
- TIZIANA BORG
- Jun 16, 2016
- 7 min read
Ilu sitt xhur issa li laħaq kuntistabbli. Għalkemm kellu xi ftit ħinijiet twal, kien sodisfatt li kien għamel dak il-pass. Minn meta kien ċkejken, kien ilu jgħid li jixtieq jidħol fil-korp tal-Pulizija. Issa li rnexxielu, seta jħares 'il quddiem b'mod aktar pożittiv.
Trevor għandu 28 sena. Fuq il-lant tax-xogħol dara sew u għamel anke ħbieb ġodda. Għalkemm żagħżugħ, l-ikbar uġigħ ta' ras li jkollu, huwa meta jkun xogħol Paceville. L-ewwelnett, il-problemi f'Paceville kienu jfaqqsu mingħajr ma taf kif. It-tieni, hemm differenza li tkun hemm bħala żagħżugħ milli tkun fuq xogħol bħala pulizija.
Is-Sibt. Jmissu xogħol Paceville ma' sieħbu Robert. Ta' fuqhom talabhom biex joqogħdu qrib stabbiliment ta' divertiment partikolari. Mid-dehra, qed ikun hemm xi taħwid nobis u xtaq li l-post jkun imħares sew. Kemm Trevor u kemm Robert, ingħataw struzzjonijiet ċari ta' kif għandhom jimxu hekk kif jaraw l-iċken ħaġa li mhix tas-soltu. L-istabbilment jinsab fil-qalba ta' Paceville u tista' tgħid li huwa l-Mekka taż-żgħażagħ, għax dejjem imbullat bin-nies.
Minkejja s-suspetti li kellhom bħala pulizija u għajnejhom kienu miftuħin beraħ qishom dawk ta' isqra, dak il-lejl kien pjuttost kalm u ma kien hemm l-ebda moviment li wassalhom biex togħkorhom għajnejhom minnu. Waqt li kienu weqfin, għassa ma' kull naħa tal-bieb tal-istabbilliment, daħlu ħafna klikkek ta' ġuvintur u tfajliet. Madanakollu, kienet tfajla ta' madwar tmintax-il sena li lil Trevor ġibditlu l-attenzjoni. Anke jekk kienet liebsa b'mod kemmxejn provakanti, aktar milli l-ilbies, wiċċha u l-figura li kellha kienu bil-wisq sbieħ biex ma tħarisx lejhom.
Attiratu mal-ewwel daqqa t'għajn u baqa' xi ftit konfuż kif tfajla pjuttost żgħira, bi flokk qasir, dublett daqs naqra u żarbun qisu xi kantun, kienet dieħla fi stabbiliment bħal dak, sula, sula. Xagħarha kien lewn il-qamħ, għajnejha żoroq, xofftejha imlaħħmin sew miżbugħin ħomor u il-figura tagħha kienet mimlija sew fil-punt fejn suppost. Anke jekk kienet ħelwa u tarmi l-ġmiel, Trevor induna li sa ċertu punt ma kinitx sewwa għal kollox. Bdiet tidher li xi ftit jew wisq kienet imżellġa.
It-tfajla ma daħlitx fuq in-naħa ta' ġewwa tal-istabbiliment, imma qagħdet pjuttost lejn in-naħa ta' barra. Għaldaqstant, hekk kif beda jdawwar wiċċu, kien qed jara sew x'qiegħda tagħmel. Sewwa ħaseb, it-tfajla kienet xi ftit imlaħalha u ħatfet l-okkażjoni biex tkompli tixrob. Bdiet tordna 'drink' wara ieħor u ġieli kien hemm xi ġuvni jew tnejn li bdew joffrulha xi 'drinks' huma wkoll. Donnha kienet ħalfet li ssir għoqda. Ħin minnhom, resaq lejha ġuvni ta' madwar tletin sena. Kien barrani għax deher li ma kellux xeħta ta' Malti. Offrielha 'drink' imma ftit wara qisu bħal beda jintefa' fuqha. Beda jipprova jbusha imma hi ma riditx. Ippruvat turi reżistenza, imma x-xorb li kien daħal sew f'ġisimha u għalhekk ma kellux wisq saħħa jimbotta lura raġel mibni li kien fih xi pulzier ieħor tul minnha.
Minflok ċeda, ir-raġel baqa' jinsisti u kien diġà ser jibda jmesimsilha saqajha. Keċċietu, bdiet tgħidlu jħalliha, imma hu ma tanx kien moħħu f'li qed tgħid. Litteralment, kien qisu bħal lupu lest biex jattakka ċerva bil-ġuħ li kellu. Fid-daqqa u l-ħin fajjritlu daqqa ta' ħarta. Ma kinitx daqqa li tatu fuq wiċċu, għaliex dak il-ħin sar qisu bestja. Qabadha mill-polz ta' jdejha u kien ser idawwrilha waħda minnhom. Dak il-mument, Trevor ma setax jibqa' jħares, inkella l-affari kienet ser tkompli tikber... Kif kien dieħel fl-istabbiliment, għamel sinjal lill-sieħbu biex ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin.
Lill-barrani rnexxielhom jaqilgħuh minn fejn kien u Robert ħarġu 'l barra. Trevor talab lit-tfajla toħroġ ukoll sabiex ikun jista' jkellimha. Fid-dawl tat-triq, ma kien jidher li għamlilha l-ebda ħsara u għalhekk ma kienx hemm lok li jsiru xi rapporti. Lill-ġuvni talbuh biex jitlaq mill-istabbiliment u għal dak il-lejl stess seta' jinsa li jerġa' jipprova jidħol. It-tfajla kienet għadha barra, isserraħ mal-ħajt għaliex lanqas felħet iżomm fuq saqajha.
"Isem, sinjorina," qalilha Trevor. Hi baqgħet tiċċassa. "X'jismek sinjorina?" reġa' Trevor.
"Ilona... Ilona Farrugia," qalet it-tfalja. "Jaqaw 'police', beħsiebek tarrestani? Ha.. hahahha.." kompliet hi. Lanqas biss kienet taf x'qed tgħid.
"Naħseb aħjar tinġabar ġewwa darek milli tidħak," qalilha Trevor b'ton xi ftit iritat. "Waħdek qiegħda?" staqsieha hu.
"Yes, sir. Waħdi waħdi, iva waaaħdi....haha. Għax telaqni u allura waħdi!" kompliet hi.
"Trid 'drink' police? Jien ħa nieħu ieħor, ħalli ninsa. Nin...sa K-O-L-L-O-X!!!" qalet Ilona.
"Xrobt ħafna u dħalt f'inkwiet biżżejjed għal-lejla! Mur inġabar," ordnalha Trevor.
Trevor ħaseb li kienet ser ittih xi kedda, imma minflok irrispondietu, infaqgħet tibki. Inħasad. "Ara vera għoqda qiegħda din," qal Trevor, bejnu u bejn ruħu. "Xi ġralek?" staqsieha.
"Ma..... ma... ma....nafx kif ser immur id-dar," qaltlu hi waqt li kompliet tolfoq u tħabbat fuq wiċċha.
"Kollox sew, kollox sew. Biżżejjed issa," ipprova jikkalmaha Trevor.
Kien dak il-ħin li ġie ħdejh sieħbu Robert. Fi ftit kliem qallu x'kienet qed tgħidlu Ilona u qallu wkoll li ma kinitx fi stat li tmur id-dar waħedha. Qallu wkoll li wisq probabli kienet fiċ-ċans li taqla' xi 'trouble' ikbar. Għal dakinhar, Trevor kien għad baqgħalu nofssiegħa biex jispiċċa d-duty tiegħu. Qal il-ħsieb li kellu lil Robert, u għalkemm kemmex ħalqu, qallu, "Agħmel inti. M'intix vavu. Oqgħod attent imma, ma tmurx tiġi fi xkora inkwiet."
"Ħalli f'idi," wieġbu sieħbu. "Inti, ejja miegħi, ser inwasslek id-dar. Fejn toqgħod?" staqsieha l-kuntistabbli.
"Ma niftakarx," qaltlu Ilona. "Emmini, ma nistax niftakar," kompliet tnewwaħ hi.
Trevor emminha. Ma jafx kif kienet għadha qed iżżomm bil-wieqfa bis-sakra li kellha fuqha. "Għandek karta tal-identità fuqek?" qalilha. "Iva, Iva, hawn qiegħda ara," u ħarġitha mill-basket iż-żgħir li kellha mdendel magħha. "Tmintax-il sena. Ilona Farrugia. 66, Triq San Tumas, Mosta," qara Trevor. "Għandi idea tat-triq. Mingħalija xi triq wara dik ta' sieħbi Jerry. M'għandux ikolli diffikultà," beda jaħseb waħdu. "Tlaqna Sinjorina," qalilha Trevor. Żammha ftit minn idha u fi żmien ħames minuti kienu fi triqithom lejn il-Mosta. Fil-karozza, Ilona neżgħet iż-żarbun, ħallet buttuna minn tal-qmis u inxteħtet kif ġie ġie, dahrha mas-seat. Lanqas laħqet għamlet hekk, li ma raqditx. It-triq kollha ma tħarkitx.
Trevor ma damx ma siebha t-triq. U wara li beda jara n-numri ma' kull bieb, sab tagħha wkoll. Niżel iħabbat l-ewwel u ma wieġbu ħadd. Mid-dehra, it-tfajla kienet tgħix waħedha. Fuq il-kaxxa tal-ittri, isimha biss kien hemm: Sa. I. Farrugia. "Tajjeb ukoll," ħaseb Trevor. X' kien ġralha din it-tfajla biex iddeċidiet li dak il-lejl titbaħrat daqshekk? Kieku ma kienx hemm hu, x'kien ser jiġrilha? Fil-kundizzjoni li kienet, xi ħadd kien ser iwaqqafha żgur u Alla biss jaf kif kienet tasal id-dar... jekk kienet tasal! Daħal fil-karozza u talabha l-basket. Fittxilha iċ-ċwievet tad-dar u b'xorti tajba, sabhom. Ħariġha mill-karozza, fetaħ il-bieb u daħħalha ġewwa. Instabtet mill-ewwel fuq is-sufan. Fl-aħħar kienet waslet f'darha, 'il bogħod mill-periklu. Tfielha d-dawl, għalaq il-bieb warajh u erħiela lejn id-dar.
Anke hu raqad mill-ewwel hekk kif intefa' fuq is-sodda. Miss mal-imħadda u minn dak il-ħin, raqad fil-fond, beda joħlom u l-għada ħassha iebsa biex iqum. Għamel lejl joħlom biha, b'Ilona. Ħolom li kienet qisha prinċipessa u li kulħadd irid ikellimha. Imma hi ma kienet kellmet lil ħadd fil-ħolma, ħlief lilu. Wara, raha riesqa lejh u bisitu fuq xofftejh. "Grazzi talli salvajtni. Int l-eroj tiegħi!" Dik il-ħolma kienet sabiħa u kif ftakar fiha, tbissem, għax Ilona kienet għoġbitu tassew. Dnub imma, li l-lejl ta' qabel din Ilona kienet kollox barra prinċipessa. Min jaf qamitx dalgħodu? Min jaf kinitx ġiet f'sensiha? X'kellha?
Dik l-għodwa kien frank minn kollox. Kien għalhekk li ddeċieda li jieħu l-kolazzjon u wara jmur sal-Mosta biex jara kif kienet baqgħet dik in-nofs ras. Ħassu ħati li ser imur jara kif kienet. Bħala pulizija, idealment, ma jkomplix sejjer biha, anke jekk ma kien qiegħed jagħmel xejn ħażin. Fi ftit minuti wasal fejn id-dar tagħha. Daqq il-qampiena u stenna hemm sakemm titfaċċa. Dam jistenna ftit u hekk kif ħa jdawwar denbu biex jitlaq, sema' l-bieb jinfetaħ. Hemm kienet hi. Xagħarha qamħet-il lewn maħlul, kemm kemm innukklat. Kienet liebsa xorz qasir tal-jeans u qmis iċċangjata ħamra bl-iswed. F'saqajha kellha papoċċ tas-sodda, minn dawk tal-Me to you. Dik l-għodwa kienet tidher aktar li kienet żgħira, mhux bħal lejl ta' qabel.
"Tal-anqas, jidher li qamet tinħasel jew tbiddel," ħaseb hu waħdu.
"Bonġu Sinjorina Farrugia," qal Trevor. "Ġejt nara jekk ġejtx f'tiegħek u jekk intix kollox sew?" kompla huwa.
Ħakket ftit rasha u ħarset lejh. Wara mumenti qosra ħafna, moħħha kklikkja u ndunat min kien.
"Skużani tal-bieraħ u grazzi talli kont tant ġentili li ħadt ħsiebi u wassaltni. Tidħol tieħu kafe?"
"Aħjar le... naħseb," wieġeb Trevor konbtra qalbu.
"Jekk m'għandekx għaġġla, tista' tidħol. L-inqas ħaġa li nista' noffrilek sabiex nirringrazzjak tal-bieraħ," qaltlu hi kollha ħlewwa.
Mill-mod kif laqgħetu u bil-ħlewwa tagħha, kienet ġibditu aktar u aktar mil-lejl ta' qabel. Dak il-ħin ma setax jirrifjuta l-invit tagħha. Daħal ġewwa u lestietlu belgħa te u għamlitlu anke sendwiċċ. Mingħajr ma jafu kif, intilfu f'konversazzjoni fit-tul u qabdu temi differenti. Għall-mod kif tkellmet, kienet tidher ħafna matura. Sar jaf ukoll li taħdem f'kumpanija tal-familja, fejn l-irwol tagħha kien pjuttost importanti. Trevor ma setax ma jistaqshiex mistoqsija li kienet dari ttambar ġewwa moħħu.
"Skużani jekk ser nistaqsik, imma ma nistax ma ngħidlekx. Ilbieraħ ma urejtx dan is-sens kollu. X' ġaralek biex donnok sibt refuġju fix-xorb?
"Marelli. Jaqaw paċpaċt iżżejjed? Għidt xi ħaġa?" staqsiet imwerwra hi.
"Le. Għedt biss li telqek. Imma ma nafx kif u x'fatta u min?" qal Trevor.
"X'kisra ! Iva. Kien ili f'relazzjoni għal dawn l-aħħar sentejn u hu, Mike, telgħaqni... Kont inħobbu ħafna. Ħadtha bi kbira u lbieraħ ħassejt li kelli niżvoga u li għal darba ma nkunx sewwa bħalma dejjem kont nisħaq li kelli nkun. Imma llum irrealizzat, illi kieku ma kontx inti, kont nispiċċa ħażin u żgur li kont immur mit-taġen għal ġon-nar," spjegat Ilona.
Sewwa kien issuspetta. Kien ħasra li tfajla bħal dik, irriskjat li tidħol f'xi basla minħabba għarus li mid-dehra, ma kienx iħobbha tassew. Intilef iħares f'għajnejha u għall-frazzjoni ta' minuta xtaq li jbusha. Xtaq li hu jkun il-ġdid tagħha. Vera li kienet iżgħar minnu xi għaxar snin, imma kienet ħelwa, simpatika u intelliġenti. Sakemm daħlet sal-kamra tal-banju, kien qiegħed jaħseb dan kollu, imma fl-istess ħin ma riedx jibni kastelli fl-arja. Kien ilu 'single' issa u fejn ilu, jista' jistenna naqra oħra.
Imma malajr reġa' lura minn kelmtu. Kif ħarġet u reġgħu tkellmu ftit, fil-pront staqsietu, "Trevor, min jaf jekk tridx noħorġu jien u int, illejla? Naf b'restorant fil-qrib, kwiet u mhux għali. Tal-inqas nsiru nafu lil xulxin u jien nipprova nneħħilek l-impressjoni ħażina li tajtek ilbieraħ. L-ikla fuqi, għaliex għandi d-dejn miegħek. Salvajtni u ġegħeltni nirrealizza ħafna affarijiet. Nitolbok, aċċetta," qaltlu hi.
Għal Trevor kienet l-ewwel darba li ġie mistieden minn tfajla u mhux bil-kontra. Mill-ftit li kien kellimha dik l-għodwa, kienet tidher li ma tiddejjaqx tistaqsi għal dak li tkun trid. Ħsiebu darlu bħal pinnur. Kellu jħallieha taħrab tfajla bħal dik? Le, żgur li le.
"Naċċetta, imma niġi biss, jekk tħallini nħallas jien," tbissem hu u jitkellem.

1765 kelma
Commentaires