top of page
Search

Dejà-Vu

  • TIZIANA BORG
  • Jun 16, 2016
  • 3 min read

Inbidel mil-lejl għal nhar. Filli kien jixroblok is-sentimenti ta' moħħok xħin ittih is-siegħa, filli issa lanqas jiftaħ ħalqu biex imqar jesprimi dak li għandu bżonn m'għandu aptit. Ommu ħasset li kien naturali sakemm jgħaddu l-effetti li ħalla warajh l-inċident ikrah li ra quddiem għajnejh fil-bidu ta' dik il-ġimgħa stess. Imma għall-ewwel ġimgħa għalqet għajnejha, waqt it-tieni wkoll, imma issa t-tifel kien baqa' sejjer biha. Hemm xi ħaġa iktar minn dak li qed jidher u ħasset li l-problema riedet tiġi indirizzata. Qatt ma kienet li Ethan ikun daqshekk fommu sieket u bla inizzjattiva bħalma qed ikun dawn l-aħħar jiem. Rat kif għamlet biex tipprova tagħmillu appuntament mill-aktar fis għand il-psikologa.


L-inċident li donnu kien bela' lsien Ethan, seħħ it-Tnejn, 3 ta' Ġunju. It-tifel beda n-nofs ta' nhari u wara li kien jiġi mill-iskola, ommu kienet tagħtih jiekol, iddaħħlu jistrieħ ftit u ġeneralment, wara li jkun għamel il-homework, kienet tħallih joħroġ bir-rota għall-ħabta ta' xis-sitta. Ethan kien jiltaqa' ma' Omar, il-ġar tiegħu, isuqu ftit ir-rota tagħhom. Wara, kienu jintasbu fil-ġnien ta' faċċata ta' darhom biex jilagħbu ftit ballun u jiġru wara xulxin. Ethan u Omar kienu ħbieb kbar. Anke jekk ma kinux fl-istess klassi, dejjem kont tarahom flimkien. Ethan kien iħobbu wisq lil Omar. Mhux biss għax kien ħabib tiegħu, imma għax kien jistħajlu qisu ħuh peress li hu oħtu biss kellu.


Dakinhar tal-inċident, iltaqgħu bħas-soltu u marru bir-roti. Ma damux wisq u marru b'ġirja ġewwa l-ġnien. Bdew jilagħbu u jiġru sakemm fid-daqqa u l-ħin, lasta li kienet imwaħħla mal-art, mingħajr ma jafu kif, inqalgħet. Qribha kien hemm Omar għaliex Ethan kien qiegħed 'il bogħod biex ikun jista' jixħitlu l-ballun tagħhom. Din il-lasta, għalkemm ma kinitx daqshekk goffa, waqgħet fuq Omar, hu inqaleb u laqtgħet sew lit-tifel. Il-lasta ġiet fuq saqajh. It-tifel infaqa' jibki u beda jokrob bl-uġigħ li kellu. Ethan dak il-ħin ipparalizza ruħu, inħasad u lanqas biss felaħ jiċċaqlaq. Ippanikkja, ma kienx jaf x'ser jagħmel. Mar id-dar għand ommu u qalilha b'kollox. Ommu ċemplet lil Grace, omm Omar, u ħaduh l-isptar.


Kien minn dak il-jum, li Ethan bela' lsienu. Iċċassa u lanqas beda jitħajjar jiċċaqlaq. Kompla sewwed qalbu hekk kif sar jaf li biex ifiq tajjeb Omar, ried jgħaddi xi żmien fuq siġġu tar-roti u jmur ukoll għal xi fiżjoterapija. Wara li għaddew numru sew ta' jiem, omm Ethan kienet tistaqsih xi ġralu u tipprova teħodlu minn rasu, imma kien kollu għal xejn. Kienet taf li ħadha bi kbira ta' Omar għaliex hu kien l-aqwa ħabib tiegħu. Imma issa, ikkonfermat li kien hemm aktar minn hekk.


Fl-aħħar... it-tifel ħareġ mingħand il-psikologa. Ħallsitha u ftehmu li kellhom jiltaqgħu darb' oħra biex tkellimha ftit fuq it-tifel. Dan għamluh biex lilu ma jagħtuhx fil-għajn. Meta kien wasal il-jum li jiltaqgħu, Anna, omm Ethan, kienet fuq ix-xwiek biex tkun taf x'ser tgħidilha.


"X'għandu t-tifel, jekk jogħġbok?" staqsiet Anna.


"Bażikament, kif konna qed naħsbu, is-sors ta' kollox huwa l-inċident. Imma aktar milli l-inċident innifsu, huma s-sentimenti tiegħu dwar dan il-każ li lil Ethan qed ikkiduh. It-tifel qal li l-lejl ta' qabel l-inċident, kellu ħolma kerha. Fil-ħolma ra li kien il-ġnien jilgħab ma' Omar. Ra ukoll il-lasta li waqgħet fuq sieħbu u anke li Omar weġġa' siequ. Dakinhar tal-inċident, Ethan qal li ġara kollox bl-eżatt bħalma kien ra fil-ħolma tal-lejl ta' qabel. Saħansitra l-ħwejjeġ li kellhom fil-ħolma kienu l-istess bħalma libsu f'dak il-jum. Hekk kif ra l-lasta bdiet nieżla, reġa' ra dik ix-xena tal-ħolma imma ma sab l-ebda saħħa jgħajjat lil sieħbu biex jiġri kemm jiflaħ. Qal li tant kien ixxokkjat, li għal ftit sekondi marritlu l-vuċi u ma ħassux li seta' jiċċaqlaq," qalet il-psikologa.


"Kienet daqshekk trawmatizzanti għalih?" staqsiet l-omm.


"Iva, għaliex minbarra hekk, it-tifel qed iħoss bħal sens ta' ħtija qawwi. Stqarr li hu kien jaf x'ser jiġri u minflok, m'għamel xejn biex dan kollu jevitah. Dik is-sensazzjoni li ħassu m' għamel xejn biex jgħin minn qabel, qiegħda teqirdu," kompliet il-psikologa.


"Għal Ethan, dan kien bħal dejà-vu. Mal-mument li reġa' ra kollox quddiem għajnejh b'sens daqshekk familjari, it-tifel beża' b'tali mod li dawn il-ġimagħtejn, ingħalaq fih innifsu," żiedet il-psikologa.


"Ifiq imma?" qalet l-omm.


"U mela. Issa jrid jiġi għal sessjoni oħra fejn nispjegalu sew ta' kif għandu jieħu xi ħaġa bħal din. Fi ftit jiem, m'għandux għaliex ma joħroġx minnha," temmet il-professjonista.


TMIEM

703 kelma

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page