Il-messaġġ tan-nanna
- Tiziana Borg
- Jun 13, 2016
- 5 min read

Jien kont rigal tal-gradwazzjoni. Miniex sempliċi rigal, imma rigal speċjali, importanti. Ingħatajt bi skop speċifiku u mhux biex inferraħ għal ftit sekondi lil min kien se jirċevini u daqshekk. Ippermettuli nispjega aktar, għax forsi għalissa għadkom ma fihmtu xejn. Ħudu paċenzja bija, imma jekk tkunu tafu l-istorja tiegħi, forsi jirnexxilkom taraw l-affarijiet minn perspettiva differenti.
Ġejt magħmula minn waħda mill-aqwa fabbriki ġewwa l-Ġermanja. Id-ditta tiegħi mhux ser ngħidhielkom għax ma rridx nagħmel reklami, mhux dak hu l-iskop. Wasalt Malta xi sentejn ilu u kont lesta għall-bejgħ ġewwa ħanut sofistikat li jinsab il-Belt Valletta. Għadni niftakar l-ewwel jum tiegħi ġewwa l-ħanut. Is-sid iridha ftit, imma jaf imur mal-klijenti. Li jagħti prodott tajjeb lill-konsumatur, għalih, mhux biss huwa dmir imma wkoll pass neċessarju biex iħossu sodisfatt li lill-klijenti tiegħu tahom prodott tajjeb.
Wasalt il-ħanut filgħodu. Għall-bidu ma kien ġara xejn speċjali għaliex kont għadni maqfula ġo kaxxa kbira tal-kartun. Wara nofsinhar imma, is-sid beda joħroġ l-affarijiet li kienu ġabulu u jpoġġihom fl-aħjar post possibli ġewwa l-ħanut. Niftakar li lili illostrali l-kaxxa trasparenti li kont ninsab fiha. Ħassejtha tleqq u niftakar li poġġieni ġewwa vetrina sabiħa f'parti ċentrali tal-ħanut. Minn dak il-ħin, stħajjiltni artista. Id-dawl tal-'ispotlight' tal-vetrina kien kollu fuqi. Il-brillantini tiegħi kienu dari jleqqu u jarmu r-rifless tagħom. Fraħt ħafna, għalkemm nistqarr ukoll illi kont xi ftit jew wisq imbeżża'. Fejn kont u jiena, naf, imma fejn kont ser inkun, kien għadu misteru għalija. Il-futur tiegħi kien jiddependi fuq dak il-konsumatur li jogħġbu jixtrini. Se jkun mara, raġel, anzjan, għalliem? Min jaf? U jekk dan l-individwu jkun traskurat? U jekk minflok inkun sewwa, nispiċċa ħażin? Għal dan il-ħsieb tal-aħħar twaħħaxt. Imma ddeċidejt. Ma stajtx ninfaxxa rasi qabel naqsamha. Kieku kelli noqgħod naħseb fuq dan kollu, kont ser ninqered qabel iż-żmien, u ma kienx jaqbel.
Għadda ftit taż-żmien u illum nista' ngħid li l-beżgħat tiegħi kienu fiergħa. B'xorti tajba, ngħid b'wiċċi minn quddiem, li ma setax u ma jistax, ikolli ħajja aħjar milli għandi, tal-inqas s'issa, għax s'issa nista' ngħid... Kollox beda f'jum xitwi, meta anzjana ta' 70 sena mill-Imtarfa, daħlet ġol-ħanut pulita, pulita, tistaqsi biex tixtri pinna ta' kwalità tajba, imma sabiħa fl-istess ħin. Lil tal-ħanut qaltlu li din il-pinna ser tkun wieħed mir-rigali tal-gradwazzjoni għan-neputija tagħha li kienet laħqet nutar. Lis-sid u lill-anzjana, rajthom resqin lejn il-vetrina fejn kont ninsab jiena. Qalbi bdiet tħabbat sitta sitta. Ommi ma, illum nista' nkun jien li ser ninbiegħ. Dejjem kont nitwerwer meta kont nara lil xi klijent ħdejn il-vetrina fejn kont inkun jien... Charles, għax hekk kien jismu s-sid, urieha pinen differenti. L-ewwel beda minn sħabi li kienu jinsabu fl-ixkaffa ta' fuq. Hi bdiet tifli kull waħda b'reqqa liema bħalha. Minn għajnejha stajt ninduna li kellha f'moħħha rigal speċjali u bla ebda dubju, kien jidher li lin-neputija kienet tħobbha mħabba tal-ġenn.
Xi ftit minuti wara, għajnejha waqgħu fuqi. Għal sekonda, rajtha tagħmel qabża żgħira fuq ponot subgħajha. Kienet ferħana li ratni. "Xi tgħidli għal din il-pinna, Charles?" staqsietu l-anzjana bil-ħlewwa.
"Sinjura Mangani, dik il-pinna magħmula minn waħda mill-aqwa kumpaniji Ġermaniżi. Bħala kwalità naħlef fuqhom, bħala apparenza, ħelwa wkoll, speċjalment jekk għedt li trid tagħtiha lil tfajla ta' 23 sena," qal Charles. "Tajjeb ngħidlek imma, Mrs. Mangani, li dik għalja aktar mill-oħrajn," wissieha s-sid.
"Ma jimpurtax. Issa din għoġbitni u jekk ma noħodhiex, nagħmel in-nervi, żgur," wieġbet l-anzjana.
Ma niċħadx, kont eċitata ħafna. Ma domtx wisq fuq l-ixkaffa u mid-dehra, din is-sinjura tidher tal-affari tagħha. Nimmaġina li n-neputija gustuża wkoll u li ser tużani jekk laħqet nutar... Lil Charles ma riditux jippakkajani. Qalet li riedet tagħmel kollox hi. Filgħaxija stess fil-fatt, rajtha toħroġ karta mill-isbaħ biex tgeżwirni fiha. Għamlet ukoll ċoff aħmar u kienet dari tinnokkla t-trufijiet. Iktar tard sirt naf, li lil Gabriella, hekk jisimha sidti llum, kitbitilha nota żgħira, biex hekk kif tiftaħ il-pakkett, tkun taf ukoll il-veru valur tiegħi x'kien.
Jum il-Gradwazzjoni kien wasal. Is-Sinjura Mangani lestiet festin żgħir ġewwa darha f'ġieh Gabriella. Gabriella ma kinitx qed tistenna festin ta' dan it-tip. Kienet taf li n-nanna dan l-aħħar m'għadhiex li kienet u ma tantx xtaqitha titħabat wisq. Madanakollu, apprezzat dak kollu li organizzatilha għaliex fuq kollox, dan il-festin kien sorpriża. In-nanna stiednet lil ta' ġewwa u l-akbar ħbieb ta' Gabriella - Sonia u Tanya. In-neputija ppruvat kemm tista' biex ma xxerridx lanqas demgħa waħda. Kienet wisq ferħana u r-raġunijiet kienu ħafna. Lanqas setgħet temmen li laħqet manjifk. Kienet ferħana, għaliex kienet imdawra bl-aktar nies li tħobb u li taf li jħobbuha tassew. Kellha qalba se ttir bil-ferħ, għaliex nannitha, minkejja l-età tagħha u l-problemi mediċi, kienet kapaċi toħolqilha festin ħelu.
Dak il-lejl, wara li gawdew ilkoll flimkien, Gabriella ftehmet man-nanna li kienet ser torqod għandha. Sa nofsillejl kulħadd kien telaq. "Nann, trid nagħmillek belgħa te, qabel ma niżbarazzaw ftit fuq, fuq u mmorru norqdu?" staqsiet Gabriella lil nannitha.
"Jekk jogħġbok. Imma kif iġġibli t-tè, poġġi ftit bilqiegħda ħdejja għaliex għandi xi ħaġa importanti xi ngħidlek," qalet in-nanna.
"Kollox sew. Daqt miegħek nann," qalet it-tfajla.
Għalkemm jien sa dak il-ħin ma stajt nara xejn, għax kont għadni ġol-kaxxa, kollox stajt nisma' mingħajr tfixkil. Kelli seba' mitt sena sakemm lil din l-imbierka Gabriella naraha. Barra minn hekk, il-kurżita' kienet qed tifnini. X'kienet ser tgħidilha n-nanna lil Gabriella? X'kienet ser tkun il-funzjoni tiegħi? Fl-aħħar, it-tnejn inġabru u indunajt li kien wasal il-Mument.
"X'ridt nann? Kollox sew? Mhux qed tħossok ħażin, hux?" staqsiet anzjuża t-tfajla.
"U le, fejn sejra b'rasek?" kompliet in-nanna. "Għandi xi ħaġa żgħira għalik," qalet ix-xwejħa. F'dak il-mument ħarġet pakkett mill-basket.
"Erġajt? Mhux diġa' tajtni rigal?" stgħaġbet it-tifla.
"Iva naf. Imma dan rigal ieħor u speċjali. Nista' ngħid, aktar personali," qalet il-mara. "Nispera li jogħġbok..."
Gabriella ħassitha bħal tifla żgħira. Kellha seba' mitt sena sakemm dawk il-karti tneħħihom biex tara x'kien ir-rigal. Jien fl-aħħar bdejt nara d-dawl... għall-erwieħ!
"Wow nann, xi ġmiel! Kemm hi sabiħa din il-pinna... Grazzi, grazzi nann," kompliet Gabriella fil-waqt li għannqet lil nannintha., "Ma kellekx għalfejn tonfoq daqshekk terġa'."
"Issa, ismgħani ftit. Vera li din hija pinna sabiħa, imma l-iskop li tajthielek mhux biss għall-affarijiet ta' kuljum... hemm aktar minn hekk. F'din l-ittra ktibtlek fid-dettal, ittra ta' kuraġġ. Illejla imma, ser ngħidlek l-iktar importanti. Jiena naf li dan l-aħħar erħejtilha għall-kitba. Issa ili nsegwik u kull meta tistedinni nisma' l-kitbiet tiegħek, jiena nieħu gost. Jogħġbuni u dan qed ngħidu mhux għax int in-neputija tiegħi. Taqta' qatt qalbek, kompli ikteb. Min jaf, forsi xi darba, il-ħolma tiegħek issir realtà? Ħu dan ir-rigal, mhux biex tikteb u toħloq l-istejjer biss, imma bħala tifkira biex ma tinsa qatt taħdem fuq dak li inti tassew tħobb," għalqet dikursitha n-nanna.
"Napprezza nann, napprezza ta' kemm ilek issuss warajha tul dan iż-żmien kollu. Grazzi ta' dan il-ħsieb. Imma fuq kollox, grazzi ta' dak li dejjem għamilt miegħi," qalet Gabriella.
Sentejn wara eżatt dak il-lejl, ix-xwejħa mietet ħabta u sabta. Qatt ma nista' nneħħi minn quddiem għajnejha lil Gabriella, tibki u tolfoq hekk kif ħadet l-aħbar fuq it-telefown. Dak il-ħin, jien kont f'idejha. Kienet dari tikteb it-tielet kapitlu tar-rumanz tagħha. Qalbi ħassejtha tingħafas. Għal Gabriella, nannitha kienet qisha omm. Mill-funeral tagħha issa, għadda aktar żmien. Nista' ngħidilkom iżda, illi Gabriella żammet kelmtha. Anke jekk ninsabu fl-2014, biex tikteb ir-rumanz tagħha, Gabriella tuża lili. Tippreferi pinna u karta aktar milli l-komjuter. "Nikkonċentra iktar," tgħid hi. Jien nieħu gost nismagħha tgħid hekk. Tgħiduli xejn, imma jien inħossni li parti mill-enerġija nagħthielha jien!
Sfortunatament, il-linka tiegħi qed tmajna bil-mod il-mod u naħseb illi triqti daqt ser ikollha tieqaf. Madanakollu, jiena naf li mhux ser nispiċċa ħażin. Fid-djarju personali tagħha, lil Gabriella rajtha tikteb xi ħaġa dwari u qalet, <Il-pinna tan-nanna waslet biex tispiċċali ... Xi dwejjaq! Imma jien, ser nibqa' nżommha u ngħożżha. Għalija hi ġojjel, ġojjel li tatni n-nanna. Kif inlesti ir-rumanz li qed nikteb, ser nipprova nippubblikah. Jekk jirnexxieli, niddedikah lin-nanna.> Nispera li dan kollu jsir realtà!
TMIEM
Kommentare