Qatluh!
- TIZIANA BORG
- Jun 10, 2016
- 5 min read

"Qatluh, qatluhuli," bdiet twerżaq waqt li tolfoq Severin. Miġbura magħha kien hemm qrabatha, jipprovaw isabbruha, jipprovaw forsi jnaffru l-uġigħ li kienet qed tħoss f'qalbha. Imma kulħadd kien jaf li għalxejn. It- twerżiq ta' Severin damdam il-pjazza tar-raħal. Folla ta' nies bdiet miexja fi triqitha lejn iċ-ċimiterju ta' iben Severin – Jonathan.
Jonathan miet żgħir, jew aħjar, qatluh żgħir. Timmaġinawx li qatluh b' xi mewta makabra bħal tal-films, jew inkella b'xi traġedja mhux tas-soltu hekk kif imdorrijin nisimgħu. Miet wara li xorob 'drink', hekk kif kien qiegħed Paceville. Kien għad kellu biss għoxrin sena. Kien il-mimmi t'għajnejn il-familja tiegħu, l-iżgħar fost erba' aħwa. Severin xtrat lil Jonathan wara tlettax-il sena li kellha lil Priscilla. Fil-fatt, kienet mara mdaħħla ftit fiż-żmien meta wellditu.
Jonathan kien tifel sabiħ hekk kif twieled. Minkejja li mill-apparenza kien jidher bħall-ulied oħra, kien xi ftit jew wisq differenti. B'termini foqra, in-nies komuni jiddeskrivuh bħala bniedem 'sempliċi'. Kien jagħmel kollox bħal ħaddieħor, imma din il-ħaġa kienet b'xi mod ixxekkel ir-rutina normali tiegħu bħala individwu. Min ma jkunx jafu, b'xi mod irid jidrah u jkun jaf aktar dwaru biex jgħadru aktar u ma jaħtfux hekk kif forsi trid tgħidlu erba', ħames darbiet biex jifhem.
Fid-dinja iżda ssib minn kollox. Kien hemm min jikkumpatih, jifhem l-eżiġenzi tiegħu u jmur għal għajnu sabiex jgħinu. Kien hemm min juri sens ta' indifferenza u kien hemm ukoll min kien ċuċ, kiesaħ u mingħalih li hu xi alla. Dawn tal-aħħar ikunu nies beżżiegħa, b'nuqqas ta' kunfidenza fihom infushom. L-arja jġibuha biss ma' nies żvantaġġati, għaliex kieku, lanqas biss jitħajru jiftħu ħalqhom.
B'xorti ħażina, Jonathan kellu jiltaqa' ma' din il-kategorija ta' nies. Imma dawn naslu għalihom minn hawn u ftit ieħor. Severin kienet tħobbhom kollha lil uliedha, imma fil-waqt li l-erbgħa l-oħra issa kienu awtonomi għax kollha kellhom il-familja tagħhom xi jmexxu, kienet taf li lil Jonathan trid tibqa' tieħu ħsiebu hi. Anke jekk Jonathan qatt ma dejjaqha d-dar, u kien wieħed mill-aktar li jagħtiha daqqa t'id fil-faċendi, kien minn dejjem juri li jrid imur jaħdem. "Jien irrid inkun bħal Mark ta' ħdejna. Dak għandu xogħol, jien m'għandix,"kien jgħid lil ommu. "Jien irrid xi ħaġa tal-flus biex ikolli x'nonfoq," kien ikompli jilmenta Jonathan.
"Iva mhux dejjem tajtek il-flus, ibni. Għandek xi ħaġa f'moħħok li tixtieq tixtri? Trid nagħtik il-flus? Mhux dejjem tajtek jien?" kienet tgħidlu Severin.
"Naf ma, naf. Jien m'għedtlekx li ma tagħtinix. Imma jien irrid tiegħi! Irrid inkun inriperenti," qal b'vuċi soda Jonathan.
"Indipendenti mhux inriperenti," ikkoreġietu ommu.
" U iva. Dik hi l-kelma. Fhimtni int," issuppervja Jonathan. Dan l-aħħar kien qisu qed iqajjem rixu. Anke lsienu, telqu mhux ħażin. Skont Severin, Jonathan sar hekk kemm ilu jagħmilha ma' erbgħa dardira mir-raħal. Lil binha kienet tipprova iżommlu, imma ċertu mumenti kien ikollha tibla' lsienha. Binha, fuq kollox, kien bniedem bħall-oħrajn. Kemm se ddum iżommu ma' djulha? Vera li riedet tipproteġih, imma ma setgħetx iżommu l-ħin kollu ġo bozza. F' xi ħin ried jiltaqa' ma' nies li huma tamparu, ried joħroġ magħhom. Xtaq ukoll jaħdem biex tal-inqas iħossu utli u xi ftit jew wisq jara li jkun ta' inqas piż fuq ommu u missieru.
Peress li fl-aħħar xhur kien xorbilha moħħha dwar ix-xogħol, ma nafx għand min ma marritx Severin biex tkun tista' ssiblu xogħol diċenti u li jkun tal-kalibru tiegħu. Tħabtet fuq li tħabtet, u fl-aħħar irnexxielha ġġibha żewġ. Sab xogħol ġewwa bank fir-raħal tiegħu stess. Kien iġorr xi kaxxi, jagħmel xi kafè jew jippakkja xi karti ġo xi 'envelopes'. Insomma, kien jagħmel dak li jkun hemm bżonn. Beda u wara ftit taż-żmien, kien diġa' qed iħossu għal qalbu. Id-dar kien qed imur kuntent u kien induna li tlett kwarti tan-nies fuq ix-xogħol kienu jitrattawh tajjeb u jħobbuh.
Jonathan kien iħobb imur iqatta' xi siegħa l-każin tal-banda. Kien jiltaqa' xi ftit man-nies u xejn, xejn, kien jaqta' naqra. Kien hemm, iżda, li kien jiltaqa' ma' xi wħud miż-żgħażagħ l-aktar kesaħli tar-raħal. Darba minnhom, Dexter stiednu biex imur magħhom sa PV. Dexter u sħabu kienu iżgħar minn Jonathan. Fil-fatt, lanqas liċenzja tal-karozza ma kellhom. "Ejja magħna Ġann. Narawk fl-għaxra hawn il-pjazza? Aħna jiġi għalina l-vann u nitilqu għal Pvvvvvvvvvvvv. X'taħseb?" kien qallu Dexter.
Dan Dexter kien wieħed li jridha imma li fuq kollox jibża' minn dellu. Tarah mimli kollu arja jekk ma tkunx tafu, imma jekk ikollok tagħmilha miegħu, tinduna li ma jiswiex kafè. Sħabu daru miegħu u Jean-Paul qabeż fin-nofs u qallu,"Ejja Ġanni... Issa nsibulek waħda ta'." U baqgħu sejrin hekk, jaqbdu miegħu, itaptpulu fuq spalltu u sejrin. F'dan l-aħħar xahar, Jonathan kien mar xi tliet darbiet magħhom. Għoġbu x-xogħol u kien diġà beda jeħodha drawwa. L-aħħar Sibt li mar, iltaqa' mal-klikka ġewwa l-każin għall-ħabta tat-tmienja ta' filgħodu. "Illejla ġej magħna hux, Ġann?" staqsieh Pierre.
"Ħeqq mela," qal Jonathan kollu eċitat.
"Tajjeb, Tajjeb," qallu Pierre waqt li taptaplu fuq spalltu. "Illejla beħsiebna niddamdmu ħabib," kompla Pierre waqt li għemeż b'għajnejh lil Dexter.
Il-lejl kien wasal, u wara li għamlu xi ftit 'bar hopping', iddeċidew li jankaraw ġewwa l-'pub' preferit tagħhom, 'Musique'. Hemm, kienu jinġabru balal tan-nies. Dakinhar ma kienx eċċezzjoni. Ma kienx hemm fejn taqa' labbra. Il-ħames żgħażagħ, inkluż Jonathan, intefgħu mal-bar, jixorbu. Jonathan ma kienx jixrob ħafna. Kien jipprova jżomm l-istess tazza kemm jiflaħ. Ommu kienet twiddbu il-ħin kolli kull darba li joħroġ. Dan għaliex, fil-verita', ix-xorb ma kienx jagħmillu tajjeb. Kien jieħdu malajr u barra minhekk, minħabba xi mediċinali li kien jieħu, ma kienx jaqbillu jeżaġera.
Tlieta minn sħabu bdew ipejpu waqt li jixorbu ftit mit-tazza tad-'drink' li kellhom f'idhom. L-ieħor sab waħda u mar jipprova jgħabbiha waqt li kien ressaqha f'kantuniera. Hu kien hemm, mal-'bar', iċaqlaq rasu u xi kultant jitħarrek xi ftit waqt li jifli lil kull min kien għaddej minn quddiemu. Tista' tgħid li barra l-mużika, nofs il-pjaċir kien jieħdu jara l-kummiedji ta' madwaru u forsi kull kwarta 'l hemm u 'l hawn, tgħaddi minn quddiemu xi waħda alla jberikha. Insomma, għal ġuvni ta' għoxrin sena, ma kien jagħmel xejn ta' barra minn hawn. Imma x-xitan m'għandux ħalib. Ma kellux jibqa' joħroġ bil-kwiet ftit mal-klikka, normali bħal xi żgħażagħ f'sensihom li ġieli kien jara l-pjazza. Li ma kienx jaf Jonathan u ħafna min-nies huwa, li Pierre, dan l-aħħar kien qed jiddelitta bid-drogi. Bil-mod, il-mod, kien qed iwitti triqtu biex jingrana fil-'kummerċ' ta' dan it-tip ta' ħmieġ.
"Ġann, qed taraha din il-pirmla. Għadhom jagħmluha, ħarġet ġdida. Tal-ostra mann!!! Taf kif tħossok biha?! M'ogħla s-sema xbin! Trid tipprovaha jew?" staqsieh Pierre b'ton perswadenti kemm jista' jkun. Pierre kellu f'moħħu li b'xi mod idaħħal lil Jonathan fin-ngħassa tiegħu. Deffisha f'rasu, li jekk Jonathan togħoġbu, ikun jista' jġiegħlu jibda jixtri mingħandu ta' spiss u jkollu "klient" ieħor ġewwa. Jonathan kien jidher indeċiż. Kien bħal donnu ikkonvinċih, imma beda jiġi fid-dubbju. Quddiem għajnejh ġieb lil ommu b'ħanġra daqshiex tgħidlu, "Tieħu xejn minn ta' ħadd Paceville, ikun xi jkun."
"Aqlgħaha Ġann! X'ħa tagħmel?" issikkah Pierre.
"Le ta', ma rridx," qallu Jonathan. "TTThank you, tttthank you xorta," wieġbu Ġanni.
Ipprova jinsisti għal darba tnejn, imma Jonathan ma riedx jaf. Baqa' jgħidlu 'thank you' u jixrob bil-kwiet il-Vodka Coke.
" U ż-ż***," qal f'qalbu Pierre. "Imbasta jgħidu li fidil...ma jridx jaf."
Dak il-ħin Pierre, telgħalu x-xorb xi ftit għal rasu. Ħdar kif ra li lil Jonathan ma seta' jwaqqu b'xejn. Is-soltu kienu jġibuh fejn iridu huma, speċjalment sħabu, lilu beda jgħid le? Dak il-ħin Pierre ma bediex jara. Baqa' indannat iħares quddiemu. Fid-daqqa u l-ħin, Jonathan qallu, "Żommli naqra t-tazza ħalli mmur sat-'toilet'." Kien diġa' ser jibgħatu jixxejjer, imma f'minuta għaddielu kollox. "Iva, Iva, mur bil-kwiet."
Hekk kif Jonathan kien it-'toilet', Pierre ħallatlu mad-'drink' mhux pinnola waħda, imma tnejn, vendikazzjoni. Ħadd ma nduna b'xejn ġo dik ir-rassa li kien hemm. Kif ġie lura, Jonathan reġa' qabad it-tazza f'idu. Ftit sekondi wara, Pierre rċieva telefonata fuq il-mowbajl u ħareġ barra biex iwieġbu. Jonathan xorob boqqa sew mid-'drink' għax kien xeba' jdawwar it-tazza f'idejh. Imma sfortunatament, dak kellu jkun l-aħħar wieħed.
L-imbarazz li tefgħalu l-ieħor beda jagħmel tiegħu. Fi ftit mimuti, Jonathan beda jbiddel il-kuluri. Beda jagħfas il-kaxxa ta' sidru sakemm baqa', baqa', biex waqa' fl-art, mejjet. Qamet għagħa kbira u kif kien dieħel lura ġol-'pub' Pierre, ma setax jifhem x'ġara. Mill-bogħod irnexxielu jara lil Jonathan minxur mal-art. Ħass għoqla fi griżmejh u telaq 'il barra, jlebbet b'kemm Alla tah saħħa.
Lil Severin qalulha biex kien miet binha. Imma hi kienet tħoss li dak l-imbarazz, Jonathan ma ħadux minn jeddu. "Dak żgur kien xi ħadd li pprofitta ruħu mit-tjubija ġenwina ta' ibni."
TMIEM
コメント