It-tewmin mifrudin
- TIZIANA BORG
- Jun 9, 2016
- 8 min read

Violet u John għaddew minn burraxka ftit tas-snin ilu. Is-sintomi u l-uġigħ tagħha għadhom iħossuhom, imma draw jgħixu bihom minn jum għall-ieħor. Għall-bidu li żżewġu, il-koppja kienet tiddiskuti spiss fuq it-tfal. Dan għaliex, it-tnejn li huma kienu jħobbuhom u kienu lesti li jagħmlu minn kollox biex ikollhom wild. Wara ħafna stennija u paċenzja, Violet inqabdet tqila. Mhux talli hekk, talli kellha l-grazzja li tinqabad b'tewmin. John u hi kienu fis-seba' sema. Fl-aħħar il-Mulej kien sema' talbhom. Kienu fuq ix-xwiek sakemm jaraw lit-tewmin qawwijin u sħaħ f'idejhom.
Kien jum xitwi, preċiżament għall-ħabta ta' nofs Jannar. Bdiet kesħa xxoqq il-għadam. Violet daħlet l-isptar u wara ħlas kemmxejn iebes, it-tewmin, twieldu. Kellha żewġt ibniet. Ideċċidew li jsemmuwhom Dea u Dynah. Kienu ħelwin wisq - wiċċ wieħed għax kienu identiċi. Minn dak il-ħin, Violet riedet li lil waħda tlibbisha kulur mod u lill-oħra kulur ieħor. Riedet taċċertha ruħha li għall-ebda raġuni ma tfixkilhom. Lil Dea tatha r-roża u lil Dynah tatha l-isfar.
Hekk kif it-tnejn li huma kienu qed jifirħu bit-tewmin, Violet ma bdietx tħossha sew. Fil-fatt, ġie t-tabib jinvistaha u qalilha li ser ikollha bżonn tistrieħ. Fi ftit ħin kien ser ikollha tagħmel intervent minħabba id-diffikultajiet li kellha waqt il-ħlas. Lit-tewmin ħaduhom fejn it-trabi l-oħra imma Violet, kellha tkompli tiġġieled biex terġa' tirkupra lura saħħitha. John kien dari jgiddem difrejh. Dak il-jum kien wisq mimli emozzjonijiet differenti. Beda jitlob lil Alla biex kollox jgħaddi b'wiċċ il-ġid.
L-intervent żgħir li kellhom jagħmlu lil Violet mar sewwa u wara dak il-ħin kollu ta' stennija, it-tnejn serħu aktar moħħhom. Wasal il-lejl u John mar ħdejn martu fil-kamra tal-isptar. "Violet, issa li l-intervent għadda, nista' mmur ftit sad-dar. Nistrieħ ftit hemm u nerġa' niġi l-ewwel xogħol filgħodu. Inti għandek bżonn inġiblek xi ħaġa mid-dar?" staqsieha kollu għożża John.
"Grazzi John, imma m'għandi bżonn xejn partikolari. Ġib miegħek biss xi żewġ tibdiliet oħra għal Dea u għal Dynah,"qalet Violet.
Biesha fuq moħħha u telaq bil-kwiet id-dar.
Dak il-lejl, Violet raqdet fil-fond. Kienet wisq għajjiena. John minn naħa tiegħu l-istess; kif wasal id-dar lesta xi affarijiet żgħar u mbagħad mar jorqod. Madanakollu, John kellu jibqa' rieqed sal-erbgħa ta' filgħodu biss. It-telfon ħasdu, anzi, qatgħu minn ġewwa. Min seta' ċempel dawk il-ħinijiet? Qam u mar għat-telefown. Sar jaf li mill-isptar. Qalbu ħebbritu ħażin. Kien ġara xi ħaġa lil Violet?
"Sur Demanuele, qed inċemplulek biex jekk tista', tiġi malajr sal-isptar. Waħda mit-tewmin tagħkom, Dea, ġiet misruqa. Għadha ma nstabitx," sema' vuċi tgħidlu minn naħa l-oħra tal-linja.
"Insterqet? Mela din xi oġġett biex insterqet?" staqsa skantat John. Marti u Dynah allura kif inhuma?" qal lill-infermiera minn fuq it-telefown.
"Dawk hawn qiegħdin Sur Demanuele,"qaltlu l-infemiera.
"Ser inħalli kollox u niġi issa," qal maħsud John.
*****************************
Skont l-investigazzjonijiet, sar magħruf li kien hemm xi persuna mhux awtorizzata li daħlet fejn hemm it-trabi. Din, mid-dehra, kienet persuna li xtaqet it-tfal akkost ta' kollox, imma sfortunatamnet qatt ma kellha wlied. Il-persuna involuta, mara ta' erbgħin sena, kellha xi problemi ta' saħħa mentali u dan kollu wassalha biex tagħmel waħda tinkiteb. Iddeċidiet li tisraq tarbija u li teħodha magħha. Riedet tkun omm hi wkoll. Kif rat lit-tewmin, fula maqsuma ma' xulxin, ħasbet, "Dawn it-tewmin, jixtiebhu wisq. Jekk nieħu waħda minnhom, l-omm xorta jkollha lill-oħra u mhux ser tħossha daqshekk," bdiet tirrifletti l-mara-ħalliela.
Dan kollu, Violet u John saru jafuh mill-Ispettur tal-Pulizija. It-tnejn baqgħu mistgħaġba u aħbar bħal dik kienet nifditilhom qalbhom. "Mid-dehra, mhux l-ewwel darba li din il-psikopatika pprovat tagħmel xi ħaġa simili. Fid-drabi ta' qabel, l-istaff mediku u anke l-pulizija rnexxielha twaqqafha, imma din id-darba, jidher li l-pjan tagħha ħadmitu sew," stqarr l-Ispettur.
"Nitolbok Spettur, agħmel ħiltek kollha biex issibli lil binti," talbet bil-ħniena Violet. "Jiena u żewġi għamilna kull tip ta' sagrifiċċju biex kellna lil uliedna, mhux sew li waħda minnhom ittieħdet mingħandna, sempliċiment minħabba kapriċċ ta' mara li ma nafu xejn dwarha," kompliet Violet.
Għaddew il-jiem, imma il-weġgħat li l-koppja kellha fuqha donnhom ma kinux biżżejjed. Kif jgħid il-Malti, il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Biex tgħaqqad, Violet u John ġew infurmati li mid-dehra, il-mara li serqet lil binthom Dea, kienet ħarbet mill-pajiiż, aktarx bit-tifla stess. Violet waqgħet mal-art u John infaqa' jgħajjat u jaħtaf lil kull persuna liebsa l-uniformi. X'setgħu jagħmlu huma? Kellhom ikomplu jikkollaboraw mal-Pulizija, bit-tama li binthom Dea, f'xi ħin tirritorna lura għandhom, kif suppost.
*******************************
Għaddew tmintax-il sena minn dak l-epiżodju. Dynah dalwaqt dieħla fid-dsatax-il sena tagħha. Dynah kienet maħbuba minn sħabha, u ftit minnhom kienet tikkonsidrahom qishom ħutha. Madanakollu, kienet dejjem timmaġina lil oħtha t-tewmija Dea. Min jaf kif kienet oħtha? Min jaf kif kienet tkun ħajjitha kieku Dea kienet tkun magħha ta' kuljum? Minbarra li ħafna drabi kienet tħoss li kien hemm xi parti minnha nieqsa, kienet taf li n-nuqqas t'oħtha kien piż qawwi fuq il-ġenituri tagħha. Dan kollu kien isewdilha qalbha. Is-sentimenti tagħha dwar din is-sitwazzjoni ma kinitx kapaċi tesprimihom. Kienet biss tispera u tixtieq, li dan kollu xi darba jissolva, li hi tħossha kompluta għal kollox u mhux qisha b'xi ħaġa nieqsa.
Is-Sibt filgħodu, Dyna riedet tmur sal-Belt biex tagħmel xi qadi. Kif kienet ser tkun hemm, sabet ix-xoqqa f'moxtha biex tmur tara lil Zoe ukoll, ħabiba antika tagħha li toqgħod il-Belt stess. Il-ġurnata ħarġet tassew sabiħa u l-qadi li kellha tagħmel lestiethom malajr. Kien għadu ftit tal-ħin biex tmur għand Zoe, għalhekk iddeċidiet li teħodha bil-kalma u kif waslet lejn is-suq tal-Belt, tħajret tidħol f'ħanut biex tixtri xi ħaġa tajba għal ħabibtha għax dik, żaqqha kienet taqgħalha għall-ħelu. Daħlet fl-ewwel ħanut tal-merċa li siebet u hekk kif daħlet, tal-ħanut indirizzatha daqs li kieku kienet xi waħda ilha tafha żmien...
"Mela erġajt ġejt, illum? Il-marelli kemm tbiddel malajr int. Filli tkun b'qalziet u flokk, filli b'dublett u qmis," qalet din tal-ħanut.
Dyna baqgħet tħares, ċassa. "Din qed titlef jew? X'inhi tgħid? Dejjem insibhom jien..."
"Skużani sinjura, imma ma nafx x'inti tgħid ta'. Naħseb li għandek xi żball," kompliet Dyna.
"Ara l-oħra, ġejja bis-sinjura! Għidli ħaġa Bev, jaqaw ħbatt rasek?" qalet tal-ħanut.
"Qed tara kif għandek żball ħija... Jiena Dyna jisimni u mhux Bev. Qed tħallatni ma' xi ħadd ieħor, żgur," spjegat bil-paċenzja ż-żagħżugħa. Imma sakemm Dyna indunat għaliex tal-merċa kienet qed tgħidiha hekk, m'għaddiex wisq ħin... Dan għaliex sakemm Dynah kienet qed tipprova tispjega l-punt tagħha, daħlet tfajla oħra tampara ġol-ħanut. Malli daħlet, kemm din it-tfajla, Dynah u tal-ħanut, baqgħu qishom statwi tal-melħ. Bilkemm bdew ipetptu għajnejhom. Baqgħu lkoll mistgħaġba u ma setgħux jemmnu dak li bdew jaraw b'għajnejhom. Fl-aħħar tal-ħanut sabet il-kuraġġ u lissnet żewġ sillabi kollox, " Be...Bev!"
Kliem il-mara kien ġab lil Dynah f'sensiha. Issa fehmet għaliex bdiet issejħilha Bev, assumiet li fil-qasir għal Beverly. Din l-imbierka Beverly kienet qisha r-rifless tagħha, l-istess, sal-inqas sufa. Kellhom l-istess tul, l-istess par għajnejn, l-istess imnieħer. Ħwejjiġhom u xagħarhom biss kellhom qagħda differenti. Mill-bqija, hekk kif Vanna tal-ħanut baqgħet tħares lejhom, saħansitra ħassitha fid-dubju jekk kinitx qed tara doppju.
Beverly, ukoll baqgħet skantata. Għaddiet minn ħafna xorti f'ħajjitha u sorpriża bħal din, kienet biss żieda oħra mal-lista. Kemm Dyna u kemm din Beverly, mingħajr ma setgħu jispjegaw kif, ħassew ġibda partikolari lejn xulxin. It-tnejn ħassew li kellhom ikomplu jitkellmu. It-tnejn ħassewhom bħal żewġ biċċiet tal-jig-saw puzzle, li kellhom jingħaqdu flimkien biex joħolqu stampa unika u ċara. It-tfajliet ħadu b'idejn xulxin u ħarġu bil-mod il-mod mill-ħanut biex imorru jsibu roqgħa għad-dell fejn setgħu jitkellmu bil-kwiet. Tkellmu b'mod ġenerali imma kif poġġew bilqiegħda fuq bank, Dynah kienet pronta staqsiet lil Beverly, "Inti għandek ħutek?"
"Le, m'għandix," wieġbet Beverly, "proprjament m'għandi lil ħadd," kompliet it-tfajla b'sens ta' dieqa.
"Lanqas jien.... cioè kelli, imma..." bdiet itemtem Dynah.
"Dynah, kellek, għandek jew ma mkellekx... ħawwadtni," kompliet Beverly.
Kienet din il-mistoqsija li ġiegħlet lil Dynah tirrakkonta l-istorja tagħha u dak kollu li l-ġenituri tagħha għaddew minnhom. "Huwa proprju għalhekk li qed inħoss li inti t-tewmija nieqsa tiegħi. Ma tantx nistgħu ngħidu l-kontra għax int.... int.... fula maqsuma miegħi," ikkonkludiet Dynah.
Beverly ħassitha li dak li qed tgħid Dynah kien minnu. Qalbha ħebbritha li hi ma kinitx qed tagħmel ipoteżi eżaġerata, għax dak li kienet qed tgħid kien jagħmel sens. Beverly, qabżitilha demgħa. Ħassitha konfuża u għal darba oħra, ħasset ukoll li f'ħajjitha kien ser ikollha tadatta ruħha għall-bidla oħra radikali. Ftit ftit, Beverly bdiet tispjega lil Dynah dak li kien ġralha.
"Jiena kont ngħix il-Portugall. "Ommi", jekk nista' nsejħilha hekk, kienet tbati bil-burdati. Dejjem kienet tgħid li batiet sabiex kellha lili u li għamlet kull sagrifiċċju possibli sakemm hi ratni f'idejha. Jien kont imqarba meta kont żgħira u spiċċajt ġennintha iktar. Mhux l-ewwel darba li refgħet idejha fuqi jew li kienet tagħtini kastig aħrax. Konnha ngħixu waħedna ġo dar ċkejkna ġewwa Lisbona. Jum minnhom qaltli li kellna nsiefru barra mill-pajjiż, "għal raġunijiet ta' sigurtà" –qalet. Kellna kollox lest u konna l-ajruport, lesti biex nitilqu lejn Spanja. Hekk kif wasal il-ħin biex nitilgħu fuq l-ajruplan, ommi kellha bżonn tmur sal-banju u kien proprju hemmhekk, li jien żgiċċajtilha, staħbejt qalb folla nies u bdejt miexja magħhom, biex naħrab. Dawn in-nies kienu fi triqithom lejn 'gate'. Imxejt magħhom u bqajt tiela' fuq l-ajruplan. Lanqas biss kont naf fejn sejra. Hekk kif inżilt mill-ajruplan u bdejt miexja mal-folla, intbaħt li kont qiegħda...Malta!
Ovvjament, jien kont waħdi u għal darba bdejt nibża' bis-serjetà. Kont għaffiġtha, u kellha kemm kellha tagħha "ommi", kienet tagħtini wens. Ħriġt barra mill-ajruport, irkibt karozza tal-linja wara li dħalt ma' balla nies u nżilt il-Belt. Kont ser niġġennen. Jien Portugiż biss kont naf nitkellem, lanqas kelma waħda bil-Malti ma kont naf. Bdejt indur qisni vagabonda fit-toroq tal-Belt. Għamilt ħabta anke bdejt nisraq biex niekol u bdejt norqod barra fit-triq jew fejn insib post għall-kenn. Kien biss grazzi għal Ġużeppina li llum ninsab xi ftit aħjar," qalet Beverly.
"Ġużeppina min hi?" staqsiet Dynah bla paċenzja. L-istorja ta' Bev kienet ħallietha bla kliem u fuq ix-xwiek.
"Ġużeppina xebba ta' 70 sena illum il-ġurnata. Toqgħod l-Arċipierku ġewwa l-flats. Din dejjem għexet waħedha u kif kienet tarani dejjem waħdi, tifla ta' għaxar snin, mitluqa u norqod barra, ma felħitnix iktar. Daħħlitni ġo darha u biż-żmien bdejt nitgħallem il-Malti u bdejt infehma x'ġarali eżatt. Illum il-ġurnata tqisni bintha u jien kuntenta li ngħix magħha. Ma nistħix ngħidlek imma, li ngħaddu bl-eżatt. Jien mmur naħsel xi platti f'restorant fil-qrib, imma ma naqlax wisq. Skola ili li qtajtha, għax kemm kien ili hawn, bżajt nidher," temmet Beverly.
Ma felħitx tirrakkonta iżjed. Qatt qabel ma kienet qalet l-istorja tagħha daqshekk b'dettal lil ħadd, ħlief lil Ġużeppina. Imma ġo fiha ħasset li lil Dynah setgħet tafdaha. Kien sentiment indeskrivibbli, imma bdiet tħoss rabta speċjali magħha.
Dynah ċemplet lil Zoe, qaltilha li ser ikollha tħassar il-laqgħa tagħhom flimkien u talbet lil Beverly biex tmur magħha lejn id-dar. Riedet li ommha u missierha jarawha. X'kienu ser jgħidu? Beverly ħasset li kellha taċċetta bla ebda paroli. Ħaditha ġo darha ġewwa n-Naxxar u stednitha biex toqgħod bilqiegħda fuq is-sufan tas-salott. Sadanittant, Dynah marret issejjaħ lill-ġenituri tagħha u qaltilhom li kellhom turihom persuna importanti li kienet ġabet magħha d-dar. Il-ġenituri kienu ser jibdew igergru xi ftit u ommha, kienet diġa' bdiet tilmenta u tgħidilha biex darb'oħra tavżaha minn qabel. Imma hekk kif daħlu fis-salott u raw lil Beverly quddiemhom, lanqas lissnu kelma. Wiċċhom bjad karti qishom kienu raw xi ħares. Violet bdiet tibki u ggranfat ma' John, huwa imbikkem ukoll. Raw li x-xebh li din Beverly kellha ma' Dynah kien wisq kbir biex ma temminx li t-tnejn kienu qraba.
Beverly bdiet ta' spiss tmur in-Naxxar għand Dynah u l-ġenituri tagħha. Kull darba kienet tirrakkuntalhom ftit ftit minn dak kollu li għaddiet. Din kienet xewqa ta' Violet. "Ma nistax nisma' kollox f'daqqa, wisq emozzjonanti l-biċċa tiegħek, Dea...hawn Bev," qalet Violet. Għaddew xi ġimgħat u lkoll iddeċidew li ma setgħux ma jagħmlux pass deċisiv. Violet issuġġerit li Beverly tagħmel it-test tad-Dna. Beverly jew Dea, jew min ix-xjafek hi, ħasset li kellha tisma' minn Violet. Ix-xjenza kienet ser tipprovdi risposta aktar preċiża. Għat-test, marru l-erbgħa 'l huma ġewwa l-klinika. Issa għadhom qed jistennew ir-riżultat. Madanakollu, l-erbgħa fiduċjużi li t-test ser jagħtihom ir-riżultat li jixtiequ... Ngħiduha kif inhi, xi drabi is-sens u s-sentimenti umani jafu jkunu aktar qawwija u preċiżi mill-aqwa metodi xjentifiċi...
***************************************
Kommentare