top of page
Search

Żmien wara l-Gwerra...

  • TIZIANA BORG
  • May 31, 2016
  • 4 min read

Hi impjegata u taħdem ma' ommha fil-ħanut tal-ħjata. Daħal hu, Giovanni. Stella tkun qed tistennieh fuq ix-xwiek dak il-mument tal-ġurnata. Hekk kif kien jidħol fil-ħanut Giovanni, għajnejha kienu jixegħlu, qalbha tibda tferfer u tibda tfexfex għax jew twaqqa' xi ħaġa minn idha, jew tniggeż subgħajha bil-labbra...


Giovanni kien ftit ikbar minnha. Kellu għoxrin. Hi kellha sbatax-il sena. Stella kienet bjonda u grazzjuża. Lil ommha kienet tgħinha sew fil-ħanut għaliex hi kienet l-iktar waħda li tinqala' fil-ħjata minn ħutha kollha. Imma insomma... indunajatu naħseb li din Stella kellha grazzja ma' Giovanni. Hi qatt ma kienet ħarġet ma' ġuvni qabel, għalkemm qatt ma kienet tgħaddi mit-triq u ma kienx ikun hemm xi ħadd li jħarsilha. Kienet qisha pupa u dak iż-żmien, l-ulied kienu jdumu jidhru ma'ommijiethom. Dan Vanni, xogħlu kien li jdur b'xi drappijiet jew inkella xi materjal ieħor marbut mal-ħjata ġewwa l-ħwienet. Kien ġuvnott tal-affari tiegħu u biex ngħidilkom kollox ukoll, anke hu kellu grazzja ma' Stella.


Il-ħajra li jkellem lil Stella biex forsi joħorġu flimkien kienet dejjem tikber, imma kienet qisha xi missjoni impossibli. Fi xħin seta' jgħidilha 'l bogħod mill-għajnejn u 'l bogħod mill-widnejn? Din Stella dejjem wara l-bank u ommha u n-nisa tal-ħanut qishom isqra. Jum minnhom ġietu idea. Kitbilha biljett u żammu f'idu. Hekk kif daħal fil-ħanut, niżżel 3 rombli drapp u qiegħdhom mal-ġenb. Talab lil Stella tmur tiċekkja romblu minnhom biex tara kienx ġab it-tajjeb. Newlilha wkoll il-karta biex tiffirma l-wasla tal-ordni u kien proprju dak il-ħin li mal-irċevuta, ħallielha wkoll il-biljett tiegħu. Ħarset lejh u b'għajnjhom ftehmu li dak il-biljett kien proprju għaliha. Giovanni ġabar il-karta tal-ordni l-ġdida u telaq bil-kwiet. Stella, mejta bil-kurżità, daħlet it-toilet. Riedet tara x'kellha miktub.


"Niltaqgħu għada fuq iz-zuntier tal-knisja? Jien nistennik hemm. Int tista' tiġi tkellimni hekk kif tkun b'oħtok Rosa waqt li tkun qed tistennieha għall-mużew. Ikunu L-erbgħa u nofs..."

Giovanni


Ma setgħetx temmen. Giovanni ried ikellimha. Issa imma, trid toqgħod attenta għax malajr ikun hemm xi tellerita tmur ittaqtaq. L-għada kienet bil-wisq eċitata u sakemm saru l-erbgħa, kienu qishom għaddew xi ħames xhur. Libset waħda mill-aħjar ilbiesi tagħha u ġabret xagħarha pulit. Riedet tidher sabiħa quddiem Giovanni. Mhux ser nidħlilkom f'ħafna dettalji. Aħsbu u immaġinaw intom. Żewġ żgħażagħ, it-tnejn sbieħ, jiltaqgħu flimkien biex isiru jafu lil xulxin u jinnamraw. Kien dak il-jum il-bidu ta' kollox u issa, anke n-nies kienu qed jarawhom flimkien. Kienu jieħdu gost. Imma din l-istorja ta' mħabba kellha tintemm, ħesrem.


Il-gwerra ġewwa l-provinċja ta' Viterbo kienet bdiet tinħass. Fl-Italja, il-ġuvitur kienu jiġu msejħa sabiex imorru jiġġieldu waqt il-gwerra, bilfors. Stella ma riditx temmen. Kif issa li sabet ġuvni sewwa, kellha tirriskja li titilfu minħabba l-gwerra? Meta taha l-aħbar, it-tnejn li huma infexxew jibku u sellmu lil xulxin b'tgħanniqa kbira u b'bewsa innoċenti. Stella marret l-istazzjon biex isellem għall-aħħar darba lil Giovanni. Xejritlu b'dieqa kbira hekk kif il-ferrovija bdiet miexja. Stella marret lura d-dar, tibki. Ħadd ma kien jaf x'ser jiġri.


Wara ftit ġimħat, Giovanni kien bagħtilha ittra. Ġimgħa wara l-oħra u bdew iżommu l-kuntatt bil-korrispondenza. Damu x-xhur għaddejin hekk sakemm xahar minnhom, Stella ma rċivitx risposta għall-aħħar ittra li kienet bgħatet lil Giovanni. Moħħha ħaseb fil-ħażin. "Nispera li ma ġralu xejn. Nispera li għadu ħaj," bdiet taħseb waħedha Stella. Familtu, kif kien telaq għall-gwerra Giovanni, kienu trasferew ruħhom ġo villaġġ ċkejken ieħor u allura, awtomatikament, mhux li seta' jkollha kuntatt dirett magħhom u tkun taf aktar dwar Giovanni. Li kienet taf żgur huwa, li l-gwerra kien żmien ikrah, żmien il-firda, l-għaks u l-ġuħ.


Fortunatament, il-gwerra għaddiet u –inħawi ta' Viterbo, anke jekk b'mod gradwali, bdiet tqum fuq saqajha. Stella kienet sabet impjieg ta' ħajjata ġewwa ħanut ieħor imma, l-affarijiet bdew mixjin sew. Bir-ritmu u l-impenji ta' ħidma ġdida, l-għajnuna li kellha tagħti lill-familja, bilfors berrduha xi ftit minn Giovanni. Hi ma kienet taf xejn aktar dwaru u l-ħajja kellha tkompli.


**************************

Illum Stella għandha 73 sena. Wara dan iż-żmien kollu, fl-aħħar, m'għadhiex taħdem ovvjament u qed tgawdi l-jiem kalmi tax-xjuħija. Stella 'l hena tagħha tqatta' xi sagħtejn barra fuq l-għatba, tard wara nofsinhar, speċjalment fis-sajf. Filgħaxija imbagħad, jiġu jżuruha iż-żewġt uliedha bin-neputijiet sbieħ tagħhom. Neputijiet kellha xi sitta u lil dawn kienet tħobbhom wisq. Mill-bqija, Stella kienet drat tgħix waħedha, għaliex r-raġel tagħha kien ilu mejjet xi ħames snin.


Jum minnhom, waqt li kienet qiegħda barra fuq l-għatba, rat ftit mill-bogħod anzjan. Dan kien jidher xi ftit akbar minnha miż-żmien, għalkemm kien jidher li kien xi ftit magħkus. Il-passi tiegħu donnhom kienu bħal dawk ta' fekruna, kalmi u żgħar. Hekk kif dan ix-xwejjaħ wasal ħdejn Stella, staqsieha jekk kinitx taf fejn kienet toqgħod Franca Morcica. Sa fejn kienet taf hi, l-unika Franca li kienet tgħix ġot-triq tagħha, kienet toqgħod erba' bibien 'il fuq minnha. Qalilha li din kienet in-neputija tiegħu u li kien qed ifittex id-dar tagħha. Hekk kif ratu, Stella kellha s-sensazzjoni li lil dak l-anzjan kien bħal figura familjari għaliha. "Imma min jista' jkun?" qalet f'qalbha. "Fejn nafu? Qed inxebbhu ma' xi ħadd," bdiet sejra thewden. Imma kif għaddew ftit sekondi oħra, bdiet tiftakar. Ix-xwejjaħ kellu għadsa partikolari fuq ħaddejh. Kienet tixbah ħafna lil dik ta'...... ta'........."Giovanni, inti?"


"Iva, Iva... hekk jgħidu. Kif taf?" staqsa x-xwejjaħ.


"Giovanni Grimani?" reġgħet staqsietu hi.


"Hekk hu... stenna, stenna, imma inti min inti?" staqsieha xi ftit imbeżża' Giovanni.


"Sewwa qed ngħid mela, għaraftek. Ilu madwar ħamsin sena l-aħħar li rajtni Vanni. Kont għadni fjura, naħdem ġo ħanut tal-ħjata f'Via Rampollo."


"Stella? Stella Rossi? Jista' jkun?" qalilha Giovanni.


"Eżatt. Jiena kollni kemm jiena. Kont it-tfajla tiegħek dak iż-żmien u mbagħad ma smajtx aktar b'aħbarek minn ftit snin wara. Naħseb għad għandi xi ftit mill-ittri li kont bgħattli fil-bidu..." qaltlu hi kollha ħlewwa.


"Uħħ... Kemm ġrawli affarijiet f'dak iż-żmien. Tant ġraw, li mbagħad ħajti kellha tieħu qagħda oħra," qalilha Giovanni.

"Jekk mhux mgħaġġel, tista' tpoġġi bilqiegħda ħdejja u tibda tirrakkontali kollox. Għandi l-ħin kollu tad-dinja biex nisma' l-istorja ta' ħajtek," qalet Stella lill-ewwel imħabba ta' ħajjitha, wara ħamsin sena.


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page