top of page
Search

Sabrina ddejqet

  • TIZIANA BORG
  • May 27, 2016
  • 5 min read

Sabrina ddejqet. Kienet xebgħet ta' veru bis-sitwazzjoni tagħha. Riedet tinbidel u kien hemm drabi fejn bdiet tipprova minn qiegħ qalbha. Madanakollu, ir-riżultat dejjem kien l-istess, jew jiġiha agħar.


Sabrina tfajla ta' tmintax-il sena. Wiċċha wieħed mis-sbieħ. Għajnejha kbar u ħodor skuri. Xagħarha qastni jagħti fil-bjond u kellha tbissima mill-isbaħ tant li ġġiegħel lil min jaraha jitbissem ukoll. Il-karattru tagħha kien tal-ġenn. Simpatika, ċajtiera u popolari ma' ħafna nies. Meta toħroġ qisha l-Papa, il-ħin kollu tieqaf tpaċpaċ u xxejjer lil dak u lill-ieħor.


Imma Sabrina, anke jekk kienet tħossha xxurtjata li l-karattru tagħha kien jgħinha biex tmur tajjeb man-nies, skont hi, xorta kellha salib... il-ħxuna. Kellha l-piż żejjed u dan il-fatt kien iqabbadha d-dwejjaq. Kienu jiġu drabi fejn xejn ma kienet tara pożittiv u aktar iva milli le, kienet ta' spiss tħossha mhux 'normali'.


Anke jekk fl-eqqel ta' Awwissu tagħmel sħana ddoqq l-iskotti, ma kont taraha qatt b'xi flokk bla kmiem jew inkella b'xi qalziet qasir. Dejjem kienet tilbes qalziet twil u flokk bil-kmiem. Il-baħar ukoll kien idejjaqha. Għal ħafna nies, il-baħar ifisser rilassament u tgawdija, imma għaliha kien biss stress. Kienet taqla' l-fwied biex tinżel tgħum ftit fil-baħar... U meta kienet tinżel, kienet tilbes nuċċali tax-xemx ikbar minn wiċċha, il-malja (dejjem ta' kulur skur) u t-shirt bil-kmiem fuqha. In-nuċċali kienet tilbsu biex kemm jista' jkun ma tingħarafx. Il-flokk kienet tkun tridu biex xejn, xejn, tgħatti ftit minn laħamha. Ix-xugaman dejjem kienet tqiegħdu ħdejn il-blat biex kif titla' tkun tista' tgeżwru magħha fl-inqas ħin possibli. Kull ħarġa mal-ħbieb kienet tidħlilha, imma mhux jekk jgħidu li se jmorru nofs ta' nhar il-baħar, għax f'dak il-kas, dejjem kienet tara xi skuża ser tivvinta. Lanqas jekk kont iddehebha ma kienet tħalli lil sħabha jarawha bil-kostum tas-sajf.


Dan kollu kien tortura għaliha. Eżempju, kif tasal il-festa, tibda tħokk rasha biex tara x'ser tilbes. U anke jekk kien ikollha l-gwardarobba mimlija daqs bajda, mhux l-ewwel darba li kienet tispiċċa bid-dmugħ f'għajnejha, b'geddum sal-art, idejha marbuta u bilqiegħda fuq is-sodda, tħares lejn il-madum tal-kamra. Bħallikieku dak l-imbierek madum, kien ser joffri xi soluzzjoni... Il-gwardarobba kienet taraha mimlija veru, imma kull ħaġa li kienet tixħet fuqha kienet taraha kerha, jew dejqa, jew wiesgħa żżejjed, jew tax-xjuħ, jew mhux oriġinali u l-lista ma kienet tieqaf qatt.


Darba minnhom faqgħetha z-zija t'ommha. Kienet ilha ma taraha, imma l-imbierka zija Grezz, minflok staqsietha kif kienet, qaltilha li donnha tidher li ħxienet. Li kieku kellha ġebla f'idha, Sabrina ħasset li żgur kienet tħalliha tal-post! "Imma kemm hawn min hu wiċċu qiegħed?!" Flok tara kif jien, tgħidli li ħxint." U dakinhar kienet ratha kerha d-doppju. Qabel ma ħarġet kienet għamlet nofs ta' nhar tnewwaħ u tisħet xortiha... Lil dik il-fonqla riedet biex żgur iġġibha ottu.


Ma ngħidilkomx għand kemm-il waħda marret għand tad-dieta. Tibda u tibda b'ritmu tajjeb ħafna. Tibda taraha nieżla u nieżla mill-piż. Hemmhekk tibda tħossha tajjeb u tibda tagħmel il-kuraġġ. Tibqa' sejra hekk sakemm xi darba il-miżien jiddiċiedi li jieqaf jinżel. Minn dak il-ħin, tissuppervja, ma tmurx aktar fuq il-miżien u minflok, timpika. Aktar milli tara fejn tista' tmur aħjar, tmur fejn il-friġġ, tiftagħha u l-ewwel ċikkulata fil-wiċċ, iddamdamha f'nifs wieħed. Hekk, donnha dak il-ħin tippreferi u tħobb tweġġa' lilha nnifisha. Xi jkun dan kollu?


Ilbieraħ kienet waħda minn dawk il-ġranet. Ġiet mix-xogħol, straħet ftit u għenet lil ommha f'żewġ faċendiet. Xħin lestew, indunat li kienu għadhom xis-sitta u nofs. Kien għadu l-ħin u allura iddeċidiet li tmur għall-passiġġata. Aktar milli biex tagħmel xi ftit taħriġ biex forsi tonqos, riedet tmur mixja biex tirrilassa ftit u taqta' ftit mir-ritmu tal-ġurnata. Riedet tmur mixja fiċ-ċentru tar-raħal aktar milli fil-by-pass. Hemmhekk ma tara xejn ħlief karazzi għaddejin gass mal-pjanċa, nies jimxu jgħaġġlu b'xi par 'head-phones' waqt li jonfħu jew inkella xi wħud għaddejin bil-kelb. Fit-toroq taċ-ċentru tar-raħal differenti. Tara ftit minn kollox. Tfal sejrin il-mużew, xi anzjani bilqiegħda fuq bank, nisa għaddejin bix-xirja, xi ħaddiema jaħdmu fuq xi biċċa oħrajn, jew inkella xi ħbieb antiki.


Hekk ġralha dakinhar. Wara xi għaxar minuti mixi ltaqgħet ma' ħabiba antika tal-qalb tagħha. Rat lil Maraya wara ħafna żmien. Qabel kienu jkunu dejjem flimkien, imma issa li kellhom stil ta' ħajja differenti, ma kinux baqgħu jiltaqgħu daqshekk. Madanakollu, xortu kienu jiġġennu għal xulxin meta jinzertaw jiltaqgħu jew inkella jibgħatu xi sms b'mod każwali. "Hawn Maraya, kemm ili ma narak xbin," qalet Sabrina waqt li għannqet waħda lil ħabibitha.


"Kif inti ħi?" staqsietha.


"Hawn Sabrina. Vera, ilna ma niltaqgħu issa. Jien mhux ħażin, għalkemm nista' nkun ĦAFNA aħjar!" wieġbet Maraya.


"Ġralek xi ħaġa, mela?" qalet Sabrina.


" Għandi lil ommi ma tiflaħx, miskina," wieġbet Maraya.


"U tinkwetax, forsi jgħaddilha jekk Alla jrid," qalet Sabrina.


"Le, Sabrina. Sfortunatament, b'li għandha mhux ser jgħaddilha. Diġa' qatgħalna qalbna l-Professur. Għandha wieħed minn dawk..." lissnet b'qalbha sewda Maraya.


"Jiddispjaċini ħafna Maraya, ma immaġinajtx li gravi s-sitwazzjoni tagħha," kompliet Sabrina. "Meta tkun xi ħaġa hekk, qatt ma tista' tgħid biċ-ċert x'ser jiġri," żiedet.


"Iva ħija," qalet Maraya.


"Nista' niġi nittawlilha ftit, jekk ma tiddejjaqx? Ili ma naraha ħafna issa lil Mary," talbet Sabrina.


"Mela le, ejja araha ftit. Imma ħa navżak mhux qiegħda f'qagħda li tista' tkellmek wisq. It-terapija kienet kiefra magħha," infurmatha Maraya.


"Kollox sew,"qalet Sabrina. Imxew ftit passi u daħlu għand Maraya. Mary kienet hemm, mixħuta fuq is-sodda. Kemm kienet inbidlet. Sabrina bħal ħadet xokk għax lil Mary tafha mod ieħor. Kienet mara li żżomha, ħelwa u tinqala' għax-xogħol tal-idejn. Issa imma, kienet tidher li niżlet ftit u li għaddiet minn kedda, kemm fiżika u emozzjonali. F'mument ħassitha skomda. Żgur li ma kinitx ser tistaqsieha kif kienet, mistoqsija banali. Ommi ma, xi skumdita'. Tkellmu ftit fuq fuq u Mary staqsietha kif kienet sejra bħalissa b'ħajjitha. Sabrina qaltilha li kollox sew u li bħalissa kienet qed tistudja ġewwa l-Universita'.


Sabrina ħarset lejn l-arloġġ u qaltilhom li kien sarilha l-ħin biex tmur. "Jien ser ikolli nħallikom issa. Għandek bżonn xi ħaġa Maraya, trid forsi mmur nixtrilek minn xi mkien?" staqsiet Sabrina.

"Le ta, ma għandi bżonn xejn ta' barra minn hawn," wieġbet Maraya.


"Minnek jonqos. Ħadt gost li qed inkellimkom ftit illum. Jekk ikollkom bżonn xi ħaġa u ma jkollokom lil ħadd min jgħinkom, ċempluli ta'," offriet Sabrina.


"Grazzi Sabrina, grazzi ħafna," tenniet Maraya. Għannqet lil ħabibtha tal-aħħar u ddeċidiet li tkompli l-mixja sabiex tkun tista' tmur id-dar.


Hi u miexja, Sabrina tilfet rasha f'elf ħsieb. "Kos, għandek tgħid, kif tista' tinbidel ħajtek mil-lejl għal nhar... Lil Mary nafha tarmi l-enerġija u miskina Maraya, għandha tara lil ommha f'din is-sitwazzjoni mingħajr ma tista' tagħmel xejn partikolari biex tkun tista' taraha toħroġ minnha," qalet hi, bejnha u bejn ruħha. "Jien għadni żgħira vera, imma qatt ma tista' tgħid x'jista' jiġrilek. Bħal kulħadd, aħna fid-dinja qegħdin u mis-sema 'l isfel, kulħadd l-istess." Dak il-ħin Sabrina ftakret fil-qrid tagħha, dwar kemm-il dar4ba seħtet xortiha u ta' kemm maqdret lilha nnifisha. Ħassitha ħatja. Bdiet tħoss li fil-verita' kienet persuna ingrata u li fuq kollox, hi, ma kellhiex għalfejn tgerger.


Intebħet li hi kellha s-saħħa, anke jekk kellha l-piż żejjed. Kellha għalfejn dejjem tagħmel dak in-nervi kollu minħabba f'hekk. Mela xi jmissha tgħid Mary? Kemm kienet agħar is-sitwazzjoni tagħha. Bdiet riesqa lejn id-dar u kif kważi waslet, ħalfet li minn dak il-jum 'il quddiem, tieqad tilmenta, tħobb dak li għandha u tipprova tieħu ftit id-dieta b'aktar serjeta'. Mhux għas-sbuħija, le, imma għal saħħitha. "Illum nibda mill-ġdid. Fid-dinja jeżistu problemi akbar minn tiegħi. Nibda d-dieta sew minn għada stess u filgħaxija nerġa mmur nittawwal ftit lil Mary," ħasbet Sabrina, determinata aktar minn qatt qabel.


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Коментарі


bottom of page